Ministeru għal Għawdex – Helpers/Social Assistants
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena u xahar b'xahar, minn Jannar, 2017 sal-lum kemm kien hemm helpers/social assistants jaħdmu f'Għawdex impjegati mal-Ministeru għal Għawdex li kienu jaħdmu f'post partikolari, iżda telqu? Jista' jgħid ukoll x'tip ta' xogħol ġdid qed jagħmlu llum?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tispeċifika l-mistoqsija tagħha.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4678 dwar kemm intefqu flus s’issa fuq Dar San Ġużepp, jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq din id-dar fis-snin 2021 u 2022 sal-lum? Peress illi skont il-mistoqsija parlamentari 15524 sas-sena 2018 kienu ħarġu €3,399,152.60 u skont il-mistoqsija parlamentari 6085, fis-sena 2019 u fis-sena 2020 kienu ntefqu €24,460, jista' l-Ministru jikkonferma kemm hi s-somma globali sal-lum?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 4678.
Jista’ l-Ministru jikkonferma kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex jinbnew kliniċi mediċi ġewwa Malta u Għawdex tul l-aħħar sena u nofs?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4802, ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha pendenti quddiema sitt applikazzjonijiet, kkonfermata bħala applikazzjoni kompluta mill-1 ta’ Ġunju 2021 sas-7 ta’ Diċembru 2022, li tirrigwarda bini ta’ kliniċi mediċi ġewwa Malta u Għawdex.
Pazjenti li ntalbu xi forma ta’ ħlas għal servizzi fl-isptarijiet tal-Istat
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Kamra, sena b’sena għas-snin 2019, 2020 u 2021, kemm kien hemm pazjenti li ntalbu xi forma ta’ ħlas għas-servizzi li ngħataw fl-isptarijiet tal-istat? X’kienet in-nazzjonalità tagħhom? Kemm kien l-ammont globali mitlub għal kull sena? X’kien il-perċentwal ta’ dawn il-fatturi li ġew imħallsin?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal iċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid li qed jinbena f’Raħal Ġdid (ex Pace Grasso Ground)? Meta hu ppjanat li se jkun lest u jinfetaħ għall-pubbliku?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 3485.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Kamra x’servizzi se jkun qed joffri ċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid f’Raħal Ġdid? Jista' jikkonferma jekk hux se jkun hemm Renal Unit sabiex il-pazjenti min-naħa t'isfel ta' Malta jkunu jistgħu jagħlu użu minn dan iċ-ċentru?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ċ-Ċentru tas-Saħħa l-ġdid Ċensu Moran, f’Raħal Ġdid ser joffri s-servizzi kollha offruti bħalissa fil-poliklinika ta' Raħal Ġdid u barra minn hekk huwa ppjanat li jkun hemm servizz ta’ dipartiment ta’ emerġenza 24 siegħa u dipartiment ta’ X-ray 24 siegħa. Se jkun hemm 2 teatri tal-operazzjoni fejn huwa ppjanat li jsiru operazzjonijiet minuri taħt anestesija lokali kif ukoll proċeduri Ophthalmic u Endoscopy . Paola Hub se joffri wkoll faċilitajiet ta’ Ultrasound, Echocardiogram, ECG kif ukoll stress ECG. Se jkun hemm ukoll laboratorju f’Paola Hub.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1417 dwar bozoz f'Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar, tista’ l-Ministru taċċerta li d-dawl pubbliku kollu li hemm fiż-żona ta’ Dawret in-Nawfraġju, inkluż iż-żona tal-boathouses, qiegħed jaħdem kif suppost u li l-bozoz kollha, inkluż dawk fuq arbli, (inkluż il-bozza fuq l-arblu li r-ritratt tiegħu qed jintbagħat separatament) ikunu mixgħula bħall-bqija tat-toroq fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, dan hekk kif din l-istess bozza fir-ritratt reġgħet tinsab mitfija? F’każ li hemm xi bozza/bozoz jew arblu/arbli li l-bozoz tagħhom mhux jixegħlu, x’inhi r-raġuni għal dan u meta hu mistenni li dan id-dawl jerġa’ jixgħel? Billi hemm ħtieġa ta’ iktar dawl fiż-żona, kif se jiġi assigurat li dan id-dawl jiġi installat u jixgħel minħabba d-dlam li wieħed isib f’din iż-żona?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li d-dawl kollu li jaqa’ taħt responsabiltà tal-Enemalta f’Dawret in-Nawfraġju qiegħed jaħdem wara li saru t-tiswijiet meħtieġa. Kawża tal-maltemp żviluppat ħsara fil-linja prinċipali li tagħti l-provvista lil dawn il-lampi. Din il-linja issewwiet nhar it-8 ta’ Diċembru 2022.
