Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija – każijiet ta’ vandaliżmu fuq vetturi

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 4352 u 4354 dwar każijiet ta' vandaliżmu fuq vetturi, jista' l-Ministru jgħid f'liema toroq fil-lokalitajiet tan-Naxxar, Mellieħa u San Pawl il-Baħar seħħew dawn il-każi ta' vandaliżmu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi b’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 4352 u 4354, dwar każi ta' ħsara vonlontarja fuq vetturi, id-dettalji dwar it-toroq fejn seħħew dawn il-każijiet fil-lokalitajiet tan-Naxxar, Mellieħa u San Pawl il-Baħar, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pulizija – każijiet ta’ vandaliżmu fuq vetturi

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 4352 u 4354 dwar każijiet ta' vandaliżmu fuq vetturi, fejn it-tweġibiet għall-istess mistoqsijiet juru li San Pawl il-Baħar hi l-lokalità li fiha l-iktar li jsiru rapporti dwar dan il-vandaliżmu, jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni qiegħda tittieħed biex tali vandaliżmu jitnaqqas kemm jista' jkun? X'azzjoni hi ppjanata li tittieħed biex dan il-vandaliżmu jonqos?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi b'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 4352 u 4354 dwar każijiet ta' vandaliżmu fuq vetturi, il-pulizja konxja li San Pawl il-Baħar kien hemm l-iktar każi ta’ dan il-ġeneru. Infurmat illi l-pulizija tad-distrett bl-assistenza ta’ taqsimiet oħra tal-Korp, qed tagħmel dak kollu possibbli u ser tkompli tinvestiga biex dawk responsabbli jiġu identifikati u jitressqu l-Qorti. Sadanittant il-pulizija qed tkompli bir-ronda u sorveljanza tagħha, anke bis-support tal-komunità.

Special Olympics – għajnuna lil sportivi b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4416 u 4667 u ċjoè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 3785 rigward għajnuna lil sportivi b’diżabilità, jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal- mistoqsija u jagħti tagħrif dwar liema għajnuna speċifika, inkluż dik finanzjarja, tingħata lil dawk l-isportivi b'diżabilità (jew lill-ġenituri tagħhom) li jkunu qegħdin jippreparaw biex jieħdu sehem fil-Paralympics?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Paralympic Committee tibbenefika mill-iskema International Participation u matul dawn is-snin, ngħataw għajnuna finanzjajra b’total ta’ €53,397.14.

MFSA – Kap Eżekuttiv – kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4639 u jgħid għalfejn l-Eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) għadu qed jitħallas eluf fix-xahar? Jista’ jippubblika l-kuntratt li kellu l-Kap Eżekuttiv ta’ din l-Awtorità, li ismu qed jintbagħat separatament?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

MFSA – Minuti ta’ laqgħa tal-Bord tad-Diretturi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4640 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħa tal-Bord tad-Diretturi tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA), li fiha ġew approvati l-pagamenti li l-Eks Kap Eżekuttiv tal-MFSA, li ismu qed jintbagħat separatament, għadu qed jingħata fix-xahar?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — biċċeriji privati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' biċċeriji privati, reġistrati mal-Ministeru u fejn jinsabu lokalità b’lokalità? Liema annimali/tjur huma awtorizzati li jinqatlu f'dawn il-biċċeriji privati?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — irziezet tal-baqar tal-ħalib

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' rziezet tal-baqar tal-ħalib li hemm reġistrati mal-ministeru/dipartimenti li jaqgħu taħtu, lokalità b’lokalità? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' baqar reġistrati f'dawn l-irziezet?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari Nru 4440.

