Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Far – ħsejjes iġġenerati mit-trakka tal-karozzi

Question

Peress li l-Ministru fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 2027 ma rrispondiex għall-mistoqsijiet fl-istess domanda, jista' l-Ministru jgħid jekk intbagħtitx kopja tal-istudji dwar il-ħsejjes li se jkunu qed jiġu ġġenerati mit-trakka tal-karozzi f'Ħal Far lill-Kunsilli Lokali ta' Birżebbuġa, taż-Żurrieq u ta' Ħal Safi? Jista' jagħti d-dati ta' meta saru l-laqgħat ta' konsultazzjoni ma’ dawn il-kunsilli, x'kienu l-punti mqajma, kif dawn il-punti se jiġu indirizzati u jippreżenta dokumentazzjoni li turi dan? Jista' jqiegħed ir-rapport jew rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra dwar il-ħsejjes li mistennija jiġu ġġenerati u kif dawn se jiġu mmitigati?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2027.

Ħal Far Model Flying Association – ċaqliq għall-inħawi ta’ Wied Żnuber

Question

B'referenza għall-wegħda li għamel il-Prim Ministru ftit qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, jista' l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-pjan li jsir iċ-ċaqliq tal-Ħal Far Model Flying Association minn fejn hi ppjanata li ssir it-trakka tal-karozzi għall-inħawi ta' Wied Żnuber?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan li jsir iċ-ċaqliq tal-Ħal Far Model Flying Association għadu fis-seħħ.

Ħal Far — trakka tal-karozzi – immigranti li jinsabu f’ċentri miftuħa

Question

Minħabba li fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 2032 u 2844 il-Ministru għamel referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2027 u din it-tweġiba ma tagħtix ir-risposta għall-mistoqsijiet 2032 u 2844, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li immigranti li jinsabu fiċ-ċentri miftuħa, ċentri tar-refuġjati u ċentri oħrajn li jinsabu qrib u madwar is-sit fejn hemm il-ħsieb li tinbena t-trakka tal-karozzi f'Ħal Far, hux se jiġu rilokati u jekk iva, kemm minnhom u fejn?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bil-proġett propost, l-akkomodazzjoni temporanja għal refuġjati f’Ħal Far mhux se tkun qed tintmiss.

Beverage Container Refund Scheme – rapport jew studju dwar is-sistema

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport jew studju li juri li huwa aktar feasible li s-sistema tal-Beverage Container Refund Scheme tkun f'idejn il-privat milli f'idejn il-Wasteserv?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ġbir tal-iskart mhux ir-rwol ewlieni tal-WasteServ u allura qatt ma kien ikkontemplat li skema bħal tal-BCRS tkun immexxija mill-WasteServ. In oltre tajjeb li l-Onor. Interpellant ikun konxju tal-“"Extended Producer Responsibility”" policy mifruxa fuq livell Ewropew, fejn ir-responsabbiltà tal-produttur tinfirex sa wara li l-prodott ikun ikkonsmat. F’numru ta’ direttivi Ewropej dan il-kunċett huwa mandatorju.

Impjanti tal-Wasteserv – materjal riċiklabbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu stmat li se jonqos, f'tunnellati kull sena, il-materjal riċiklabbli fl-impjanti tal-Wasteserv meta s-sistema tal-Beverage Container Refund Scheme tkun qed topera normali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li peress li l-iskema għadha kif daħlet fis-seħħ għadu kmieni wisq biex ikun hemm numri preċiżi. Huwa mistenni li bl-introduzzjoni ta’ din l-iskema r-rata ta’ riċiklaġġ ta’ kontenituri tax-xorb għandha tiżdied.

Wasteserv – tnaqqis fid-dħul konsegwenza tal-Beverage Container Refund Scheme

Question

Ibbażat fuq il-prezzijiet tal-lum, tista' l-Ministru tgħid kemm hu stmat li se jonqos id-dħul tal-Wasteserv kull sena meta s-sistema tal-Beverage Container Refund Scheme tkun qed topera normali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 4606.

Għaqdiet Sportivi reġistrati mal-Kunsill Malti għall-Isports

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4177 u 4377 u jagħti tagħrif dwar in-numru ta' għaqdiet sportivi li huma reġistrati mal-Kunsill Malti għall-Isports, lokalità b’lokalità? F'kull każ, f’liema dixxiplini sportivi huma attivi l-għaqdiet li huma reġistrati mal-Kunsill Malti għall-Isports?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-Kunsill Malti għall-Isport ma baqax jiffunzjona mit-twaqqif ta’ Sport Malta fl-2014. L-għaqdiet sportivi jammontaw għal 384 u l-attività sportiva kondotta minnhom qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li tali għaqdiet joperaw minn faċilitajiet sportivi vari u b’hekk ma jistgħux jiġu distinti lokalità b’lokalità.

