Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel tal-Gvern – tfal barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal barranin fl-iskejjel tal-Gvern? Jista' jelenka l-ammont lokalità b'lokalità u minn liema pajjiż ġejjin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kulleġġi u skejjel statali primarji – handymen u cleaners

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm handymen u cleaners f'kull kulleġġ u skejjel statali primarji?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ handymen u cleaners fil-kulleġġi u skejjel statali primarji hu ta’ 579.

Nurseries tal-futbol — investiment

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'investiment sar fin-nurseries tal-klabbs tal-football?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fost għajnuna oħra li tingħata lill-klabbs tal-football, inkluż nurseries kemm f’Malta u wkoll f’Għawdex, li tinkludi għotjiet finanzjarji, qed jiġi implimentat ftehim li kien iffirmat kmieni s-sena li għaddiet b’investiment ta’ €6 miljun, li permezz tiegħu fuq medda ta’ tmien snin se jinbidlu 55 wiċċ ta’ ground f’Malta u 13 f’Għawdex. Minn dan l-investiment se jibbenefikaw 68 klabb tal-futbol f’Malta u Għawdex kif ukoll assoċjazzjonijiet li huma membri tal-MFA.

MGA – ħaddiema professjonisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm professjonisti fi ħdan l-Awtorità ta' Malta dwar il-Logħob (MGA)? F’kull każ, x’inhi l-professjoni tagħhom u f’liema qasam regolatorju jaħdmu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru jikkonsidra l-ħaddiema kollha tal-MGA huma meqjusa professjonisti f'xogħolhom; tant hu hekk li sena wara sena din l-entità qed tkun strumentali għat-tisħiħ ta' dan is-settur fl-ekonomija Maltija. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara l-mistoqsija tiegħu.

MCA – ħaddiema professjonisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm professjonisti fi ħdan l-Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA)? F’kull każ, x’inhi l-professjoni tagħhom u f’liema qasam regolatorju jaħdmu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru jikkonsidra l-ħaddiema kollha tal-MCA huma meqjusa professjonisti f'xogħolhom; tant hu hekk li sena wara sena din l-entità qed tkun strumentali għat-tisħiħ ta' dan is-settur fl-ekonomija Maltija. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara l-mistoqsija tiegħu.

REWS – Miżuri għal xogħol ma’ operaturi oħra

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri hemm biex meta membru tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) jew CEO tar-REWS jiġi fi tmien il-ħatra tiegħu, għal żmien raġonevoli dan ma jkunx jista’ jagħmel xi xogħol taħt forma ta’ konsulenza jew mod ieħor ma’ xi operatur li r-REWS tirregola l-operat tiegħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi tar-Regolatur (Kap. 545) tistipula li l-membri tal-Bord għandhom jevitaw kull konflitt ta’ interess u huma obbligati wkoll li jippreservaw il-kunfidenzjalità dwar l-informazzjoni miksuba u dwar kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mar-Regolatur anke wara li tintemm il-ħatra tagħhom. Barra minn hekk, l-impjegati kollha fl-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll il-membri tal-bordijiet, huma marbuta bil-Kodiċi tal-Etika li hemm fl-Ewwel Skeda tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 595). Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv huwa marbut ukoll bil-provvedimenti tad-Direttiva 14, imsejħa 'Governing Framework for the Management of the Revolving Door Policy for Public Employees', li, sa perjodu massimu ta’ sentejn, tipprekludih milli jidħol f’relazzjoni ta’ profitt ma’ xi intrapriża privata jew korp mhux governattiv li magħhom ikun tratta f’kapaċità uffiċjali sa ħames snin qabel ikun telaq mill-impjieg pubbliku.

REWS – pakketti ta’ impjieg

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri qed jittieħdu biex ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) effettivament tkun tista’ tattira l-aħjar professjonisti fis-swieq li hi tirregola, b’pakketti ta’ impjieg li jikkompetu sew ma’ dawk li joffri s-settur privat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-pakketti ta’ termini u kundizzjonijiet li jingħataw mir-Regolatur huma komparabbli ma’ dawk li jeżistu fis-settur pubbliku usa’. Ir-Regolatur joffri pakketti ta’ termini u kundizzjonijiet attraenti li jibbilanċjaw l-element finanzjarju ma’ elementi oħrajn, fosthom sistema ta’ ħinijiet flessibbli u opportunitajiet ta’ taħriġ u żvilupp.

