Legislature:
Category:
Reset
Active:

Budget għar-reklamar ta’ prodott lokali

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 819, 2985 u 4430, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-baġit għat-tieni nofs ta’ din is-sena f’dak li għandu x’jaqsam ma’ reklamar tal-prodott lokali?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-somma totali għar-reklamar tal-prodott lokali huwa stmat li jammonta għal €202,827.72.

Food Safety Commission — bord

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2987 u 4429, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Gazzetta tal-Gvern tas-26 ta’ Awwissu 2022 li fuqha hemm kif inhu kompost il-Bord Food Safety Commission?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Bord Food Safety Commission hu kompost minn Chairperson u 10 membri.

Birżebbuġa – Berġa tas-Saħħa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 2992 u 4425, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se tinfetaħ berġa fil-lokalità ta' Birżebbuġa u fejn hi proposta li ssir, għax kemm fir-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 2911 li għamel referenza għaliha f'din il-mistoqsija parlamentari, kif ukoll fit-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2992 u 4435 ma ta l-ebda indikazzjoni meta l-Berġa fil-lokalità ta' Birżebbuġa ser tiġi miftuħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tender għal kiri ta’ sit għal-Klinika komunitarja għas-Saħħa f’B’Bugia kienet ippubblikata fit -02 ta’ Diċembru u tagħlaq fil-05 ta' Jannar.

Birżebbuġa – Toroq – Street lightning maqtugħ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li residenti ta' Birżebbuġa li joqogħdu fl-area Tal-Papa li tinkludi Triq is-Sebħ, Triq il-Gandoffla, Triq tal-Papa, Triq il-Gawwi u Triq iċ-Ċief kif ukoll Triq Alessandru, Misraħ Hamilkar Barka, Triq San Filippu u Triq it-Tħabrik ilhom bl-i'street lighting' maqtugħ għal dawn l-aħħar tlett ijiem? Meta ser isiru t-tiswijiet neċessarji biex jinqata’ l-inkonvenjent li qed isofru r-residenti ta' dawn it-toroq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 4511 u 4453.

Birżebbuġa – toroq – street lighting maqtugħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li residenti ta' Birżebbuġa li joqogħdu fl-area Tal-Papa li tinkludi Triq is-Sebħ, Triq il-Gandoffla, Triq tal-Papa, Triq il-Gawwi u Triq iċ-Ċief kif ukoll Triq Alessandru, Misraħ Hamilkar Barka, Triq San Filippu u Triq it-Tħabrik ilhom bl-i'street lighting' maqtugħ għal dawn l-aħħar tlett ijiem? Meta ser isiru t-tiswijiet neċessarji biex jinqata’ l-inkonvenjent li qed isofru r-residenti ta' dawn it-toroq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa li l-Kunsill Lokali mhux responsabbli mit-tiswijiet tal-provvistà tad-dawl tat-toroq. Madankollu infurmat illi l-istess Kunsill Lokali baghat diversi komuniki lill-entità kkonċernata dwar dan sabiex tiġi rranġata l-problema inkwistjoni. Ghalhekk, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex għall-aktar informazzjoni jirreferi għall-Ministeru kkonċernat.

Deputat Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija – applikazzjonijiet għal kariga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna applikat għall-kariga ta' Deputat Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija sa meta għalqet is-sejħa għall-applikazzjonijiet nhar il-25 ta' Novembru 2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi kien hemm applikazzjoni waħda għall-kariga ta’ Deputat Kummissarju tal-Korp tal-Pulizija imsemmija mill-Onorevoli Membru, li sussegwentament ġiet iritrata.

Skola San Miguel – pixxina – manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pixxina fl-Iskola San Miguel hijiex bil-ħsara? Jekk iva, jista’ jgħid meta se tkun qed tingħata l-manutenzjoni meħtieġa sabiex tibda tintuża mit-tfal li jattendu fl-iskola in partikolari?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Pulizija – żieda għal dawk li jaqbżu d-29 sena servizz

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se taħdem iż-żieda għal dawk il-pulizija li jaqbżu d-disgħa u għoxrin (29) sena ta' servizz?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-Onorevoli Interpellant huwa skorrett li jindika li din il-miżura ser tkun tapplika għal-Korp tal-Pulizija biss. Dan għaliex il-Budget preżentat għas-sena 2023 jgħid ċar li din il-miżura tapplika għal Korpi dixxiplinati kollha. Il-Gvern iddeċieda li jibda jwettaq il-wegħdi fil-manifest elettorali tiegħu immedjatament permezz tal-ewwel budget ta’ din il-leġislatura. Għaldaqstant fi żmien li ġej ser ikunu mħabbra d-dettalji ta’ din l-inizjattiva li ser tkun implimentata mis-sena 2023.

