Legislature:
Category:
Reset
Active:

Car Park attendants — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm car park attendants impjegati jew liċenzjati u jelenka liema car parks pubbliċi jservu fihom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm sitta u erbgħin car park attendant li huma illiċenzjati mill-Awtorità għat-Trasport f’Malta biex iservu fis-siti ta’ parkeġġ pubbliku elenkati fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab ukoll infurmat illi dawn il-car park attendants mhumiex impjegati tal-Awtorità għat-Trasport f’Malta.

MFSA — Kumpaniji Rreġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kumpaniji reġistrati ġodda u liċenzjati mal-MFSA tul din is-sena?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ liċenzji ġodda maħruġa f’2022 sal-aħħar ta’ Ottubru huwa ta’ 165. L-Awtorità tixtieq tinforma li kien hemm ukoll 200 liċenzja oħra fuq dawk il-165, li ġew awtorizzati b’mod permanenti skont ir-regolazzjoni ġdida ta’ Corporate Service Providers għal total din is-sena ta’ 365. Dawn il-200 liċenzja skont ir-regolament tal-Corporate Service Providers kienu diġà ġew irrapportati bħala liċenzji li kienu awtorizzati b’mod proviżorju f’2021. Għar-rigward ta’ kumpaniji reġistrati ġodda, din l-informazzjoni tista’ tingħata mill-Malta Business Registry li hija awtonoma mill-MFSA.

QRATI — Ġurijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies jistennew biex jgħaddu ġuri u kemm hemm ippjanati li jsiru minn issa sal-aħħar tal-2023?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-22 ta’ Novembru 2022 kien hemm 106 ġuri pendenti (130 akkużati b’kollox). Hemm 20 ġuri appuntat (24 akkużati b’kollox). Hemm 8 ġurijiet (bi 11-il akkużat) li mmaturaw riċentament u qed jistennew id-data tal-appuntament. It-78 ġurijiet pendenti l-oħra (95 akkużati b’kollox) għalissa ma jistgħux isiru għal diversi raġunijiet varji fosthom; minħabba proċeduri Kostituzzjonali, għax qegħdin jistennew kawżi oħra, għax għadhom fi stadju ta’ eċċezzjonijiet preliminarji jew jistennew rapport minn espert psikjatriku.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – strateġija ta’ komunikazzjoni interna

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 10) kien li se tiġi implimentata strateġija ta’ komunikazzjoni interna biex l-informazzjoni tiġi mtejba bejn is-sezzjonijiet kollha fil-Malta Police Force, jista’ l-Ministru jgħid jekk din l-istrateġija ta’ komunikazzjoni interna bdietx tinħadem? Jista’ jgħid x’inhi eżattament din l-istrateġija u kif ġiet imtejba s-sistema interna ta’ komunikazzjoni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dwar l-għan numru 10, minn meta nbdiet l-istrateġija. il-komunikazzjoni interna fil-Korp ġiet estiża u mtejba bl-uzu tat-tlett metodi elettronici principali u cioe’ l-email, l-extranet u kif ukoll bl-introduzzjoni ta’ group networking website tal-Facebook għal uzu tal-membri tal-korp kollu. L-email jintuża għal-bdil ta’messaggi u tippermetti t-tixrid ta’ nformazzjoni importanti, li tinkludi diversi avviżi u sejħiet għal-applikazzjonijiet fost kominikazzjonijiet elettonici oħra. L-extranet hija sors li permezz tagħha tinħareġ informazzjoni relatata ma l-attivitajiet tal-korp u iktar min hekk tintuza relattivament regulari, għax hija sistema fejn membri tal-korp jsibu dettalji u materjal għal skop ta’ referenza, konness max-xogħol taghħom. Is-sistema tinkludi facilita ta’ tfittxija għall-dokumenti li jintuzaw kuljum għal-uzu tal-istess membri, imma tgħin ukoll biex testendi servizz aħjar lill-komunita. Il-Facebook group huwa netwerk socjali flessibli, uzat min membri tal-Korp li permezz ta’ messaġġi jiddiskutu materja relatata max-xogħol u esperjenzi tagħhom, fost possibiltajiet oħra. Il-komunikazjoni nterna ssaħħet ukoll bl-introduzzjoni ta’gażżetta diġitali interna li tiġi ccirkulata kull xahar. Issaħħet bl-introduzzjoni ta’ Standard Operating Procedures li jinħarrġu eletronikament regularment u li permezz tagħhom jiġi spjegat il-process ta’ diversi proceduri li l-ufficcjali jridu josservaw, pass wara pass. Dawn il-mezzi u oħrajn ssostitwew metodi tal-passat, fejn numru ta’ komunikazzjonijiet kienu jsiru manwalment permezz ta’ stampar fuq karti u mhux diġitali, barra li ziedu il-possibilita u ħolqu iktar opportunitajiet biex l-ufficcjali tal-korp fi gradi kollha jsemmu aktar leħinhom u jippartecipaw, fil-bidla li għaddej minnha il-korp bħalissa. It-titjib ser ikompli fis-snin li ġejjin.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – Transformation and Change Management Unit