MFSA — Miżuri għal xogħol ma’ operaturi oħra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri hemm biex meta membru tal-Bord tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) jew CEO tagħha jiġi fi tmien il-ħatra tiegħu, għal żmien raġonevoli dan ma jkunx jista’ jagħmel xi xogħol taħt forma ta’ konsulenza jew mod ieħor ma’ xi operatur li l-MFSA tirregola l-operat tiegħu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-MFSA tapplika l-obbligi ta’ wara t-terminazzjoni stipulati fid-Direttiva No. 14, l-MFSA’s Ethics Framework u l- ECB’s Single Code of Conduct. Qabel ma jaċċetta kwalunkwe ingaġġ, l-impjegat huwa obbligat li jiżvela l-intenzjoni tiegħu/tagħha biex l-MFSA twettaq valutazzjoni marbuta mad-Direttiva No. 14 u l-MFSA’s Ethics Framework, kif ukoll jinnotifika liċ-Chair tal-ECB Supervisory Board u liċ-Chairman tal-ECB’s Ethics Committee. L-ECB Ethics Committee jagħmel il-valutazzjoni tiegħu, li b’riżultat l-ECB Governing Council imbagħad jiddeċiedi jekk tali rwol previst huwiex kompatibbli mal-ECB’s Single Code of Conduct.

MFSA – pakketti ta’ impjieg

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) effettivament tkun tista’ tattira l-aħjar professjonisti fis-swieq li hi tirregola b’pakketti ta’ impjieg li jikkompetu sew ma dawk li joffri s-settur privat?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull sena l-awtorità timbarka impjegati ġodda fuq vjaġġ ta' tagħlim kontinwu b'opportunitajiet ta' żvilupp fil-karriera tagħhom li jkopru s-settur kollu tas-servizzi finanzjarji, l-IT, u opportunitajiet oħra f'ambjent korporattiv professjonali. L-MFSA għandha impjegati b'esperjenza u talent u toħloq opportunitajiet biex tgħin fl-iżvilupp tal-karriera u l-kompetenzi tal-impjegat.

Awtorità tal-Ippjanar – ħajt imdawwar ma’ art mhux żviluppata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar għadhiex titlob li art, f’żona tal-bini u li tinsab mhux mibnija, jittella’ ħajt u xatba biex jiġi evitat rimi ta’ skart u ma tkunx eyesore?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar tesiġi li sit mhux mibni f’żona tal-iżvilupp jingħalaq b’ħajt meta d-dehra ta’ din l-art tkun ta’ ħsara għall-ġmiel taż-żona li jkun fiha u dan skont Artiklu 99(1) tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp tal-2016.

Policy dwar il-ġbir tal-ilma tax-xita

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għadhiex fis-seħħ il-policy li kull żvilupp ikollu bir/reservoir tal-ilma tax-xita biex dan jiġabar fih u ma jintilifx? Jekk din il-policy għadha fis-seħħ, jista’ jgħid jekk hux infurzata u mitluba?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ħtieġa ta’ bir ma’ kull żvilupp ġdid huwa regolat skont l-Energy Performance of Buildings Regulations (2012) ppubblikata bl-Avviż Legali 376 ta’ 2012. Policy P47 (Water Reservoirs) f’dokument Development Control Design Policy, Guidance and Standards 2015, tesiġi li kull żvilupp ġdid (sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi speċjali li jiddettaw l-kontra), irid ikollu bir biex jilqa’ x-xita skond Technical Guidance Document F- Conservation of Fuel, Energy and Natural Resources (Minimum Requirement on the Energy Performance of Buildings Regulations, 2006.

