Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – benefiċċji u għajnuna finanzjarja għall-produzzjoni tal-films lokali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4711 u jsemmi kull benefiċċju, għotja jew kull tip ta’ għajnuna oħra finanzjarja jew taħt xi forma oħra, li ngħataw fil-produzzjoni tal-films lokali u/jew produzzjonijiet oħrajn, jew kull tip ta' għajnuna oħra għal skop ieħor li għalihom applikaw il-persuni jew il-kumpaniji msemmija separatament, inkluż l-entitajiet u l-awtoritajiet kollha relattivi taħt id-dekasteru tiegħu, mill-2013 'il hawn?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ b’xi mod kien involut f’għajnuna jew f’iffinanzjar ta’ dawn il-produzzjonijiet segwenti: 1. It-trailer tal-film ‘Simshar’ intwera waqt il-Malta Short Film Festival li kien organizzat f’Pariġi fl-2013. Dan kien parti minn proġett li ġie ffinanzjat mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali flimkien mal-Malta Film Commission. L-ammont totali ta’ dan il-proġett, li kien jinkludi elementi oħra apparti l-wiri ta’ dan il-film, kien ta’ €6,000. 2. Fil-15 ta’ Mejju tal-2017, l-Ambaxxata Maltija fil-Greċja wriet il-film Malti ‘Simshar’ fiċ-ċinema open air ġewwa Palaoi Faliro. Din saret bħala parti minn avvenimenti oħra organizzati mill-Ambaxxata fil-ġimgħa dedikata għall-migrazzjoni waqt il-Presidenza Maltija fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Dan l-avveniment sewa €325 li ttieħdu mill-fond li l-Ministeru kellu allokat għall-Presidenza. 3. Fit-8 ta’ Novembru 2017, l-Ambaxxata ta’ Malta f’Berlin uriet il-films Maltin ‘Sħab’ u ‘Laqgħa ma’ Mara Morbi’ bħala parti minn proġett għad-Diplomazija Kulturali, iffinanzjat mill-Ministeru. Il-proġett kien jammonta għal madwar €4,000. 4. F’Diċembru 2018, bħala parti mill-programm u l-attivitajiet tal-għeluq ta’ Valletta 18 - il-Belt Ewropea tal-Kultura, il-Ministeru ffinanzja l-proġett imsejjaħ ‘Sempreviva’ mill-artist Charlie Cauchi. Dan il-proġett huwa estenzjoni tal-proġett ‘Latitude 36’ u ġie jiswa €56,700. ‘Sempreviva’ hija proġezzjoni ta’ tliet skrins li jittrattaw materjal mill-arkivji u filmati ta’ dokumentarji fid-djar, każini, postijiet tax-xoghol u postijiet residenzjali fejn jinstabu id-dijaspori Maltin fl-Ingilterra, fl-Istati Uniti u fil-Kanada. ‘Sempreviva’ tiġbor u tirrakonta stejjer ta’ identità u emigrazzjoni, u tappartjeni għal soċjetà partikolari permezz ta’ prattika artistika u kollaborattiva. 5. Fis-26 ta’ Novembru 2019, l-Ambaxxata ta’ Malta f’Berlin uriet il-film Malti ‘Limestone Cowboy’ bħala parti minn proġett għad-Diplomazija Kulturali. L-ammont ta’ dan il-proġett kien ta’ madwar €3,000. 6. Fl-2021, l-Ambaxxata ta’ Malta ġewwa Accra, il-Gana, uriet il-film Malti ‘Luzzu’ waqt il-Festival tal-Film organizzat mill-Unjoni Ewropea. Il-ħlas kien ta’ €200 u tħallas mill-Ministeru bħala parti mill-Malta Day. 7. F’April 2021, il-Konsolat ta’ Malta ġewwa Istanbul wera l-film ‘Luzzu’. L-ispejjeż ġew koperti minn sponsor fit-Turkija. 8. F’Novembru tal-2021, il-film ‘Simshar’ intwera fil-Festival Ewropew tal-Film ġewwa l-Alġier. Il-Ministeru ma ħareġ l-ebda fondi f’din l-inizjattiva, stante illi l-ispejjeż ġew koperti mil-Unjoni Ewropea. L-involviment tal-Ambaxxata ta’ Malta ġewwa l-Alġerija kien li ffaċilita l-kuntatti bejn id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-Malta Film Commission. 9. F’Marzu li għadda l-film Luzzu ntwera ġewwa Madrid. L-Ambaxxata ta’ Malta ġewwa Madrid għenet fl-organizzazzjoni sabiex grupp żgħir ta’ nies attendew il-premier, però l-Ministeru ma kopra ebda spejjeż għal dan l-avveniment. 10. F’Mejju li għadda, l-Ambaxxata Maltija fl-Etjopja wriet il-film ‘Luzzu’ bħala parti mill-Festival tal-Film tal-Unjoni Ewropea. Il-ħlas ta’ parteċipazzjoni kien ta’ €500 li tħallsu mill-Ministeru, imma mhux mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali. 11. F’Ġunju li għadda, l-Ambaxxata wriet il-film ‘Luzzu’ ġewwa VOX Esplanade Cinemas fir-Renju tal-Arabja Sawdita. Ebda ħlasijiet ma ġew koperti mill-Ministeru. 12. Fit-23 ta’ Settembru ta’ din is-sena, il-film Malti ‘Carmen’ intwera ġewwa Cine Brasilia bħala parti mill-Festival Internazzjonali tal-Film ta’ Brasilia. L-Ambaxxatur ta’ Malta ġewwa l-Brasilia attenda għal dan l-avveniment. Madanakollu, il-Ministeru ma kopra ebda spejjeż f’dan ir-rigward. 13. F’Novembru li għadda, il-Ministeru ffinanzja madwar €700 għall-kiri ta’ sala u għal ħlas ta’ streaming sabiex jintwera l-film ‘Luzzu’ fi Vjenna bħala parti mill-proġett tad-Diplomazija Kulturali implimentat mill-Ambaxxata Maltija. 14. Fl-istess xahar, id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea ġewwa New Delhi, l-Indja, uriet il-film ‘Luzzu’ waqt il-Festival Ewropew tal-Film 2022. L-Ambaxxata ma kopriet ebda spejjeż għal dan l-avveniment.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal – benefiċċji u għajnuna finanzjarja għall-produzzjoni tal-films lokali

