Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — karozzi elettriċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karozza tal-elettriku hemm leased fil-Ministeru tiegħu?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli, ma hemm l-ebda leasing ta’ karozzi elettriċi.

Għawdex – Skola Ta’ Sannat – proġett ta’ pixxina terapewtika fl-Ispecial Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda l-proġett ta' pixxina terapewtika fl-iSpecial Unit fl-Iskola Ta' Sannat, Għawdex? Jista' jgħid ukoll jekk inħariġx tender u jekk iva, lil min ingħata? Jista’ jgħid x'sar f'din l-aħħar sena rigward dan il-proġett u kemm intefqu flus f'din l-aħħar sena fuq dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddej ix-xogħol fuq iċ-ċentru Akwatiku u Sportiv li ser ikun ukoll qed jaqdi l-bżonnijiet ta’ tfal b’diżabilitajiet differenti. Fil-fatt, dan l-istess kumpless ta’ livell internazzjonali jaħseb ukoll għal ‘movable floor’ ta’ parti mill-pixxina. Madankollu, il-pjan ta’ pixxina terapewtika se tkun parti minn proġett akbar ta’ aktar servizzi f’Għawdex għal-persuni b’diżabilità. Preżentement qed jiġu esplorati diversi fondi ewropej bħall-ERDF u ESF rigward finanzjament kemm għall-proġett infrastrutturali kif ukoll bħala training u speċjalizzazjonijiet tal-ħaddiema li rridu joffru tali servizzi.

Għawdex – Sannat – area ta’ Rinota u Triq il-Paranji — toroq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3542 fl-intier tagħha u jgħid jekk hemmx ħsieb biex it-toroq diġà miftuħin fl-area ta' Rinota fil-Munxar u Triq il-Paranji fis-Sannat, Għawdex, isiru matul is-sena 2023, peress li f'dawn l-aħħar disa' snin sar ħafna bini fihom u hemm diversi familji jgħixu fihom u dawn it-toroq għadhom qatt ma saru u jaqgħu taħt ir-responsabilità diretta tal-Ministeru għal Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq fl-area ta’ Rinota u Triq Paranji qegħdin fil-pjan tal-Ministeru sabiex isiru.

Għawdex – dgħajjes reġistrati bħala MFC minn persuni residenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2869 u 3678 u jgħid kemm kien hemm dgħajjes irreġistrati bħala MFC minn persuni residenti f’Għawdex fl-aħħar tas-sena 2015 u kemm kien in-numru ta' dawn id-dgħajjes irreġistrati f'Għawdex fl-aħħar ta' kull sena minn dakinhar sal-lum? Jista’ jgħid ukoll fil-preżent kemm hemm dgħajjes irreġistrati bħala MFC minn persuni residenti f'Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha, kif mitlub, se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit.

Għawdex – Xewkija – estensjoni taċ-Ċentru tal-Università

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2543 dwar ix-xogħlijiet fuq l-estensjoni taċ-Ċentru tal-Università fix-Xewkija, Għawdex, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija kollha kemm hi (intera) u jgħid din l-estensjoni meta hu maħsub li tkun lesta minn kollox u tibda tintuża?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet — membri

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 696, 1269 u 2264 , jista’ l-Ministru jgħid: a. min kienu l-membri li, skont ma ntqal fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 696, offrew ir-riżenja tagħhom lill-Gvern; u b. jekk issa nħatarx bord ġdid u fil-każ min huma l-membri u għal kemm hi l-ħatra ta’ kull wieħed minnhom u jekk le, x’inhi r-raġuni għalfejn ma saret l-ebda ħatra sad-data ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għal Għawdex –Farm roads bil-konkos

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2185, 23432 u 22368 u jgħid kemm, f'liema lokalitajiet f’Għawdex u jagħti l-isem tat-triq/area u kemm kien it-tul u l-wisa' fejn saru 'Farm Roads' bil-konkos mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex mill-1 ta' Jannar, 2021 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari biex jitjieb l-aċċess għall-bdiewa u għan-nies li jiffrekwentaw dawn it-toroq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u titwieġeb f’seduta oħra.

San Ġiljan – Binja Ta’ Giorni — manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jirranġa u jsebbaħ il-madwar tal-binja tal-Gvern u meta se jirranġa d-diversi ħitan ta’ passaġġi u jsebbaħ is-soft areas li jinsabu fil-Binja ta’ Giorni, f’San Ġiljan?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellant li bħalissa qed tingħata attenzjoni għal tiswijiet, manutenzjoni u riġenerazzjoni tal-binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali. Sadanittant ġie mwaqqaf il-Housing Development Fund li fost irwoli oħra se jkun qed joħloq fond biex jitwettqu proġetti ta’ tisbieħ madwar il-binjiet tal-Gvern.