San Ġiljan – Wied Għomor – ilma tax-xita

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser jieħu l-Ministeru tiegħu fid-dawl tal-problemi serji ta’ ilma tax-xita li qed jinġabar fit-tarf tat-Triq Wied Għomor ġewwa San Ġiljan, fejn ir-residenti ma jistgħux jidħlu fil-proprjetà tagħhom? Hemm ħsieb li jkun hemm livelli ġodda ta’ din it-triq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Sptar Mater Dei — PPV with IOL retrieval and secondary AC implant under LA

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta l-Isptar Mater Dei se jordnaw ‘25g PPV with IOL retrieval and secondary AC implant under LA’ biex tkun tista’ ssir l-operazzjoni meħtieġa u meta se jaslu f’Malta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi il ‘25g PPV with IOL retrieval and secondary AC implant under LA’ kienu ordnati fit-28 ta' Novembru 2022.

Pulizija – rapport dwar inċident ta’ sewwieq ta’ e-scooter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn wasal ir-rapport li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatement, fejn e-scooter user weġġa’ gravi resident f’għajnejh fit-28 ta’ April 2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-Ministru ma jkunx involut bl-investigazzjonijiet. Nistieden lill-Onor. Interpellant jitlob lill-vittma sabiex jagħmel/tagħmel kuntatt mal-Victim Support Agency u tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna kollha li hemm bżonn. Inkella jipprovdi d-dettalji tal-vittma b'mod privat u jkun ikkuntatjat / ikkuntatjata.

Tas-Sliema – Chalet – development brief

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3850, fejn il-Prim Ministru qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-brief dwar ix-Chalet li kien ħareġ fl-2002, u fid-dawl li għaddew 20 sena u kien hemm anke numru ta’ encroachments f’areas matul is-snin, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern hux se jkun qiegħed jagħmel update ta’ dan il-brief? Se jintalab li jkun hemm traffic u social impact assessments?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif jaf tajjeb, hemm sejħa għal espressjoni ta’ interess. Huwa awtomatiku li meta l-proposti jkunu analizzati mill-awtoritajiet kompetenti jkun determinat ukoll xi studji hemm bżonn.

Ħaż-Żabbar – Triq il-Farfett tal-Fejġel — spezzjonijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 2925 u 4103, jista’ l-Ministru jara li tiġi installata camera fil-post inkwistjoni għax dan jispjega għala qed isir tindif regolari proprju minħabba irregolaritajiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar illi l-Kunsill diġà ressaq it-talba tiegħu lill-entità kkonċernata sabiex jiġu installati kameras tas-sigurtà għal skopijiet ta’ monitoraġġ u infurzar.

Ħaż-Żabbar – Triq il-Farfett tal-Fejġel — spezzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2927 u 4102, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti hemm indikati u tara li tiġi installata camera fil-post inkwistjoni għax dan jispjega għala qed isir tindif regolari proprju minħabba irregolaritajiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba. Infurmata li l-ERA ma rċevietx rapporti f’dan il-kuntest, però ħa żżid il-frekwenza ta’ monitoraġġ f’dan is-sit. Rigward l-installazzjoni ta’ CCTV, l-ERA se tkun qed tikkomunika mal-Kunsill Lokali rispettiv.

Ċentru tal-Arbitraġġ – reġistrazzjoni ta’ arbitraġġi internazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati arbitraġġi internazzjonali fiċ-Ċentru tal-Arbitraġġ matul din is-sena u kemm minnhom għadhom pendenti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena sat-28 ta’ Novembru 2022, ġew irreġistrati maċ-Ċentru dwar l-Arbitraġġ 9 każijiet ta’ arbitraġġ internazzjonali li kollha għadhom pendenti.

Raħal Ġdid – Pjazza Antoine De Paule

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 1390, 1657, 2056 u 2928, jista’ l-Ministru jinforma b’mod dettaljat lill-Kamra ladarba huwa urġenti li jsir, f’liema pożizzjoni jinsab il-pjan neċessarju sabiex il-Pjazza Antoine de Paule f’Raħal Ġdid issir mill-ġdid?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li r-rapporti tekniċi fuq din il-pjazza għaddew għand entitajiet oħra pubbliċi sabiex ikun hemm koordinament bil-ghan li l-Pjazza Antoine de Paule, Raħal Ġdid tiġi rranġata. Informat ukoll li fil-frattemp hemm kwistjonijiet legali li qegħdin jiġu trattati u diskussi rigwardanti l-azzjoni legali appożita sabiex ir-rabta kuntrattwali mal-kuntrattur oriġinali tal-pjazza tintemm.