Question

B’rabta mal-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 - Objective 10, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-“transformation and change management unit” ġietx imwaqqfa fi ħdan il-Malta Police Force? Jekk iva, meta u min imexxi din il-unit?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-Uffiċċju tat-trasformazzjoni u l-immaniġġar tal-bidla ġie mwaqqaf f’Settembru tas-sena 2020. L-uffiċċju li huwa taħt ir-responsabilità tad-Direttur tal-Istrateġija u Trasformazzjoni, huwa ġestit ukoll minn żewġ spetturi, li lkoll joperaw id-direzzjoni u linji gwida maħruġa direttament mid-Direttur Ġenerali Strategy and Support u l-Kummissarju tal-Pulizija.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – performance appraisals

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 11) kien li jiġu stabbiliti numru ta’ kriterji biex il-pulizija jifhmu aħjar kif huma għandhom jaħdmu fil-Korp, u peress li ntqal ukoll li s-sistema ta’ “performance management” se tiġi riveduta u mtejba u kull membru jagħmel performance appraisal fejn huwa jiġi evalwat u dokumentat kemm qed jaħdem sew, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn il-performance appraisals ġewx riveduti? Jekk iva, meta? Xi nbidel fir-realtà?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dwar l-għan numru ħdax tal-istrateġija, relatat mar-reviżjonijiet fil-performance appraisals li jsiru, il-Korp jinsab għaddej b’din ir-reviżjoni. Saru numru ta’ laqgħat mal-People & Standards Division, sabiex il-pjattaforma diġitali li tintuża fiċ-Ċivil tkun tista’ tibda titħaddem fil-Korp, b’rekwiżiti partikolari liema rekwiżiti ser ikunu bbażati fuq il-Competency Values Framework li wkoll jinsab fl-aħħar fażi biex ikun konkluż.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – Internal Audit and Investigations Unit

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 11) kien li jkun hemm reviżjoni fil-proċeduri ta’ dixxiplina b’rabta mas-sistema ta’ performance management, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Internal Audit and Investigations Unit ġietx imwaqfa u jekk iva, meta bdiet taħdem u min huma l-membri ta’ din il-unit?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi għall-għan numru 11 ta’ l-istrateġija , l-Internal Audit Investigations Unit ġie mwaqqaf. Dan id-Dipartiment huwa ffurmat minn żewġ taqsimiet, l-Uffiċċju tal-Internal Audit u l-Uffiċċju tal-Professional Standards li jimmaniġġaw l-awditjar u investigazzjonijiet interni rispettivament. L-Internal Audit Office twaqqaf f’Mejju tas-sena 2021 u huwa ġestit minn Awditur li jmexxi s-sezzjoni, assistit minn żewġ spetturi u kuntistabbli. L-Uffiċċju tal-Professional Standards twaqqaf f’Awwissu tas-sena 2020 u huwa preżentement ġestit minn Suprentendent, żewġ spetturi, – sitt surġenti maġġuri u żewġ kuntistabbli.