Uffiċjali tal-komunità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jimpjega aktar ħaddiema bħala uffiċjali tal-komunità, meta hemm biss 129 uffiċjal u dawn ma jistgħux ilaħħqu ma’ diversi xogħlijiet tagħhom? Jista’ jgħid x’inhuma r-rwoli u l-ħidmiet tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Aġenzija għas-Sistema tal-Infurzar Lokali se tkompli tissaħħaħ sabiex tkun tista’ tkompli toffri aktar servizzi. Fil-fatt l-aġenzija għadha kemm temmet il-proċess tal-għażla sabiex jiġu ingaġġati 21 uffiċjal ġdid, liema reklutaġġ huwa ppjanat li jibda fil-bidu ta’ Jannar 2023. B’żieda ma’ dan, ser tkun qed toħroġ sejħa oħra fil-ġimgħat li ġejjin sabiex jiġu inġaġġati uffiċjali oħrajn fis-sezzjoni tal-immaniġjar tat-traffiku. L-Irwol tal-Aġenzija Lesa u l-uffiċjali tal-komunità huwa vast, u biċ-ċentru tal-attenzjoni jkun is-servizz lill-komunità. Dan jinkludi: - Assistenza madwar diversi skejjel waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal mill-iskejjel - Immaniġġar tat-traffiku f’diversi toroq arterjali bħala parti mill-pjan nazzjonali - Immaniġġar tat-traffiku u għeluq ta’ toroq marbuta ma’ xogħlijiet u permessi tal-Kunsilli Lokali u oħrajn - Skorti matul trasport ta’ oġġetti kbar (skorti) - Rappurtaġġ u assistenza liċ-ċittadin waqt kollużjonijiet ta’ vetturi - Infurzar ta’ regolament marbuta mat-traffiku u l-ambjent permezz ta’ preżenza fiżika tal-uffiċjali tal-komunità. - Moniteraġġ ta’ kameras madwar il-pajjiż marbuta ma’ rimi ta’ skart b’mod abbużiv, u regolamenti tat-traffiku.

LESA – Uffiċjali tal-komunità assenjati mal-kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li numru ta’ uffiċjali tal-komunità fi ħdan il-LESA jkunu assenjati b’mod regolari mal-kunsilli lokali?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali — Sindki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb jew hemmx xi komunikazzjoni mal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali (AKL) biex is-Sindki jiġu full-time biex jaqdu dmirhom aħjar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li preżentement m’hemm l-ebda komunikazzjoni mal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali (AKL) dwar dan is-suġġett u dan minħabba li fil-preżent għaddej proċess ta’ konsultazzjoni għall-Istrateġija tal-Gvern Lokali.

Awtorità tal-Ippjanar – diskussjoni dwar il-Fond tal-Iżvilupp mal-AKL

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jiddiskuti l-Fond tal-Iżvilupp fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar mal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali (AKL) fid-dawl ta’ diversi lmenti minn diversi kunsilli?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Assoċjazzjoni organizzat laqgħa għall-Kunsilli Lokali f’Ottubru bil-għan li jingħata tagħrif dwar it-tħaddim ta’ dawn il-fondi filwaqt li qiegħed jinżamm kuntatt mal-kunsilli li jitolbu tagħrif.

Condominium Act

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan li l-Condominium Act ikun aġġornat? U jekk iva, kellu xi laqgħat fuq dan u ma’ min?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ġie kkummissjonat studju dwar aġġornament ta’ din il-liġi li ġiet approvata lura fis-sena 1997 u li daħħlet fis-seħħ fis-sena 2000.

Reġistru għall-Protezzjoni tal-Minuri – persuni rreġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni rreġistrati fir-Reġistru għall-Protezzjoni tal-Minuri?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sad-29 ta’ Novembru 2022 kien hemm 104 persuni rreġistrati fir-Reġistru għall-Protezzjoni tal-Minuri.

Sptar Mater Dei – Monthly Clinical Performance Unit Report

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Monthly Clinical Performance Unit Report tal-Isptar Mater Dei għal kull xahar tas-sena 2022?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 4563.