Dwar il-lampa indikat b’ritratt mibgħut separatament ma din il-mistoqsija, ninforma lill-Onor. membru li din mhix tal-Enemalta u kienet imqabbda b’mod irregolari. Għaldaqstant trid issir applikazzjoni ma l-ARMS biex tiġi regolarizzata. Rigward biex jiżdiedu l-bozoz hemm proċedura u trid issir applikazzjoni mill-Kunsill Lokali ma’ l-ARMS.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1418 dwar bozoz f'Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni se tittieħed mill-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar dwar il-ħtieġa ta' iktar dawl fiż-żona minħabba d-dlam li wieħed isib f’din iż-żona, hekk kif din is-sitwazzjoni kellha tiġi evalwata mill-istess kunsill lokali skont it-tweġiba għall-istess mistoqsija parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi wara evalwazzjoni li saret fuq il-post minn persuni tekniċi nstab li mhux faċli li jiġu installati bozoz ġodda fl-akkwati aktar minn dawk li ġew installati fl-aħħar żmien mill-istess Kunsill u dan minħabba li taħt it-triq u l-bankina eżistenti hemm il-‘boat houses’.
Qawra — San Pawl il-Baħar - Triq il-Frejgatina u Triq Porzjunkola – dawl pubbliku
Question
Tista’ l-Ministru taċċerta li d-dawl pubbliku kollu li hemm fil-pjazzetta bejn Triq il-Frejgatina u Triq Porzjunkola, Qawra, San Pawl il-Baħar (fiż-żona tal-housing estate) qiegħed jaħdem kif suppost u li l-bozoz kollha jkunu mixgħulin? F’każ li hemm xi bozza/bozoz mhux jixegħlu, tista’ tgħid x’inhi r-raġuni għal dan u meta hu mistenni li dan id-dawl jerġa’ jinxtegħel?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Enemalta investigat dan il-każ. Fiż-żona indikata l-maġġoranza tal-lampi huma fir-responsabiltà tal-kunsill lokali u allura t-tiswija trid issir mill-kuntrattur tal-Kunsill Lokali. L-Enemalta tikkonferma li f’din iż-żona għandha rapport wieħed li hemm lampa mitfija u li ser tiġi irranġata fil-ġranet li ġejjin.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – sistema ta’ remote working
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux biħsiebu jwaqqaf is-sistema tar-remote working użata mill-ħaddiema li jaqgħu/jaħdmu fi ħdan id-dekasteru tiegħu? Jekk iva, għaliex u kif? Ma jħossx il-Ministru li din mhijiex miżura li hija kompatibbli mal-konċett ta’ family friendly measures?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara kull terminu ta’ kull kuntratt, l-arranġamenti għar-remote working jiġu reveduti skont il-ħtieġa fuq il-bażi li jkun hemm bilanċ bejn id-dmirijiet u l-ħtiġijiet tal-uffiċjali, kif ukoll li jintlaħqu l-obbligi tad-Dipartimenti u s-servizz li jrid jingħata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex isiru estensjonijiet fuq kliniċi mediċi ġewwa Malta u Għawdex tul l-aħħar sena u nofs?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4827, ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar ma għandha l-ebda applikazzjoni li ġiet kkonfermata bħala applikazzjoni kompluta mill-1 ta’ Ġunju 2021 sas-7 ta’ Diċembru 2022 li tirrigwarda żidiet ma’ klinika medika u li għadha pendenti.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4582 u jikkonferma x'inhi l-policy f'każ ta' koppja li tapplika għal Grant to Assist Owners in the Construction and/or Completion or Rehabilitaton of their First Home (rifużjoni lura tal-VAT fl-ispejjeż ta' kostruzzjoni u rijabilitazzjoni fuq l-ewwel proprjetà), fejn parti waħda mill-koppja tkun diġà sid ta' proprjetà oħra preċedenti iżda din tkun l-ewwel proprjetà tal-parti l-oħra? Huwa l-każ li f'ċirkostanzi bħal dawn, il-parti li għaliha din tkun l-ewwel proprjetà ma tkun tista' tgawdi qatt minn dan il-grant?