Legislature:
Category:
Reset
Active:

MFSA – Kap Eżekuttiv – kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4639 u 4832 u jgħid għalfejn l-Eks Kap E¿ekuttiv tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) għadu qed jitħallas eluf fix-xahar? Jista’ jippubblika l-kuntratt li kellu l-Kap Eżekuttiv ta’ din l-Awtorità, li ismu qed jintbagħat separatament?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA), ġie ingaġġat bħala konsulent għall-istess Awtorità għall-perjodu bejn Settembru 2022 sa Marzu 2023, kif diġà jidher fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 3248. Is-Sur Gavin ġie ingaġġat biex jipprovdi konsulenza dwar il-funzjonijiet statutorji tal-imsemmija Awtorità, għal handover, u għall-konklużjoni ta’ diversi inizjattivi, inkluż pariri strateġiċi marbuta mal-istrateġija ta’ Malta għas-servizzi finanzjarji, numru ta' inizjattivi dwar liċenzjar jew awtorizzazzjonijiet, u diversi pariri dwar rekwiżiti superviżorji. Il-kuntratt tiegħu jiġi tterminat ipso jure fil-31 ta’ Marzu 2023.

FIAU — avukati

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-avukati li qed jirrapreżentaw lill-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) f'kawżi quddiem il-Qorti Kostituzzjonali u l-Qorti tal-Appell, kif intagħżlu, kemm tħallsu sa issa u meta tħallsu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-avukati li qed jirrappreżentaw lill-Korp għall-Analizi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) f'kawzi quddiem il-Qorti Kostituzzjonali u l-Qorti tal-Appell huma Refalo Advocates u Mamo TCV Advocates. Dawn irrappreżentaw l-FIAU fil-perjodu 2018 s’issa, u f’dan il perjodu tħallsu total ta' €357,120.77. Dan l-ammont jinkludi spejjeż għas-servizzi professjonali tagħhom, spejjeż tal-Qorti, u spejjeż tal-prokuraturi legali. Fir-rigward għal kif intgħażlu, l-avukati ġew appuntati skont ir-regolament 7(1) ta’ SL601.03.

MFSA — avukati

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-avukati li qed jirrapreżentaw lill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) f'kawżi quddiem il-Qorti Kostituzzjonali u l-Qorti tal-Appell, kif intagħżlu, kemm tħallsu sa issa u meta tħallsu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-avukati u d-ditti t’avukati li qed jirrappreżentaw lill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA), f'kawżi kostituzzjonali u f’kawżi quddiem il-Qorti tal-Appell, huma l-Av. Kris Borg, GVZH Advocates u Refalo Advocates. Dawn ġew magħżula skont il-liġijiet u l-proċeduri interni applikabbli, u abbażi tal-kompetenza tagħhom fl-oqsma relevanti. L-ammont totali mħallas lilhom ilkoll s’issa għas-servizzi tagħhom provduti fir-rigward tal-imsemmija kawżi huwa €11,563.22, liema ammont ġie mħallas lilhom bejn l-2019 u l-2022, hekk kif juri s-sommarju li jidher hawn taħt: Ditta tal-Avukati/Sena 2019 2020 2021 2022 Total Dr Kris Borg 490 568 643 617 2,316 GVZH Advocates - - 4,302 2,456 6,758 Refalo Advocates - - - 2,489 2,489 490 568 4,945 5,561 11,563
Leg 14 PQ #4938 Sitting 72 2023-01-09 Oral · Final From: IVAN CASTILLO (Partit Nazzjonalista)

Skejjel – first aiders

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid uffiċjalment kemm hemm First Aiders f’kull skola u l-popolazzjoni ta’ kull skola?

Response

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskejjel hawn 165 first aider b’popolazzjoni ta’ 34,188.
Leg 14 PQ #4939 Sitting 72 2023-01-09 Oral · Final From: IVAN CASTILLO (Partit Nazzjonalista)

Skejjel – studenti b’kundizzjonijiet kroniċi

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid kemm-il student hemm f’kull skola b’kundizzjoni kronika u jgħid liema huma dawn il-kundizzjonijiet p.e. dijabete, allerġiji eċċ?