Korp tal-Pulizija – Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – promozzjonijiet

Question

Peress li fil-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 intqal li wieħed mill-objettivi strateġiċi (Objective 11) kien li ser titħaddem gwida ġdida fejn membru fil-Malta Police Force jkun promoss skont il-ħila tiegħu, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn il-proċeduri ġodda ta’ promozzjonijiet ġewx implimentati? Jista’ jgħid b’mod konkret xi nbidel?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dwar l-għan numru ħdax tal-istrateġija, li jikkonċerna promozzjonijiet ibbażati fuq il-ħila, il-Korp huwa kommess li jara li jsir l-aħjar użu mir-riżorsi tiegħu u dan iseħħ biss jekk il-promozzjonijiet jinħarġu fuq il-bażi ta’ ħila. Intant, il-Korp qed jara li regolarment joħrog sejħiet għal-promozzjoni fi gradi ta’ surġenti u spetturi, tant li mill-aħħar tas-sena 2020 sal-lum, ħarġu sejħiet relatati kull sena. Dawn is-sejħiet qegħdin jinħarġu b’rekwiżiti speċifiċi, u fiż-żewġ istanzi il-proċess ta’ għażla, jinkludi eżamijiet li wieħed irid jgħaddi minnhom qabel jipproċedi għal pass ta’ selezzjoni li jkun imiss. Fi kwalunkwe każ, l-aħħar pass qabel il-kandidati jipproċedu bit-taħriġ għal-promozzjoni, jkun jinkludi intervista fejn l-applikant jiġi assessjat minn bord intern. Fejn jikkonċerna r-rank ta’ surġent, il-Korp introduċa l-physical efficiency test. Fir-rigward tas-sejħiet għal spetturi ġew introdotti kemm General Ability Test (GAT) kif ukoll preżentazzjoni qasira ta’ ħames minuti li tiġi preparata mill-applikanti, u preżentata waqt l-intervista. Fil-każ ta’ promozzjonijiet għal gradi għola fil-korp, partikolarment fil-kariga ta’ Assistent Kummisarju u Deputat Kummissarju, il-kandidati qed jiġu mitluba jissottomettu pjan ta’ azzjoni mifrux fuq medda ta’ tliet (3) snin li abbażi tiegħu, ikun jista’ jiġi assessjat il-kandidat u il-potenzjal tiegħu għal dik il-kariga. Dan huwa proċess kontinwu u bħalma diga ntqal fi tweġibiet oħra, ser jibda proċess li jevalwa t-taħriġ offrut biex iwassal għall-promozzjonijiet fid-diversi gradi tal-Korp.

Korp tal-Pulizija – transfers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed isiru t-transfers fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u jekk hemmx xi policy dwar kif dawn it-transfers isiru? Jekk hemm policy, jista’ jqiegħed kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi rigward il-proċess ta’ kif isiru t-transfers fil-Korp, f’Novembru tas-sena 2020, xahrejn wara li ġiet imnedija l-Istrateġija ta’ Trasformazzjoni 2020-2025, il-Korp ippubblika Horizontal Movement Policy li tirregola l-mod kif jiġi proċessat transfer fl-istess Korp. Permezz ta’ din il-Policy, il-Korp qed jopera proċess ta’ trasferiment ġust u imparzjali għall-gradi u l-pożizzjonijiet kollha fid-dipartiment, fejn il-preferenzi individwali tal-impjegati jiġu akkomodati jekk dan ikun possibbli, filwaqt li jiġi aċċertat l-aħjar interess tad-dipartiment. Illum il-postijiet vakanti interni li jkun hemm fil-Korp jimtlew wara l-ħruġ ta’ applikazzjonijiet għall-istess postijiet. Dawn jiġu segwiti minn proċess ġust ta’ għażla u trasparenza, bir-riżultati jiġu kkomunikati lill-kandidati qabel l-għażla issir uffiċjali. Xhieda ta’ dan huwa rifless fl-erbgħa u erbgħin (44) sejħa li saret matul is-sena 2021 u t-tlieta u erbgħin (43) sejħa ta’ din is-sena.

Għawdex – sheep farms

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal bini jew estensjoni ta' sheep farms jew inkella bdil ta' użu għal sheep farms ġewwa Għawdex fl-aħħar seba’ snin? Jista' jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati, kemm minnhom ġew rifjutati u kemm minnhom għadhom pendenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru totali ta’ applikazzjonijiet sottomessi bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u s-16 ta’ Novembru 2022 relatati ma’ bini, estenzjonijiet u bdil fl-użu ta’ ‘sheep farms’ ġewwa Għawdex jammontaw għal 71, liema minnhom 30 ġew approvati, 12 ma ġewx approvati, 21 għadom pendenti u 8 rtirati.