Rapport Annwali 2020 tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali

Question

Fid-dawl li fis-16 ta’ Mejju 2022, il-Ministru għas-Saħħa poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tad-Deputati (fis-Seduta Numru 5) ir-rapport Annwali 2020 tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, “Mental Health and Wellbeing – Challenges and Opportunities” (P.L. 0115) u peress li f’dan ir-rapport, il-Kummissarju spjega l-iżvilupp tas-servizz tal-helpline 1770 immexxi mill-Fondazzjoni Richmond b’dan il-mod: “The early weeks of the pandemic were characterised by a severe decrease in the number of persons seeking help. With pressure from this Office, helpline 1770 run by Richmond Foundation was beefed up by Ministry of Health funding and became a 24X7 service, with hundreds resorting to find solace, support, and advice. Confidence started building up and many resorted to online consultations.” (p. 5) u “In 2020, there was the added challenge to mental health and wellbeing as a result of the anxiety, stress, depression and isolation caused by the COVID-19 pandemic, and the opportunity to positively impact the mental health of people through active prevention and support. The pandemic disrupted mental health and wellbeing locally. As a mental health rights’ office, we were encouraged to note support for frontline staff. At a national level, support line 1770 run by Richmond Foundation became a 24X7 service very early during the pandemic, following additional funding provided by the Ministry for Health.” (p. 20) u peress li bis-saħħa tal-finanzjament provdut mill-Ministeru tas-Saħħa, Malta kellha għall-ewwel darba 24 siegħa kuljum servizz ta’ sapport u għajnuna bit-telefon, immexxi mil-Fondazzjoni Richmond u mid-dokumenti li qiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Ministru huwa ċar li l-Fondazzjoni Richmond żviluppat is-servizz 1770 fuq bażi ta’ 24 siegħa għax kien hemm bżonn u għax hekk talabha tagħmel il-Ministeru tas-Saħħa u peress li dan l-aħħar, il-Ministru ħabbar li l-Gvern kien se jagħmel servizz simili u li qabel kien jixtri servizz mill-Fondazzjoni Richmond u issa mhux se jibqa’ jagħmel dan, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji li għamel il-Ministeru tas-Saħħa jew li kkummissjona l-Ministru tas-Saħħa jew li kkonsidra l-Ministru tas-Saħħa li wassluh għad-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt tal-Ministeru mal-Foundazzjoni Richmond għas-servizz tal-helpline ta’ 24 siegħa u minfloku l-Ministeru tas-Saħħa jwaqqaf servizz ġdid u identiku bħal dak li qabel kien jingħata mill-Fondazzjoni Richmond iffinanzjat minn fondi pubbliċi? Jista’ jispjega jekk kienx konsultat il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali fuq din id-deċiżjoni u jekk kien konsultat x’kien il-parir tal-Kummissarju? Jista’ jispjega jekk kienx konsultat id-Direttur tal-Psikjatrija fuq din id-deċiżjoni u jekk kien konsultat x’kien il-parir tad-Direttur? Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk din id-deċiżjoni ttieħditx bi ftehim mal-Fondazzjoni Richmond? X’wassal lill-Ministru biex jiddeċiedi ma jibqax jiffinanzja dan is-servizz u minflok dan is-servizz beda jsir mill-Gvern?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi waqt li l-Gvern jaħdem fil-qrib mal-Fondazzjoni Richmond, tant illi jgħaddi 'l fuq minn zewġ miljuni Euro fis-sena għal servizzi mingħand din il-Fondazzjoni,f’dan il-każ inħasset il-ħtieġa li l-Gvern ikollu linja ta’ Appoġġ għas-Saħħa mentali , tiegħu. Fil-fatt fuq il-linja 1579 fl-ewwel 4 ġimgħat minn mindu twaqqfet diġà kien hemm 445 telefonata.

MCESD – proposti li tressqu fil-Baġit

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid, mill-proposti għall-Baġit 2023, imressqa fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), liema proposti ġew inkorporati fid-dokument finali tal-Gvern u liema tħallew barra?

Response (ABELA, ROBERT)

Il-Budget 2023 offra ċertezza u stabbiltà, l-iktar ħaġa li l-imsieħba soċjali wasslu messaġġ dwarha fil-kuntest imqalleb internazzjonali. Prijorità ewlenija kienet iċ-ċertezza li l-prezzijiet tal-enerġija se jibqgħu stabbli u mhux se jogħlew kif ġara f’pajjiżi oħra. Kif l-Onor. Interpellant setgħet issegwi mir-reazzjonijiet tal-imsieħba ewlenin, dawn esprimew il-fehma kif din il-miżura waħedha kienet l-iktar waħda kruċjali biex toffri s-serħan il-moħħ lill-ħaddiema u lill-imprendituri. L-apprezzament għal din id-deċiżjoni jirriżulta wkoll mill-fatt li l-imsieħba jafu li gvernijiet oħra, tal-partit li ġejja minnu hi, aġixxew ferm differenti u tefgħu fuq in-nies il-piżijiet meta ffaċjati bi kriżi ferm iżgħar minn tal-lum. L-importanza ta’ din id-deċiżjoni kienet immarkata wkoll minn aġenziji internazzjonali fosthom dawk tal-klasifikazzjoni tal-kreditu. Iżda, il-Gvern ma waqafx ma’ din il-miżura tant kbira u ħa ħafna inizjattivi oħra f’oqsma diversi u li n-nies qed jibdew jibbenefikaw minnhom. Naturalment il-budget li kien ippreżentat f’dan il-Parlament u l-istqarrijiet u d-dokumenti tal-imsieħba soċjali huma wkoll pubbliċi. Jirriżulta li l-Gvern ħa iktar minn 110 proposti tal-imsieħba soċjali.

Kumitat Reġjonali t’Għawdex – proposti li tressqu fil-baġit

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid, mill-proposti għall-Baġit 2023, imressqa mill-Kumitat Reġjonali t’Għawdex, liema proposti ġew inkorporati fid-dokument finali tal-Gvern u liema tħallew barra?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 4567.