SmartCity – kampanja pubbliċitarja stampata fil-ġurnali

Question

Billi fis-snin bejn l-2007 u l-2009 il-Gvern ta’ dak iż-żmien kien għamel kampanja pubbliċitarja dwar SmartCity fil-media stampata, jista’ l-Ministru jqiegħed kopja ta’ dik il-kampanja stampata (fil-ġurnali) fuq il-Mejda tal-Kamra? Barra minn hekk, jista’ jagħti s-segwenti tagħrif: (i) Min kien responsabbli għal din il-kampanja pubbliċitarja? (ii) Kemm swiet flus? (iii) Jekk kien hemm, min kienu l-aġenti tar-reklamar involuti? (iv) Min kienu n-nies illi ħadu sehem fiha? (v) Kif intgħażlu u fuq liema bażi intgħażlu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal Kamra, ir-reklam hekk kif deher fil-ġurnal u l-lista tal-Media Outlets, flimkien mal-ispejjeż involuti għall-istess reklamar li deher fil-gazzetti rispettivi.

Kunsili lokali – nefqa fuq tindif tal-bajjiet u xtut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa ta’ kull kunsill lokali f’dawn l-aħħar ħames snin għat-tindif tal-bajjiet/xtut u jekk ix-xogħol huwiex isir minn ħaddiema tal-Gvern jew kuntrattur privat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li kienu l-Kunsilli Lokali tal-Isla u ta’ Tas-Sliema li wettqu xogħlijiet ta’ tindif ta’ bajjiet u xtut fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant u dan bi spejjeż tal-istess Kunsilli Lokali. Infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Isla wettaq xogħlijiet ta’ tindif ta’ bajjiet u xtut permezz ta’ Kuntrattur privat matul is-sena 2019 li kienu jammontaw għal €1,400, filwaqt illi l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema wettaq xogħlijiet ta’ tindif ta’ bajjiet u xtut permezz ta’ kuntrattur privat matul l-2021 li kienu jammontaw għal €6,490.

Mosta u Ħ’Attard – proġetti ta’ kultura

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti ta' kultura hemm ippjanati għas-sena d-dieħla fil-lokalitajiet tal-Mosta u Ħ’Attard?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt: Kunsill Lokali Lista ta' Proġetti Kulturali Ħ'Attard 1. Ġieħ Ħ’Attard u Jum il-Lokalità mqassmin fuq ġurnata fis-26 ta’ Marzu 2023 b’attivitajiet varji 2. Iffjurit bil-Ward Infewwaħ fit-13 ta’ Mejju 2023 attivita’ mqassma wkoll fuq ġurnata b’divertiment pubbliku fejn se jkun hemm ikel, xorb u stalls differenti. 3. Mhux eskluż li jistgħu jsiru wkoll xi ħarġiet kulturali. Mosta 1. Ippjanat li jsir simpozju dwar il-Kultura u l-Wirt Kulturali fil-Mosta 2. Ippjanat li jerġa' jittella' l-Karnival fil-Mosta. 3. Fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa hu ppjanat li jittellgħu wirjiet relatati ma' dawn iż-żminijiet. 4. Ippjanat li jkun ippublikat Direttorju Kulturali ta' Artisti u Għaqdiet fil-Mosta. 5. Ippjanat li nsostnu ġemellaġġ ma' Ragusa permezz tal-Kultura tal-Festi f'pajjiżna. 6. Ippjanat li jkun organizzat għal darb'oħra l-Festival Qargħasel. 7. Ippjanat li jkunu organizzati Heritage Trails fil-Mosta. 8. Matul is-sena d-dieħla ser ikun qieghed ikompli għaddej ix-xogħol ta’ restawr fil-faċċata tal-Oratorju Qalb ta’ Ġesu.

Santa Venera — Tiswijiet fi Triq il-Kbira

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet dwar meta se tissewwa Triq il-Kbira San Ġużepp Santa Venera fejn il-loġoġ?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol f'din it-triq beda l-ġimgħa li għaddiet, b'investiment ta' €4 miljun. Ix-xogħol ippjanat jinkludi t-tqegħid ta' erba kilometri ta' servizzi, flimkien ma’ mogħdijiet ġodda, tisbiħ taż-żona u sistema tal-irrigazzjoni.