Response

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali informazzjoni, kif mitluba, ma tinżammx b’rispett lejn il-protezzjoni tad-data.
Leg 14 PQ #4940 Sitting 72 2023-01-09 Oral · Final From: IVAN CASTILLO (Partit Nazzjonalista)

Skejjel – studenti li jużaw is-servizz tal-infermiera

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid kemm-il student juża s-servizzi tal-infermiera tal-komunità f’kull skola?

Response

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizzi msemmija jingħataw minn kumpanija privata.
Leg 14 PQ #4942 Sitting 72 2023-01-09 Oral · Final From: IVAN CASTILLO (Partit Nazzjonalista)

Skejjel – Invigilators ma’ studenti filgħodu

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra u jgħid kemm hemm invigilators kull filgħodu assenjati mat-tfal? Kemm-il talba saret minn kull skola jew Kap tan-Netwerk,biex ikunu allokati iżjed invigilators?

Response

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rwol tal-invigilator hu li jkun responsabbli għal grupp ta’ persuni waqt l-eżami. L-invigilators jiġu assenjati mill-Kap tal-Iskola.

Sptar Mater Dei – listi ta’ stennija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huma twal f'termini ta' ġimgħat/xhur il-listi ta' stennija għal dawn is-servizzi fl-Isptar Mater Dei mniżżla hawn taħt: a. MRI; b. CT scan; c. Operazzjonijiet tal-irkoppa; d. Ophtalmic (l-ewwel vista); e. Operazzjonijiet għall-katarretti; f. ENT (l-ewwel vista); u g. GU Clinic? Jista’ jgħid ukoll hemmx xi listi ta' stennija oħra f'dipartimenti oħrajn li jaqbżu t-tliet xhur?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żmien ta’ stennija jiddependi mill-urġenza tal-każ għalhekk kull każ huwa vverifikat u dawk li huma urġenti jsiru f’qasir żmien. Pereżempju pazjenti li jkollhom bżonn urġenti tas-servizz tal-GU clinic jingħataw appuntament dakinhar stess jew l-għada. Għal każijiet inqas urġenti l-appuntament jista' jkun aktar fit-tul.

Sptar Sir Anthony Mamo Oncology Centre – listi ta’ stennija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huma twal f'termini ta' xhur il-lista ta' stennija għall-ewwel vista fl-Isptar Sir Anthony Mamo Oncology Centre (SAMOC)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żmien ta' stennija għall-ewwel vista fl-Oncology Out Patients hija ta’ madwar 18-il jum. Madanakollu kull każ jiġi vetted mill-ispeċjalisti relevanti u f’każ ta’ urġenza l-pazjent jingħata appuntament minnufih.

Kliniċi tal-Komunità – listi ta’ stennija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm qed ikun hemm stennija bejn appuntament u follow-up ma' psikjatri fil-kliniċi tal-komunità? Jista’ jgħid jekk hux qed jinżamm xi tip ta’ rekord ta' dan id-dewmien?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li follow-up fil-kliniċi msemmija minnha jsiru skont il-qagħda klinika u l-ħtieġa tal-pazjent. Dan jiġi determinat mit-tim multidixxiplinarju li jkun qed isegwi lill-pazjent.

Lista ta’ Mediċini tal-Kartuna s-Safra

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li pazjenti li jkollhom xi bidla fil-lista tal-mediċini tal-Kartuna s-Safra qed ikollhom imorru jagħmlu t-tibdil fl-uffiċċju tax-Schedule V fil-kumpless ta' San Luqa? Jista’ jikkonferma li sa ftit ilu l-ispiżjar tal-POYC kien jiffaċilita din il-bidla imma l-ispiżjara rċevew istruzzjonijiet biex ma jkomplux jagħmlu dan? F'każ li vera kien hemm din il-bidla, jista' l-Ministru jiċċara x'kien il-ħsieb wara din il-bidla?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kwalunkwe bidla fit-trattament/mediċina huwa dejjem għad-diskrezzjoni tal-Konsulent li jieħu ħsieb il-pazjent. Tibdil fil-mediċina jista' jsir direttament mill-konsulent lill-POYC, sussegwentement ipproċessata mit-tim ta’ Schedule V jew permezz tas-sistema ta’ intitolament online tal-POYC imsejħa CARE, fejn l-applikazzjoni tiġi riċevuta direttament minn POYC u pproċessata u viżibbli għall-ispiżerija fuq is-sistema WPDS immedjatament wara l-ipproċessar.