Direttiva (UE) Nru. 2020/1828 – bdil leġiżlattiv

Question

B’referenza għall-konsultazzjoni pubblika li ħarġet fil-11 ta’ Novembru, 2022 dwar il-bdil leġiżlattiv li qed jiġi propost biex tiġi trasposta d-Direttiva (UE) Numru 2020/1828, tista’ l-Ministru tgħid għalfejn għal finijiet tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, qed jiġi propost li dan isir tramite Att ġdid imsejjaħ l-Att tal-2022 dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi tal-Konsumaturi minflok li jiġi meqjus li t-traspożizzjoni ssir tramite emendi għall-Att dwar Proċedimenti Kollettivi, Kap. 520 – liġi fejn diġà hemm il-qafas għax-xorta ta’ azzjonijiet kontemplati fl-imsemmija Direttiva?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-għan ewlieni tad-Direttiva dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi (EU/2020/1828) huwa li jiġi żgurat li f’kull Stat Membru jkun hemm mekkaniżmu proċedurali effettiv u effiċjenti għal azzjonijiet rappreżentattivi u tapplika għal ksur domestiku u anke transkonfinali tal-leġiżlazzjonijiet imsemmija fl-Anness tad-Direttiva. Għaldaqstant din id-Direttiva tittratta speċifikament azzjonijiet rappreżentattivi mressqa minn konsumaturi, u ma tinkludix fiha l-liġi tal-kompetizzjoni. Fid-dawl tal-premess, u anke peress li l-Att dwar il-Proċedimenti Kollettivi (Kap. 520) japplika wkoll għal proċeduri istitwiti minn ‘Korpi Kostitwiti’ li ma jirrappreżentawx konsumaturi, id-Direttiva ġiet trasposta f’Att separat u ġdid, u l-Kap. 520 jibqa’ fis-seħħ, iżda ħa jibqa’ japplika biss għall-Att dwar il-Kompetizzjoni.

Ministeru għal Għawdex – Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi fil-Ministeru għal Għawdex sena b' sena min Marzu 2012 sal-lum? X'inhu x-xogħol ta' kull wieħed minn dawn? Jista' jgħid ukoll jekk fl-aħħar ġimgħat inħarġux calls biex jiżdiedu d-Diretturi jew Assistenti Diretturi? Jekk iva, għaliex inħasset il-ħtieġa li jkomplu jiżdiedu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3713.

Ministeru għal Għawdex – ħatra ta’ Bordijiet tal-Għażla għall-pożizzjonijiet vakanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid mit-3 ta’ Ġunju 2017 sal-lum, kemm inħatru Bordijiet tal-Għażla għall-postijiet/pożizzjonijiet vakanti fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu? X'kien il-post/pożizzjoni vakanti li għalih inħatar kull Bord tal-Għażla? Min kienu ċ-Chairperson u l-membri ta' kull bord maħtur? Kemm kienet l-ispiża globali fi flus li tħallset għall-membri tal-bordijiet sena b' sena mit-3 ta’ Ġunju, 2017 sal-lum?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-PQ2839. Rigward l-ispiża globali fi flus li tħallsu l-membri tal-bordijiet, ngħarrfu li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Għawdex – manutenzjonijiet fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3647 u jgħid matul is-sena 2022 sal-lum kemm kienet in-nefqa: a. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja ta' Kerċem; b. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja taż-Żebbuġ; ċ. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja tal-Għarb; d. fuq it-tisbiħ ta' diversi faċċati ta' diversi skejjel f'Għawdex? F'kull każ, jista' jagħti data meta se jkun lest ix-xogħol?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Tender IMT007/2022 'tender for the provision of an HVSC and LVSC onshore power supply (OPS) system in the South Harbour Region and Lascaris Wharf, Grand Harbour, Port of Valletta Malta'

Question

B' referenza għat-Tender IMT007/2022 'Tender for the Provision of an HVSC and LVSC Onshore Power Supply (OPS) system in the South Harbour Region and Lascaris Wharf, Grand Harbour, Port of Valletta Malta', jista’ l-Ministru jgħid minn min huma fformati ż-żewġ Consortium (isem il-kumpaniji, jew persuni) li ssottomettew (ibbiddjaw) għal din l-imsemmija tender?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx consortia li tefgħu offerti fit-tender indikat minnu.