Birżebbuġa – Triq il-Port Ħieles — traffic islands

Question

Jista' l-Ministru jelenka jekk fi Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa (in-naħa tal-Freeport) hux se jsiru traffic islands fil-junction ma’ Triq il-Girgħien, jew jekk hux ser isiru traffic calming measures u fiex se jkunu jikkonsistu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Awtorità tal-Ippjanar — CEO

Question

Jista' l-Ministru jelenka l-kwalifiċi, akkademiċi u mhumiex, u l-esperjenza tal-persuna, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għadu kif inħatar CEO tal-Awtorità tal-Ippjanar, għandu fl-ippjanar u/jew fl-Awtorità tal-Ippjanar u/jew f'pożizzjoni maniġerjali għolja u/jew fil-governanza korporattiva? Jista' jgħid kif dawn il-kwalifiċi u l-esperjenza ser iwasslu sabiex din il-persuna tibni kunsens u relazzjonijiet fost l-eżekuttivi, l-imsieħba, u l-ħaddiema, forza tax-xogħol u tkun kapaċi li tifhem kwistjonijiet ġodda malajr u tieħu deċiżjonijiet għaqlin, tispira u toħloq fiduċja fl-awtorità u li taħdem taħt pressjoni, tippjana xogħol personali b'mod effettiv u tiddelega?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant illi l-persuna maħtura bħala chairman eżekuttiv ilha mpjegata tal-Awtorità sa mis-sena 2002. Ħadem f'diversi oqsma marbuta mal-Ippjanar fl-istess Awtorità u b'hekk kiseb esperjenza estensiva kemm fir-rigward tal-aspetti amministrattivi, legali u ta' infurzar marbuta mal-mansjonijiet ta' din l-Awtorità.

Żurrieq- Kunsill Lokali — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jelenka lista ta' xogħlijiet ta' manutenzjoni/upgrade/rinnovar, fejn u meta, li saru mill-Kunsill Lokali Żurrieq mill-2019 sa meta qed titwieġeb din il-mistoqsija, f'ġonna pubbliċi fil-lokalità?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt: 2022 Month Description Location Expenditure July Hard foam - playing equipment Ġnien il-Ġibjun €64.90 July Repairs - railing Ġnien il-Ġibjun €135.70 May Repairs - sensor @ public convenience Ġnien il-Ġibjun €170.00 June Light sensors Ġnien il-Ġibjun €1,587.00 July Fountain - maintenance Ġnien il-ġibjun €1,300.00 July Lights - maintenance Ġnien il-Bennej €850.00 May Sensor, led bulbs, Main switch, padlock Ġnien il-Ġibjun €1,587.00 2021 Month Description Location Expenditure November Irrigation pump Ġnien il -Ġibjun 620.00 July Irrigation pump Ġnien il -Ġibjun 165.00 august Pull of bin Ġnien il-Bennej 18.88 October Playing equipment (maintenance) Ġnien it-Tfal taż-Żurrieq 100.30 October Swing seat Ġnien il-Ġibjun 264.32 June Playing equipment Ġnien il-Bennej 2330.00 November Swing seat Ġnien it-Tfal taż-Żurrieq 256.41 November Swing chain Ġnien it-Tfal taż-Żurrieq 112.86 2020 Month Description Location Expenditure October Fountain (maintenance) Ġnien il-Ġibjun €1,475.00 November Irrigation pump Ġnien il-Ġibjun €810.00 December Fountain (maintenance) Ġnien il-Ġibjun €540.00 September Spring play (maintenance) Ġnien l-Emigranti €123.23 August Swing chain (maintenance) Ġnien l-Emigranti €56.43 August Painting of name and logo of Zurrieq Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa €259.60 August Delineators with reflectors Ġnien il-Ġibjun €173.46 February Merry go round Ġnien it-Tfal taż-Żurrieq €650.00 April Swing seat (maintenance) Ġnien l-Emigranti €56.64 April Merry go round seat Ġnien l-Emigranti €212.40 January Sign - no dogs, no bicycles, no balls Ġnien il-Bennej €27.44 January CCTV sign Ġnien il-Bennej €27.44 January Sign - no dogs, no bicycles, no balls Ġnien it-Tfal taż-Żurrieq €55.46 January No smoking sign Ġnien it-Tfal taż-Żurrieq €54.87 2019 Month Description Location Expenditure May Lights (maintenance) Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa €826.00 November Electrical fittings Ġnien il-Ġibjun €4,403.00 August Electrical fittings Ġnien il-Bronja €790.00 April Electrical fittings Ġnien il-Ġibjun €2,333.00 December Handle - playing equipment Ġnien il-Bennej €83.31 December Chain - playing equipment Ġnien il-Ġibjun €159.30 December Swing seat Ġnien Mario Schembri €680.00 December Railing - repairs Ġnien il-Bennej €70.80 December Repairs - playing equipment Ġnien il-Bennej €128.00