Residenza San Vinċenz de Paule — applikanti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid Kemm hemm applikanti li qed jistennew biex jidħlu fir-Residenza San Vincenz de Paule? Jista' jgħid kemm hemm applikanti li qed jistennew biex jidħlu f'dar tal-anzjani fil-komunità? Jista' jgħid x'inhuma d-dati tal-applikanti li ilhom l-iktar jistennew biex jidħlu fir-Residenza San Vinċenz jew fi djar tal-anzjani fil-komunità?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ħal Far Model Flying Association – ċaqliq għall-inħawi ta’ Wied Żnuber

Question

B'referenza għal wegħda li għamel il-Prim Ministru ftit qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet u għat-twegiba għall-mistoqsija parlamentari 4603, jista' l-Ministru jgħid għal liema post ser tkun qed tiċċaqlaq il-Ħal Far Model Flying Association minn fejn hi pjanata li ssir it-trakka tal-karozzi?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan li jsir iċ-ċaqliq tal-Ħal Far Model Flying Association għadu fis-seħħ.

Perkolat tal-putassa — HS Code

Question

Jista' l-Ministru jelenka lista li turi kemm ġew importat perkolat tal-putassa għal użu fil-piroteknika, meta, mil-liema pajjiż u taħt liema HS Code mill-1 ta' Settembru 2021 sal-31 ta' Ottubru 2022?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu indikat, ġiet irrappurtata importazzjoni waħda ta’ perkolat tal-putassa (CAS RN231-912-9). Din kienet tikkonsisti f’27 pallet bit-tariffa dagonali 2829901000, importata miċ-Ċina. Dawn ġew irrilaxxati mid-Dwana wara li ġiet issottomessa d-dikjarazzjoni fis-sistema tal-importazzjoni nhar it-8 ta’ Ġunju 2022.

Importazzjoni ta' perkolat tal-putassa għal użu fil-piroteknika

Question

Jista l-Ministru jipprezenta kopja tac-certifikazzjoni tal-kwalità u/jew is-safety data sheets li ġew ippreżentati fl-importazzjoni ta' perkolat tal-putassa għal użu fil-piroteknika, mill-1 ta' Settembru 2021 sal-31 ta' Ottubru 2022, u/jew verifika u/jew konferma li dawn ġew ippreżentati f'kull instanza ta' importazzjoni tal-imsemmija materjali fil-perjodu msemmi? Jista' l-Ministru, għal kull instanza ta' importazzjoni tal-imsemmija materjali fil-perjodu imsemmi, jindika kif ġew ivverifikati s-Safety Data Sheets?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhix fil-kompetenza tad-Dwana li tivverifika s-safety data sheets. Din it-tip ta’ merkanzija tinħtieġ liċenzja maħruġa mid-Dipartiment tal-Kummerċ; liema liċenzja ġiet ippreżentata lid-Dwana waqt spezzjoni fiżika tal-imsemmija konsenja.

Proċess u frekwenza tal-verifikazzjoni tal-perkolat tal-putassa għal użu fil-piroteknika

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-proċess u l-frekwenza, sabiex jiġi vverifikat li l-perkolat tal-putassa għal użu fil-piroteknika importati jikkorspondi fil-komposizzjoni u l-kwalità mad-dokumentazzjoni ppreżentata waqt l-importazzjoni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Project House — Faċċata - irħam u granit

Question

Jista' l-Ministru jgħid li kemm intuża, f'metri kwadru, irħam jew granit mal-faċċata ta' Project House u kemm ġie jiswa? Jista' jikkonferma li parti minn dan l-irħam ġiet moħbija wara l-photovoltaic panels u kemm minnu, f'metri kwadru, ġie moħbi?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ntuża madwar 2,523 metru kwadru ta’ ġebel tal-qawwi (minn Għawdex) għall-kisi tal-faċċata ta’ Project House. Il-prezz tas-sistema tal-cladding, inkluż il-qafas tal-aluminju li miegħu twaħħal il-ġebel tal-qawwi, u l-insulation huwa ta’ €1,293,679 (VAT eskluż). Il-pannelli (BIPVs) li twaħħlu fuq il-ġebel tal-qawwi jkopru madwar 232 metru kwadru.