San Pawl il-Baħar, Mellieħa, San Ġiljan u Tas-Sliema – proġetti ta’ riġenerazzjoni u tisbiħ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3831, jista’ l-Ministru jagħti tweġiba skont kif mitlub, jiġifieri kemm intefqu flus f’riġenerazzjoni u tisbiħ ġewwa l-Mellieħa bejn Jannar 2021 u Settembru 2021 u liema kienu; kemm intefqu flus f’riġenerazzjoni u tisbiħ ġewwa San Pawl il-Baħar u liema kienu; kemm intefqu flus f’riġenerazzjoni u tisbiħ ġewwa San Ġiljan u liema proġetti; u kemm intefqu flus f’riġenerazzjoni u tisbiħ ġewwa Tas-Sliema u liema proġetti kienu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru dawn ix-xogħlijiet: Mellieħa - xogħol relatat ma’ tiswija u upkeep taż-żona, inkluż l-Għadira, b’koordinament mal-Kunsill Lokali, kif ukoll xogħol fil-promenade tal-Għadira u fil-Pjazza tal-Mellieħa. Dawn ix-xogħlijiet jammontaw għal kważi €47,900. San Pawl il-Baħar - xogħol relatat ma’ tiswija u upkeep taż-żona, inkluż interventi fil-promenade tax-Xemxija, b’koordinament mal-Kunsill Lokali; xogħlijiet relatati mal-Ġnien fi Triq il-Knisja, u servizzi fil-Pjazza ta’ Buġibba. Dawn jammontaw għal ftit iktar minn €578,000. San Ġiljan - xogħol relatat ma’ tiswija u upkeep taż-żona b’koordinament mal-Kunsill Lokali; xogħlijiet f’Xatt is-Sajjieda u r-restawr tal-arloġġ - €22,500. Tas-Sliema - xogħol relatat ma’ tiswija u upkeep taż-żona, inkluż il-promenade tax-Xemxija, b’koordinament mal-Kunsill Lokali - €10,000.

San Ġiljan — Spinola – pjan ta’ riġenerazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3832, fejn il-Minsitru wieġeb li x-xogħlijiet ser “jibdew fix-xhur li ġejjin”, jista’ l-Ministru jagħti timeline ta’ meta huma dawn ix-xhur li ġejjin? Jaf li b’dan id-dewmien diversi sidien ta’ stabbilimenti tal-madwar iħossuhom anzjużi u ma jistgħux jippjanaw in-negozju tagħhom minħabba x-xogħlijiet previsti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3832, ninfurmah li l-proġett ta’ Spinola ser jibda minn Triq Paceville.

San Ġiljan – Palazzo Spinola

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3834, fejn il-Ministru qal li l-Palazzo Spinola ser jingħata lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ b’mod temporanju biex jintuża bħala uffiċċji minħabba xi xogħlijiet li ser ikun hemm f’dan il-Ministeru, jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx li f’dan il-Palazz hemm applikazzjoni PA02310/20 li l-għan tagħha huwa “replacement of dangerous roof to outbuilding and render same accessible to all’? Jaf il-Ministru li jekk isir kif intqal fir-risposta, ser jesponi lill-ħaddiema tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranini għall-periklu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet qiegħda f’diskussjonijiet mal-Ministeru kkonċernat sabiex isiru x-xogħlijiet kollha neċessarji fil-Palazz ta’ Spinola qabel dan jibda jintuża. Għal aktar dettalji dwar il-pjan tax-xogħlijiet, il-mistoqsija għandha ssir lill-Ministru kkonċernat.

San Ġiljan – Palazzo Spinola – xogħol ta’ restawr

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3835, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol ta’ restawr tas-saqaf u tal-faċċata tal-Palazzo Spinola skont l-applikazzjoni PA02310/20?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 4122

San Ġiljan – Palazzo Spinola – encroachment

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3836, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-encroachment u l-kundizzjonijiet marbuta miegħu hekk kif kien mitlub jagħmel?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalma diġà elenkajt f’risposti passati, l-informazzjioni mitluba hija waħda interna tal-Awtorità tal-Artijiet u għaldaqstant ma jkunx opportun li titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Madankollu fil-bord tal-Awtorità tal-Artijiet hemm Membru Parlamentari maħtur mill-Oppożizzjoni li qed jingħatalha ċ-cans li tara hi personalment id-dokumenti mitluba.