MGA — Miżuri għal xogħol ma’ operaturi oħra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri hemm biex meta membru tal-Bord tal-Awtorità ta' Malta dwar il-Logħob (MGA) jew CEO tagħha jiġi fit-tmien il-ħatra tiegħu, għal żmien raġonevoli dan ma jkunx jista’ jagħmel xi xogħol taħt forma ta’ konsulenza jew mod ieħor ma’ xi operatur li l-MGA tirregola l-operat tiegħu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt ta’ Kap Eżekuttiv tal-MGA għandu proviżjonijiet relatati mat-tmiem tal-impjieg skont Direttiva Numru 14 maħruga mis-Segretarju Permanenti Ewlieni bl-isem, “Governing Framework for the Management of the Revolving Door Policy for Public Employees”. Il-membri tal-bord tal-Awtorità għandhom rwol mhux ezekuttiv u għaldaqstant m’għandhom l-ebda restrizzjoni ta’ dan it-tip.

MGA, MCA u MDIA — Ħaddiema li telqu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3687, bi "grad professjonali" li qed jintalab huwa li l-Ministru jgħid kemm persuni li jeżerċitaw xi professjoni bħalma hi dik ta’ avukat, perit, inġinier, eċċ., telqu mill-entitajiet diġà elenkati?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant li mill-Awtorità tà Malta għall-komunikazzjoni telqu żewġ persuni bi grad professjonali, filwaqt li mill-Awtorità tà Malta għall-logħob telqu tlett persuni bi grad professjonali fil-perjodu indikat

Għawdex – Ħaddiema tad-Dwana

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, sena b'sena mis-sena 2010 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kien hemm ħaddiema tad-Dwana jaħdmu fl-uffiċċju ta' Għawdex u xi grad huma dawn il-ħaddiema? Jista’ jgħid fejn fil-preżent jinsab dan l-uffiċċju u jagħti l-indirizz tiegħu u l-ħinijiet tal-ftuħ tiegħu u x'servizzi jingħataw minn dan l-uffiċċju?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex – Post ta’ Foreman

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3723 kollha kemm hi (intera) u b'referenza għas-sejħa HR/MG No. 5/2022 - Post ta' Foreman fil-Ministeru għal Għawdex jgħid: a. kemm kien hemm persuni li applikaw għal din is-sejħa u kemm minnhom għaddew; b. għal kull wieħed u waħda, kemm kien ilhom impjegati mal-Gvern u f’liema xahar u sena ġew impjegati; u ċ, xi grad u skala kienu u kemm kien ilhom, fid-data meta applikaw għal din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lilk-Onor. Interpellant li kif diġà weġibtu r-riżultati jkunu ppubblikati fuq in-notice board tal-Ministeru. Kull post ikollha l-kriterji skont ir-regolamenti taċ-Ċivil u l-Ministeru marbut u hekk għandu jkun, li jimxi magħhom.

Kiri ta’ binjiet ġodda

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3721, jista’ l-Ministru jgħid fejn jinsabu dawn it-12-il binja ġodda (triq u raħal) mikrija mill-privat matul is-sena 2021 u 2022 u fiex jikkonsistu dawn il-binjiet? Jista’ jgħid b’liema mod inkrew dawn it-12-il binja ġodda mikrija mill-privat? Meta u fejn ħarġet is-sejħa biex jinkrew dawn it-12-il binja u x' kera qed titħallas għal kull wieħed minn dawn it-12-il post? Jista’ jgħid ukoll għal liema skop inkriet binja mid-Direttorat tas-Servizzi Korporattivi peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3721 ma ngħatatx ir-raġuni?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’xi seduta oħra.

Għawdex — Vot għall-Qasam Kulturali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3689 fl-intier tagħha u b' mod partikolari jgħid x'vot hemm għas-sena 2023 għall-Qasam Kulturali f’Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-estimi tal-budget li ngħata kopja tagħhom u tpoġġew ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra.