San Ġiljan – Palazzo Spinola – Talba mill-Kunsill Lokali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3827, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma ġiet l-ebda risposta uffiċjali għat-talba tal-Kunsill Lokali San Ġiljan li talab li Palazzo Spinola jingħata lill-Kunsill bħala community centre? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din ir-risposta ?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Noise Control Commission – problema ta’ noise pollution
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx xi persuna/i jew kummissjoni li tagħti parir lill-Ministru fuq kwistjonijiet ġenerali relatati mal-istorbju, peress illi n-Noise Control Commission m’għadhiex topera u allura m’għadhiex taqdi din il-funzjoni? Tista’ tgħid jekk in-Noise Control Commission kellhiex il-funzjoni li tiffinalizza u tipproponi qafas leġiżlattiv sabiex tiġi regolata l-problema ta’ noise pollution?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari 2258, 2915 u 3178.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern għandux ħsieb li jipproponi qafas leġiżlattiv sabiex tiġi regolata l-problema ta’ noise pollution b’mod ħolistiku?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari 2258 u 3178.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm persuni attendew għas-servizz provdut fil-Berġa tas-Saħħa taż-Żejtun tul din is-sena 2022? Jista’ jgħid x’servizzi mediċi ġew provduti u possibbilment jindika f’liema ġranet ser tkun miftuħa tul is-sena li ġejja?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-bidu ta’ din is-sena sal-21/11/2022, kien hemm 3,800 persuna li attendew għas-servizz provdut fil-Klinika tal-Komunità taż-Żejtun. Is-servizzi provduti huma ta' Tabib, Infermiera, Fiżjoterapija, Patoloġija tad-Diskors, Podjatrija, Saħħa Mentali u Nutrizzjonista.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm persuni attendew għas-servizz provdut fil-Berġa tas-Saħħa ta’ Marsaxlokk tul din is-sena 2022? Jista’ jgħid x’servizzi mediċi ġew provduti u possibbilment jindika f’liema ġranet ser tkun miftuħa tul is-sena li ġejja?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-bidu ta’ din is-sena sal-21/11/2022, kien hemm 9,670 persuna li attendew għas-servizz provdut fil-Klinika tal-Komunità ta’ Marsaxlokk. Is-servizzi provduti huma ta' Tabib, Infermiera, Fiżjoterapija, Patoloġija tad-Diskors, Podjatrija, Saħħa Mentali, Nutrizzjonista u Flebotomija.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm persuni attendew għas-servizz provdut fil-Berġa tas-Saħħa ta’ Wied il-Għajn tul din is-sena 2022? Jista’ jgħid x’servizzi mediċi ġew provduti u possibbilment jindika f’liema ġranet ser tkun miftuħa tul is-sena li ġejja?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-11/03/2022 sal-21/11/2022 kien hemm 1,612-il persuna li attendew għas-servizz provdut fil-Klinika tal-Komunità ta’ Marsaskala. Is-servizzi provduti huma ta' Tabib, Infermiera, Patoloġija tad-Diskors, Podjatrija, Fiżjoterapija u Flebotomija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati delitti sa issa u kemm minnhom kienu każijiet ta’ serq fil-lokalità taż-Żejtun? Jista’ jgħid fuq kemm-il każ ittieħdu passi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ rapport ta’ reati (crime reports) li ġew irreġistrati fis-sistema kompjuterizzata tal-Pulizija, għaż-Żejtun, mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Ottubru 2022, kien ta’ mitejn u tmienja u sittin (268) li minnhom mija u tmienja (108) kienu każijiet ta’ serq. Minn tagħrif miġbur, sal-lum, in-numru ta’ każijiet minn dan il-perjodu fejn suspettati tressqu l-Qorti, kien ta’ tlieta u għoxrin każ. L-investigazzjonijiet għal kull rapport qed ikomplu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati delitti sa issa u kemm minnhom kienu każijiet ta’ serq fil-lokalità ta’ Ħal Għaxaq? Jista’ jgħid fuq kemm-il każ ittieħdu passi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ rapport ta’ reati (crime reports) li ġew irreġistrati fis-sistema kompjuterizzata tal-Pulizija, għal Ħal Għaxaq, mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Ottubru 2022, kien ta’ sebgħa u tmenin (87) li minnhom tlieta u għoxrin (23) kienu każijiet ta’ serq. Minn tagħrif miġbur, sal-lum in-numru ta’ każijiet minn dan il-perjodu fejn suspettati tressqu l-Qorti, kien ta’ seba’ każi. L-investigazzjonijiet għal kull rapport qed ikomplu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati delitti sa issa u kemm minnhom kienu każijiet ta’ serq fil-lokalità ta’ Wied il-Għajn? Jista’ jgħid fuq kemm-il każ ittieħdu passi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ rapport ta’ reati (crime reports) li ġew irreġistrati fis-sistema kompjuterizzata tal-Pulizija, għal Wied il-Għajn, mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Ottubru 2022, kien ta’ mitejn u sitta u sebgħin (276) li minnhom sebgħin (70) kienu każijiet ta’ serq. Minn tagħrif miġbur, sal-lum in-numru ta’ każijiet minn dan il-perjodu fejn suspettati tressqu l-Qorti, kien ta’ tmienja u għoxrin każ. L-investigazzjonijiet għal kull rapport ieħor qed ikomplu.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm-il uffiċċju ta' informazzjoni għat-turisti jew tourist information points għandha l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) jew il-Ministeru? F’liema lokalitajiet jinsabu dawn? X'inhuma l-ħinijiet ta' ftuħ għal kull każ?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba hija pubblika u tinsab fuq il-website tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fuq:
https://www.visitmalta.com/en/info/tourist-information-offices/
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-webpage.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1242, peress li huwa evidenti li s-servizz ċirkolari b’vetturi tat-trasport pubbliku minn u lejn iż-żona ta’ Wied iż-Żurrieq biex tiġi evitata konġestjoni fil-parkeġġ ta' Wied iż-Żurrieq falla, jista’ l-Ministru jara li jerġa’ jiġi kkunsidrat il-bini ta' multi-level parking f’Wied iż-Żurrieq fl-istess post fejn illum hemm il-parkeġġ?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellat illi l-Awtorita tat-Trasport u l-Infrastructure Malta qegħdin f’diskussjonijiet biex jiġu ndirizzati l-issues li hemm f’din iż-żona.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 1241 u 18572 tal-Leġiżlatura XIII fejn il-Ministru kellu jgħid jekk hemmx ippjanat li jsir multi-level parking fil-parkeġġ eżistenti ta' Wied iż-Żurrieq, peress li preżentement fil-maġġor parti tiegħu l-ispazju hu riservat għal coaches, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-testijiet u r-rapporti ġeoloġiċi li saru mill-Gvern fiż-żona biex jissostanzja dak li qal fir-risposti tiegħu? Jistgħu fil-frattemp jiġu identifikati żoni oħra f'Wied iż-Żurrieq stess, li fihom jistgħu jiġu pprovduti tali parkeġġi biex fin-nuqqas ta' turisti li ġejjin minn barra l-pajjiż, aktar Maltin iżuru dan il-post turistiku sakemm isir dan il-multi-level parking?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Filwaqt li ninsab konvint li l-Onor. Interpellant huwa familjari maż-żoni ristretti ta’ Wied iż-Żurrieq, nerġa’ nfakkru li, kif diġà ġie mwieġeb fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 18572 tal-Leġiżlatura XII, l-art imsemmija tinsab f’żona ODZ u għaldaqstant mhux permess żvilupp ta’ dan it-tip.
Peress li fir-risposti tiegħu għall-mistoqsijiet parlamentari nri 1233, 1234, 1235, 1236, 1237 u 1239 dwar xi proġetti hemm ippjanati f’Ħal Luqa, Ħal Safi, Ħal Kirkop, l-Imqabba u l-Qrendi biex jattiraw aktar turisti lejn in-naħa t’isfel ta' Malta l-Ministru qal li ser ikun qed jitħejja pjan ai termini tal-Istrateġija Maltija għat-Turiżmu sabiex jiġi estiż il-brand footprint ta’ Malta f’termini ta’ turiżmu u b’hekk jiġu identifikati proġetti f’diversi żoni madwar il-pajjiż, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-pjan hux lest u meta ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra?