Question

Jista' l-Ministru iwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4712 u jsemmi kull benefiċċju, għotja jew kull tip ta’ għajnuna oħra finanzjarja jew taħt xi forma oħra, li ngħataw fil-produzzjoni tal-films lokali u/jew produzzjonijiet oħrajn, jew kull tip ta' għajnuna oħra għal skop ieħor li għalihom applikaw il-persuni jew il-kumpaniji msemmija separatament, inkluż l-entitajiet u l-awtoritajiet kollha relattivi taħt id-dekasteru tiegħu, mill-2013 'il hawn?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – benefiċċji u għajnuna finanzjarja għall-produzzjoni tal-films lokali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4713 u jsemmi kull benefiċċju, għotja jew kull tip ta’ għajnuna oħra finanzjarja jew taħt xi forma oħra, li ngħataw fil-produzzjoni tal-films lokali u/jew produzzjonijiet oħrajn, jew kull tip ta' għajnuna oħra għal skop ieħor li għalihom applikaw il-persuni jew il-kumpaniji msemmija separatament, inkluż l-entitajiet u l-awtoritajiet kollha relattivi taħt id-dekasteru tiegħu, mill-2013 'il hawn?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma ngħataw l-ebda għotja finanzjarja taħt xi forma jew oħra.

Pjan ta' Riġenerazzjoni tal-Port

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2054, 3730, 4034, 4251, 4608 u 4831 u jgħid kemm sewa l-pjan kbir ta’ Riġenerazzjoni tal-Port? Jista’ jagħti l-istudji li ntużaw?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

IVI Drip Sets out of stock

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma kemm ilhom out of stock l-IVI Drip Sets mill-Isptarijiet tagħna, x'inhi r-raġuni għal dan u meta huwa maħsub li dawn jerġgħu jkunu disponibbli?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-IVI Drip Sets mhumiex out of stock.