Mqabba – Kunsill Lokali — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jelenka lista ta' xogħlijiet ta' manutenzjoni/upgrade/rinnovar, fejn u meta, li saru mill-Kunsill Lokali Mqabba mill-2019 sa meta qed titwieġeb din il-mistoqsija f'ġonna pubbliċi fil-lokalità?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Imqabba li filwaqt li x-xogħlijiet imsemmija mill-Onor. Interpellant isiru skont il-ħtieġa, fuq bażi regolari, xogħol notevoli ta’ upgrading sar fil-bidu tal-2020 ġewwa Ġnien Tfal ir-Raħal fejn il-ħitan tkaħħlu u nżebgħu mill-ġdid kif ukoll ġew installati 3 biċċiet ta’ Outdoor Gym. Infurmat ukoll li sar żbir tas-siġar taż-żebbuġ li hemm ġewwa l-istess ġnien kif ukoll tħawlu xi arbuxelli u l-bankijiet inżebgħu mill-ġdid.

Wied li jwassal mill-Girgenti sas-Siġġiewi — tindif

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li jitnaddaf il-wied li jwassal mill-Girgenti sas-Siġġiewi minħabba li qiegħed iżomm mill-ilma biex ikun jista' jiskula a detriment tal-infrastruttura tal-inħawi kif ukoll isir it-tindif biex wieħed ikollu aċċess biex ikun jista' jgħaddi minnu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Parks Malta twettaq tindif, fuq bażi regolari, ta’ skart li jakkumula f ‘dan il-wied. Sar ukoll tħammil ta’materjal u qlugħ ta’ qasab fuq il-parti ta’ fuq t’Għajn il-Kbira (taħt il-Palazz tal-Girgenti) kif ukoll f’parti oħra minn Għajn il-Kbira (f’parti minn mat-triq). Dan ix-xogħol sar biex jiġi kkontrollat il-qasab li huwa speċi invażivi u biex tiżdied il-ħażna tal-ilma tax-xita. Dan l-ilma jkun jista’ jintuża’ mill-bdiewa tal-madwar u jikkontribwixxi għall-ilma tal-pjan. It-tindif tal-Widien huwa ta’ prijorità għall-Parks Malta u din is-sena waqt il-Kampanja ta’ Tindif inġabru 1800 tunellata ta’ skart. Meta kkumparat mas-sena 2021 l-ammont ta’ skart miġbur matul din is-sena huwa aktar minn doppju. Hekk kif kien imwiegħed dawn it-tunellati ta’ skart ser jissarfu f’tħawwil ta’ siġar.

Rabat – Triq Borg Olivier – zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Kunsill Lokali tar-Rabat Malta, dwar iż-zebra crossing fi Triq Borg Olivier (Buschetto Road), approvata li ssir minn Transport Malta aktar minn sena ilu?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex – Anzjani u persuni bi bżonnijiet speċjali li applikaw għas-servizz ta’ home help

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin kemm kien hemm anzjani u persuni bi bżonnijiet speċjali Għawdxin li applikaw għas-servizz ta' Home Help fid-djar residenzjali tagħhom, imma ma ngħatawx dan is-servizz?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Social Assistants – servizzi ta’ home help

Question

Jista' l-Ministru jelenka s-servizzi kollha li jingħataw mis-social assistants li huma ngaġġati mal-kuntrattur li jagħti s-servizz tal-Home Help?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-deskrizzjoni tax-xogħol tas-Social Assistants fejn hemm deskritt is-servizzi kollha li jingħataw mis-social assistants li huma ingaġġati mal-kuntrattur li jagħti s-servizz tal-Home Help tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Social Assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu fil-preżent l-ammont ta' social assistants ingaġġati mal-kuntrattur li jagħti s-servizz tal-Home Help? Jista' jgħid kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom huma Għawdxin u kemm minnhom huma barranin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-preżent hemm total ta’ 105 Social Assistants ingaġġati mal-kuntrattur.

Ministeru għal Għawdex – Social Assistants

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu fil-preżent l-ammont ta' social assistants ingaġġati mal-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel? Jista' jgħid kemm minnhom huma Għawdxin u jgħid ukoll jekk hemmx xi barranin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-preżent hemm total ta’ 19.