Eżamijiet jew assessments għal tfal bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4408 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3903 rigward eżamijiet jew assessments għal tfal bi bżonnijiet speċjali, jista' l-Ministru jgħid jekk il-karta livellata hux se tkun standardizzata għal kull student?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3903.

MFSA – Kap Eżekuttiv – kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn l-Eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) għadu qed jitħallas eluf fix-xahar? Jista’ jippubblika l-kuntratt li kellu l-Kap Eżekuttiv ta’ din l-Awtorità, li ismu qed jintbagħat separatament?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

MFSA – Minuti ta’ laqgħa tal-Bord tad-Diretturi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħa tal-Bord tad-Diretturi tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA), li fiha ġew approvati l-pagamenti li l-Eks Kap Eżekuttiv tal-MFSA, li ismu qed jintbagħat separatament, għadu qed jingħata fix-xahar?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Anzjani – djar residenzjali privati – kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti kollha relatati mal-ftehim eżistenti vis-à-vis il-kura tal-anzjani fi djar residenzjali privati li qed jingħataw sussidju mill-Gvern?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ma jagħti l-ebda sussidju lil djar residenzjali privati.

MFSA – kumpaniji liċenzjati – proċeduri kriminali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx persuni, u jekk iva kemm hemm, li huma shareholders, diretturi jew uffiċjali bi rwol eżekuttiv, ta’ kumpanija liċenzjata mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA), u li għaddejjin minn proċeduri kriminali kontrihom fil-qorti?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Renal dialysis li ma sarux minħabba nuqqas ta’ staff

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk minn Jannar tal-2021 ’l hawn kienx hemm xi okkażjonijiet fejn pazjenti morda bil-kliewi ma setgħetx issirilhom renal dialysis minħabba nuqqas ta’ staff?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull minn kellu jew għandu bżonn ta’ servizz ta’ renal dialysis qiegħed jieħu l-kura kollha meħtieġa

Sptar – appuntament għal dialysis

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega l-proċedura biex isir appuntament ġdid għad-dialysis f’każ li l-appuntament oriġinali jkun ikkanċellat min-naħa tal-isptar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’każ li l-appuntament oriġinali jkun ikkanċellat il-pazjent jingħata appuntament jew dakinhar stess jew l-għada.

Appuntamenti għad-dialysis ikkanċellati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk minn Jannar tal-2021 ’l hawn kienx hemm xi istanzi fejn appuntamenti għad-dialysis ġew ikkanċellati meta l-pazjent kien diġà wasal l-isptar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 4649.

Appuntamenti għad-dialysis ikkanċellati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kienu kkanċellati appuntamenti għad-dialysis minn Jannar tal-2021 sa issa, indikati skont is-sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 4649.

Renal Unit ġdida

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx sezzjoni ġdida ġewwa r-Renal Unit? Jekk iva, jista’ jgħid jekk din is-sezzjoni hux qiegħda tintuża, u għal liema appuntamenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Ottubru li għadda, spazju addizzjonali biswit ir-Renal Unit oriġinali ġie trasformat f’estenzjoni ġdida li diġá qiegħda tintuża

Naxxar – sistemi tad-drenaġġ

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 3299 u 4410 u t-tweġibiet għalihom, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) għandhiex informazzjoni ta’ fejn hemm u fejn ma hemmx sistema tad-drenaġġ ikkomunikata mas-sistema prinċipali tad-drenaġġ u fejn hemm din is-sistema kkommunikata fin-Naxxar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għar-risposti li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari 3299 u 4410 fejn intalbet tgħarraf lill-Kamra jekk taf b’xi nħawi fin-Naxxar li mhumiex imqabbdin mas-sistema tad-drenaġġ prinċipali. Il-WSC tipprovdi dan is-servizz tad-drenaġġ skont il-Customer Charter, li qed inpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra u li jinstab ukoll fuq il-websajt, Sezzjoni 2.3 għal kull lokalità mingħajr eċċezzjoni.

Mellieħa – sistemi tad-drenaġġ

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 3298 u 4411 u t-tweġibiet għalihom, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) għandhiex informazzjoni ta’ fejn hemm u fejn ma hemmx sistema tad-drenaġġ ikkomunikata mas-sistema prinċipali tad-drenaġġ u fejn hemm din is-sistema kkommunikata fil-Mellieħa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 4665.