Malta Film Commission – audited accounts u rapporti annwali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-Audited Accounts u r-Rapporti Annwali tal-Malta Film Commission għas-snin 2013, 2014, 2015, 2016, 2017, 2018, 2019, 2020 u 2021?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Malta Film Commission – Organigram preżenti

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-organigram preżenti tal-Malta Film Commission u jippubblika lista tal-pożizzjonijiet kollha fi ħdan il-Malta Film Commission, il-paga, allowances u benefiċċji oħra mħallsa għal kull pożizzjoni u jgħid jekk il-persuna f’impjieg għal kull pożizzjoni hijiex f’kuntratt definit jew indefinit?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Screen Malta

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha li għaddiet din is-sena bejn il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea rigward Screen Malta u speċifikament rigward il-bidla mitluba li sseħħ li minn għajnuna klassifikata bħala de minimis din tiġi kunsidrata bħala għajnuna taħt il-General Block Exemption Regulations?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Film Awards/Malta Film Week – Budget 2023

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra fuq meta ser iseħħ il-Malta Film Week u l-Malta Film Awards fis-sena 2023 u jekk il-Malta Film Commission għandhiex budget għal dan l-avveniment u kemm ser tkun l-ispiża għas-sena d-dieħla?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-estimi finanzjarji li diġa’ tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kompetizzjoni Presepju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ntgħażlu l-persuni biex ikunu ġudikanti tal-kompetizzjoni nazzjonali għall-presepji u jekk kienx hemm nutar li ħa ħsieb il-proċess tal-kompetizzjoni? Jista’ jsemmi min huma l-ġudikanti u l-kompetenza li għandhom fuq dan il-qasam?

Response (BONNICI, OWEN)

Tlabt sabiex l-informazzjoni mitluba tinġabar.

Ġnien Sa Maison – Skultura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġiet l-ispiża totali fejn jagħti break down tal-ispejjeż fosthom il-fotografija u oħrajn tal-iskultura mqiegħda fi Ġnien Sa Maison minn Ugo Rondinone? Jista’ jgħid ukoll fuq liema kriterji ntgħażel l-artist? Jista’ jgħid kemm kienet il-miżata tal-artist inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-alloġġ?

Response (BONNICI, OWEN)

Tlabt sabiex l-informazzjoni tinġabar.

Bumunqar – miżuri biex ma jattakkax siġar tal-Palm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex il-bumunqar ma jibqax jattakka s-siġar tal-palm f'pajjiżna?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontroll tal-bumunqar l-aħmar huwa regolat permezz tal-liġi sussidjarja 433.32 – Regolamenti Dwar Control of the Red Palm Weevil u l-avviż fil-Gazzetta tal-Gvern numru 765 tal-2019.

Skejjel tal-Knisja – laboratory technicians — promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4840 u jgħid jekk hux qegħdin isiru diskussjonijiet biex il-Laboratory Technicians fl-Iskejjel tal-Knisja jingħataw il-promozzjonijiet ta' ATO, TO, STO U PTO bħall-Iskejjel tal-Gvern? Jekk iva, fiex waslu dawn id-diskussjonijiet?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Taħriġ u edukazzjoni dwar il-Fibromyalgia u l-ME

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4732, li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu, u ċjoè: Ibbażat fuq l-Art. 26 tal-UNCRPD, jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-Gvern biex jiżgura li l-professjonisti tas-saħħa tagħna, ir-rewmatisti u n-newroloġisti qed ikomplu t-taħriġ u l-edukazzjoni tagħhom dwar il-Fibromyalgia u l-ME? Kemm qed jinvesti l-istat f’taħriġ kontinwu lill-professjonisti kollha fuq mard debilitanti bħal dan, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fil-komunità?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Kliniċi mediċi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4802, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet tas-sitt kumpaniji u/jew individwi li ghandhom applikazzjonijiet pendenti, konfermata bħala applikazzjoni kompluta mill-1 ta’ Ġunju 2021 sas-7 ta’ Diċembru 2022?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex – Middle school — xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentarti 3952, u peress li ninsab informat li dan il-proġett ġie trasferit mill-Ministeru tal-Edukazzjoni għall-Ministeru għal Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet dwar il-post permanenti għall-Middle School ta’ Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 3592.

Ministeru għas-Saħħa — karozzi elettriċi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il karozza tal-elettriku hemm leased fil-Ministeru tiegħu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għas-Saħħa għandu 9 karozzi tal-elettriku.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — karozzi elettriċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karozza tal-elettriku hemm leased fil-Ministeru tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li, filwaqt li preżentement m’hemmx karozzi tal-elettriku leased fil-Ministeru, fit-tmiem tal-lease kurrenti hu ppjanat li jinħarġu tenders għal lease ta’ karozzi tal-elettriku.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — karozzi elettriċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karozza tal-elettriku hemm leased fil-Ministeru tiegħu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ m’hemm l-ebda karozza tal-elettriku mikrija.