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn il-każijiet tingħata l-għotja skont il-kundizzjoniijiet tal-iskema iżda jitnaqqas l-ammont mogħti fuq il-proprjetà preċedenti. Ma tingħata l-ebda għotja jekk il-koppja tkun għexet flimkien fl-ewwel proprjetà mixtrija.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2054, 3730, 4034, 4251 u 4608 u jgħid kemm sewa l-pjan kbir ta’ Riġenerazzjoni tal-Port? Jista’ jagħti l-istudji li ntużaw?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Gudja – Ġnien Ġlormu Cassar – meter temporanju tad-dawl
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4316, li kkonfermat li l-applikazzjoni għal meter temporanju fi Ġnien Ġlormu Cassar, il-Gudja, saret mill-Ministeru għat-Turiżmu, jista' l-Ministru jgħid meta hemm ħsieb li ssir applikazzjoni biex dan il-meter jinbidel b'wieħed permanenti? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx xi problemi b'dan il-meter peress li qed ikun hemm ħafna ljieli fejn il-ġnien ikun bla dawl?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-meter permanenti twaħħal il-Ġimgħa 2 ta’ Diċembru, ċjoè ħamest ijiem qabel saret il-mistoqsija parlamentari.
Professjonisti tas-saħħa – taħriġ dwar il-Fibromyalgia u l-ME
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4732, li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu, u ċjoè: Ibbażat fuq l-Art. 26 tal-UNCRPD, jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-Gvern biex jiżgura li l-professjonisti tas-saħħa tagħna, ir-rewmatisti u n-newroloġisti qed ikomplu t-taħriġ u l-edukazzjoni tagħhom dwar il-Fibromyalgia u l-ME? Kemm qed jinvesti l-istat f’taħriġ kontinwu lill-professjonisti kollha fuq mard debilitanti bħal dan, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fil-komunità?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Skejjel tal-Knisja – Laboratory Technicians — promozzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx diskussjonijiet biex il-Laboratory Technicians fl-iskejjel tal-Knisja jingħataw il-promotions ta' ATO, TO, STO U PTO, bħall-iskejjel tal-Gvern? Jekk iva, fiex waslu dawn id-diskussjonijiet?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Dipartiment tal-Edukazzjoni — purtinar/a u cleaners
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il purtinar/a, cleaners u/jew persuni li jagħmlu l-istess xogħol, huma impjegati mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u kemm huma impjegati tal-Kuntrattur/i imma li qed jaħdmu għad-Dipartiment tal-Edukazzjoni?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm garaxxijiet tal-Gvern mikrija għand persuni għall-użu personali tagħhom mill-2021 sal-lum, lokalità b’lokalità?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2021 sal-lum, l-Awtorità tad-Djar kriet garaxx wieħed lil persuna għall-użu personali tagħha ġewwa Bormla. Barra minn hekk l-Awtorità tad-Djar mexxiet il-proċess għall-kiri ta’ 399 garaxx u spazji ta’ parkeġġ f’Ħ’Attard, Birkirkara, Bormla, Ħal Kirkop, l-Imsida, il-Qrendi, is-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ u ż-Żurrieq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm studenti qagħdu għar-resists tas-SEC fis-sena 2022 f'suġġetti oħra minbarra l-Malti, l-Ingliż u l-Matematika? Jista’ jgħid liema suġġetti kienu?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab pubblika https://www.um.edu.mt/matsec/reportscommunication/generalstatistics