Jista’ l-Ministru jelenka lista ta’ Periti li jew għandhom il-warrant tagħhom sospiż jew li qegħdin fl-appell għaliex appellaw deċiżjoni li jkollhom il-warrant sospiż?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċedura ta’ sospensjoni tal-Warrant tal-Periti, kif stabbilita mill-Att tal-Periti qabel ma ddaħħal fis-seħħ l-Att il-ġdid, jiġi mmexxi mill-Kamra tal-Periti u l-proċeduri jinstemgħu mill-Kunsill tal-istess Kamra tal-Periti. Fil-preżent, skont ir-records tal-Bord tal-Warrant tal-Periti ma hemm ebda Perit li għandu l-Warrant sospiż. Fir-rigward tal-Appelli minn deċiżjonijiet meħuda mill-Kamra tal-Periti, l-Bord tal-Warrant tal-Periti ma jkollux din l-informazzjoni, peress li l-Bord ma jkunx parti minn dawk il-proċeduri u l-Appell jiġi intavolat lill-Qorti tal-Appell mid-deċiżjoni tal-Kamra tal-Periti.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tat-tender għal shore-to-ship fil-Freeport? Jista’ jgħid ukoll kemm hija ppjanata l-ispiża, meta se jibdew ix-xogħlijiet u jekk hemmx studji dwar kif se jiġu affettwati l-emissjonijiet fiż-żona ta’ Birżebbuġa?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-eżitu tal-kuntratt għax-xogħlijiet meħtieġa ġie ffirmat u qed jiġi esegwit. L-imsemmi tender huwa ppubblikat mid-Dipratiment tal-Kuntratti, kif ukoll l-istess jista' jingħad għat-tender tas-superviżjoni maħruġ mill-Malta Freeport Corporation.
Ix-xogħlijiet li bdew f’Ottubru ta' 2022, li jinkludu fażi estensiva ta' disinn dettaljat kemm elettriku u ċivili kif ukoll huma previsti li l-emissjonijiet fiż-żona ta Birżebbuġa jonqsu drastikament. L-ispiża totali hija maħsuba, li ma taqbiżx it-12-il muljun Euro.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti rendikont tal-mediċini li kienu out of stock jew li għadhom out of stock mill-isptar bejn id-19 ta' Diċembru 2022 sal-4 ta' Jannar 2023 u li minħabba f'hekk bosta pazjenti spiċċaw jixtru dawn il-mediċini mill-ispiżeriji?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi waqt li globalment teżisti skarsezza sinifikanti ta’ mediċini l-aktar imħabba problemi ta’ manifattura u ta’ loġistika, lokalment is-Central Procurement and Supplies Unit (CPSU) u l-Medicines Authority qegħdin ikunu proattivi sabiex l-effetti tal-iskarsezza inkwestjoni tkun minimizzata.
Qiegħed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra screenshot tal-web page bl-informazzjoni relevanti.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk l-injection Kenalog għadhiex out of stock mill-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid kemm kien hemm persuni li marru jieħdu din l-injection mill-isptar u spiċċaw intbagħtu biex jixtruha huma minn post ieħor allokat lilhom mill-konsulenti?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mediċina Triamcinolone (fil-Mistoqsija riferuta bħala Kenalog injection) hija disponibbli għall-użu fl-Isptar Mater Dei.
Lifelong Learning – call/talba għal post ta’ Direttur
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġitx il-call/it-talba għall-post li kien vakat mid-Direttur, Lifelong Learning, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-call/talba msemmija ħarġet skont iċ-ċirkulari OPM numru 16/2022 – Headship Position.
Fgura – Triq il-Kunsill tal-Ewropa/Vjal Kottoner – xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex previst li tul din is-sena jsir ix-xogħol neċessarju fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa ma’ Vjal Kottoner fil-Fgura, fejn hemm roundabout żgħira, billi din qiegħda tisfronda?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol f’din it-triq hu ppjanat li jibda din is-sena.