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 808, u jgħid kemm hawn irziezet liċenzjati tal-baqar tal-ħalib f'Malta kif ukoll f’Għawdex? F’liema lokalità jinsabu dawn l-irziezet? Kemm-il baqra hemm f’kull razzett? Kemm jipprovdu ħalib fix-xahar, razzett b’razzett, mill-2019 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Malta u f’Għawdex hawn 272 razzett li huwa reġistrat mad-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja biex iżomm il-bovini li minnhom 221 jinsabu f’Malta u 51 jinsabu f’Għawdex. Ħa npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi f’liema lokalità jinsabu dawn l-irziezet u l-ammont ta’ baqar li hemm f’kull razzett. Dan id-Direttorat ma jkollux id-dettalji ta’ kemm jiġi prodott ħalib f’Malta u Għawdex.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 800 dwar in-nuqqas ta’ veterinarji f’pajjiżna, speċjalment għall-bżonnijiet li jkollhom minn żmien għall-ieħor ir-raħħala, jista’ l-Ministru jżomm mal-wegħda li għamel f'diversi diskorsi li għamel fil-Parlament u jara li anke jekk dawn mhux finanzjarjament vijabbli li jsiru f’pajjiżna, il-Gvern jikkontribwixxi finanzjarjament biex l-Università ta’ Malta tibda tagħmel dawn il-korsijiet ta’ veterinarji hawn Malta stess? Meta dawn il-korsijiet ta' veterinarji ser jibdew isiru hawn Malta? Meta l-istudenti interessati ser ikunu jistgħu japplikaw biex jibdew jattendu dawn il-korsijiet?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li nikkonferma r-risposta li diġà ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 800 u ma hemmx xi nżid ma' din it-twegiba. Għal aktar dettalji, din il-mistoqsija għandha tiġi referuta lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid, xahar b’xahar minn Jannar 2021 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm ġew sottomessi talbiet lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) biex ikun hemm eżenzjoni milli jiġi ingaġġat STO biex jissorvelja x-xogħol (skont Form 25B) hekk kif definit fil-‘provis’ ta’ regolament numru 25 tal-L.S. 623.06 (AL136/2019 kif emendat) peress li fir-risposti tiegħu għall-mistoqsijiet parlamentari numru 798 u 786 din l-informazzjoni ma ngħatatx?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx tali provis taħt ir-regolament numru 25 tal-L.S. 623.06.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3756, peress li għall-kuntrarju tat-tweġiba tal-Ministru, l-aktar audit report reċenti li wieħed jista’ jaċċessa huwa dak li kien ippubblikat fit-13 ta’ Lulju 2021, u li sar bejn it-13 u l-15 t’Ottubru 2020 hekk kif indikat fl-istess rapport, jista’ l-Ministru jgħid jekk din is-sena sarx proċess ta’ awditjar lill-American University of Malta (AUM) sabiex f’Awwissu din kellha l-liċenzja mġedda għal ħames snin oħra, liema estensjoni tal-liċenzja kienet ikkonfermata mill-Ministru stess fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2680?.
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3756, dik ir-risposta hi korretta fejn l-Institutional Audit, li abbażi tiegħu toħroġ il-liċenzja, kien u għadu jinsab online.
Awtorità tal-Artijiet – każ li ilu pendenti seba’ snin
Question
B’referenza għall-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li ilu seba’ snin pendenti u li l-unika tweġiba dwaru li waslet mill-Awtorità tal-Artijiet hija li l-verifika għadha għaddejja minħabba li ż-żona hija vasta u kkumplikata, jista’ l-Ministru jispjega dak li huwa mfisser bil-frażi “vasta u kkumplikata”? Peress li dan il-każ ilu pendenti għal seba’ snin, jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni dwar meta se jissolva?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-art inkwistjoni qiegħda fl-aħħar stadji ta’ reġistrazzjoni.
Grupp dwar l-operat tal-FIAU – ħlas lill-esperti maħtura
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4051, jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu l-esperti li ġew magħżula għall-grupp li twaqqaf madwar sentejn ilu, magħmul minn numru ta' esperti, dwar l-operat fil-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU)?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija f’PQ 4049.
B’referenza għall-omiċidju li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatment li seħħ fit-22 ta Novembru 2022 ġewwa Kordin, jista’ l-Ministru:
a. jagħti d-dati tar-rapporti li saru mill-vittma f’dawn l-aħħar sentejn, f’liema għassa saru dawn ir-rapporti u x’passi ttieħdu fuq kull wieħed minn dawn ir-rapporti;
b. jgħid min kien responsabbli li jinvestiga u jmexxi ’l quddiem kull rapport li sar mill-vittma u/jew minn qraba tagħha; u
ċ. jgħid x’passi ttieħdu fuq l-allegat rapport li sar nhar it-Tnejn, 21 ta Novembru 2022?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-Dokument imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra numru 943 fis-Seduta Numru 60 tat-23 ta’ Novembru 2022.