Fgura – Triq il-Kunsill tal-Ewropa/Vjal Kottoner – xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex previst li tul din is-sena jsir ix-xogħol neċessarju fi Triq il-Kunsill tal-Ewropa ma’ Vjal Kottoner fil-Fgura, fejn hemm roundabout żgħira, billi din qiegħda tisfronda?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħad-Dingli hix qiegħda tkun miftuħa regolarment u jekk hux se ssirilha manutenzjoni billi tidher li għandha bżonn sew?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3470.
Ħal Tarxien – Proġett ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza u z-zuntier tal-Knisja Parrokkjali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3483, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm progress fir-rigward tal-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Pjazza u z-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fażi ta’ preparazzjoni tal-proġett għadha għaddejja.
Il-Belt Valletta – Knisja ta’ Santa Barbara – restawr
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex ser isir ix-xogħol ta’ restawr neċessarju fil-Knisja ta’ Santa Barbara l-Belt Valletta tul din is-sena jew jekk hix ser tiġi inkluża fil-lista tal-istess bħala prijorità?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mid-Direttorat tar-Restawr li m’hemmx pjanijiet li jsir restawr fuq il-Knisja ta’ Santa Barbara l-Belt Valletta matul din is-sena minħabba l-fatt li hemm lista ta’ proġetti oħrajn li jieħdu preċedenza fil-prijorità.
Madankollu mhux eskluż li tittieħed azzjoni li titqies meħtieġa fiċ-ċirkostanzi.
Il-Belt Valletta – Knisja ta’ Santa Barbara – restawr
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex ser isir ix-xogħol ta’ restawr neċessarju fil-Knisja ta’ Santa Barbara l-Belt Valletta tul din is-sena jew jekk hix ser tiġi inkluża fil-lista tal-istess bħala prijorità?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5040 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hawn pazjenti f’Malta u f’Għawdex li għandhom bżonn il-mediċina Golexin Implant 3.6 mg? Minħabba li din il-mediċina hija out of stock u hawn nuqqas ta’ supply, jista' jgħid jekk hux il-pazjenti kollha qed jingħataw din il-mediċina? Jekk le, jista' jgħid kemm-il pazjent qed jiġi affettwat? Jista’ jgħid ukoll kemm jista’ jkun in-numru ta’ pazjenti li mhux se jkunu moqdija sakemm tiġi riżolta din il-problema? Jista’ jiggarantixxi li jekk in-numru ta’ pazjenti li għandhom bżonn din il-mediċina jiżdied, dawn il-pazjenti se jkunu moqdija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Golexin Implant 3.6 mg mhux out of stock.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3341, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jippubblika l-istess statistika għas-sena 2021?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3340, jista' l-Ministru jispjega kif skont it-tweġiba tiegħu huwa qed jgħid li kien ‘infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja’ li l-bye-law ġiet rifjutata, u fl-istess waqt skont il-Minuti ta' Laqgħa Nru 83/8 tal-Kunsill Lokali tal-Gudja li saret il-Ħamis 10 ta' Novembru 2022, u li jinsabu ppubblikati fis-sit tal-Kunsill Lokali, is-Sindku infurmat lill-Kunsill Lokali li ‘il-Kunsill ma wiġibx b'dak il-mod’ li kkwota l-Ministru?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn xi nżid mat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3340.
Ir-Rabat – Provvista tal-Elettriku fin-naħa tal-Wied tal-Isqof
Question
Tista’ l-Ministru tara li tiġi riżolta l-problema tal-provvista tal-elettriku fin-naħa tal-Wied tal-Isqof, limiti Tal-Virtù, Rabat, minħabba li r-residenti qed ibatu b'vultaġġ jitla' u jinżel sal-punt li jikkawżalhom ħsarat fl-appliances? Tista' tagħti indikazzjoni meta hu ppjanat li din il-problema tissolva?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — karozzi elettriċi
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il karozza tal-elettriku hemm leased fil-Ministeru tagħha?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru, u l-entitajiet li jaqgħu fid-dekasteru tal-Ministeru, m’għandhomx karozzi tal-elettriku li huma leased.