San Pawl il-Baħar — Triq Marchesa - bozza mwaħħla mal-faċċata ta' proprjetà
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex l-aħħar bozza fi Triq Marchesa Bugeja, San Pawl il-Baħar (in-naħa ta' Triq Parades) u li tinsab imwaħħla ma' faċċata ta' proprjetà terġa' tibda tixgħel hekk kif din il-bozza tinsab mitfija sa meta qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar li l-istess Kunsill indirizza din il-kwistjoni mal-entità kkonċernata.
Għalhekk, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex għal aktar informazzjoni tirreferi għall-Ministeru kkonċernat.
San Pawl il-Baħar — Triq San Pawl u Triq Parades - bozoz
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jassigura li l-bozoz kollha li jinsabu fi Triq San Pawl u Triq Parades, San Pawl il-Baħar, ikunu qegħdin jiffunzjonaw hekk kif numru minn dawn il-bozoz jinsabu mitfija sa meta qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar li l-istess Kunsill dejjem jieħu azzjoni immedjata sabiex jiġu indirizzati kwalsiasi lmenti.
Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar — Skeda ġdida ta' ġbir ta' skart
Question
Jista' l-Ministru jgħid kif il-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar informa lir-residenti dwar l-iskeda l-ġdida tal-ġbir ta' skart li bdiet titħaddem mit-2 ta' Jannar 2023?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi l-istess Kunsill Lokali, inkluż il-Kunsilliera, qegħdin kollettivament iwasslu l-messaġġ b’diversi metodi, fosthom, permezz tal-midja soċjali u tqassim ta’ avviżi bl-idejn fejn meħtieġ.
Dan fl-istess waqt li l-Gvern għaddej b’kampanja ta’ informazzjoni fuq diversi stazzjonijiet tar-radju u televiżjoni, fuq il-midja soċjali kif ukoll fit-toroq lokali permezz ta’ billboards.
Servizz ta’ tabib fil-bereġ u polikliniċi tal-Gvern
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika l-ġranet u l-ħinijiet u fejn jingħata s-servizz ta' Tabib (General Practitioner) fil-bereġ u l-polikliniċi tal-Gvern?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-iskeda tas-servizzi kollha offruti mill-Primary HealthCare tinsab fil-Quality Charter tal-Primary Health, li jiġi aġġornat regolarment u jista’ jiġi aċċessat minn kulħadd mill-homepage tal-Primary HealthCare. Kopja tiegħu qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:Primary HealthCare Quality Service Charter 28_8_21.pdf
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-każijiet mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2022 fejn l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) ħarġet multa u din waqgħet minnħabba żball amministrattiv? Tista’ din il-lista turi, każ b’każ, kemm kien l-ammont u x’kienet ir-raġuni għaliex il-multa twaqqgħet?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każijiet fejn il-BCA rriżultalha li kien hemm żbalji amministrattivi qed jiġu mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.
Minħabba li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4774 il-Ministru ma weġibx x'inhuma l-kwalifiċi, akkademiċi u mhumiex, li l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li għadu kif inħatar CEO tal-Awtorita tal-Ippjanar għandu fl-ippjanar u/jew fl-Awtorità tal-Ippjanar u/jew f'pożizzjoni maniġerjali għolja u/jew fil-governanza korporattiva, jista' l-Ministru jelenka dawn il-kwalifiċi? Jista' jgħid kif dawn il-kwalifiċi u kif l-esperjenzi li semma fir-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 4774 se jwasslu sabiex din il-persuna tibni kunsens u relazzjonijiet fost l-eżekuttivi, l-imsieħba u l-ħaddiema forza tax-xogħol u tkun kapaċi tifhem kwistjonijiet ġodda malajr u tieħu deċiżjonijiet għaqlin, tispira u toħloq fiduċja fl-awtorità u li taħdem taħt pressjoni, tippjana xogħol personali b'mod effettiv u tiddelega?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li diġà ngħata preċedentement.
Birżebbuġa – Triq il-Port Ħieles – traffic islands u traffic calming measures
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4343 u jgħid jekk fi Triq il-Port Ħieles, Birżebbuġa (in-naħa tal-Freeport) hux se jsiru traffic islands fil-junction ma’ Triq il-Girgħien? Jista' jgħid ukoll jekk hux ser isiru traffic calming measures u fiex se jkunu jikkonsistu?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Triq il-Port Ħieles, kantuniera ma’ Triq il-Girghien, mhux ser isiru l-ebda traffic islands. Transport Malta approvat il-proposta tal-Kunsill Lokali ghal re-design u Traffic calming measures, kif qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pjan ta' xogħlijiet fuq toroq residenzjali bħala parti mill-investiment ta' €100 miljun fis-sena għal seba' snin huwiex lest għas-sena 2023? F'każ li l-pjan huwa lest, jista' jelenka liema se jkunu t-toroq residenzjali, lokalità lokalità, li se jitlestew sal-31 ta' Diċembru 2023?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’konsultazzjoni mal-kunsilli lokali kollha u rċeviet lista ta’ prijoritajiet għal kull lokalità rispettiva. Il-pjan ta’ xogħlijiet fuq toroq residenzjali għadu ma ġiex iffinalizzat peress li d-diskussjonijiet mal-kunsilli għadhom ma ġewx konklużi.
Birżebbuġa – Pjan ta’ azzjoni għal upgrading fis-sistema tad-drenaġġ
Question
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan ta' azzjoni li se jkun qed jitwettaq matul l-2023 sabiex tiġi upgraded is-sistema tad-drenaġġ f'Birżebbuġa u x'se tkun il-kapaċità tas-sistema wara l-upgrade u kif din tikkompara mas-sistema preżenti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li ser isir tkabbir ta’ mejnijiet tad-drenaġġ ta’ madwar 1200 metru li ser iwasslu għal żieda fil-kapaċità ta’ madwar erbgħin fil-mija fuq dik eżistenti. Fl-istess waqt ser tkun qed tiġi indirizzata infiltrazzjoni ta’ ilma baħar fl-istess sistema.
Ix-xogħlijiet ser jitnedew fl-ewwel xhur ta’ din is-sena mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Ix-xogħlijiet mistennija jitlestew madwar tlettax-il xahar mid-data tal-iffirmar tal-kuntratt għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet.
Il-Belt Valletta – Knisja ta’ Santa Barbara – restawr
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex ser isir ix-xogħol ta’ restawr neċessarju fil-Knisja ta’ Santa Barbara l-Belt Valletta tul din is-sena jew jekk hix ser tiġi inkluża fil-lista tal-istess bħala prijorità?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nistieden lill-Onor. Interpellant jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3484, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet fuq il-ground dedikat għal Joseph Delceppo f’Bormla humiex ser isiru tul din is-sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla illi l-imsemmija xogħlijiet mistennija li jitlestew sal-ewwel kwart tas-sena 2023.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3485 dwar il-Paola Hub, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Kamra x’servizzi mediċi se jiġu offruti fl-imsemmi hub tul is-sajf li ġej, kif ukoll x’arranġamenti se jittieħdu in vista tat-traffiku li se jkun hemm?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 4806.
Ġonna f’Malta li l-amministrazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3365, tista’ l-Ministru tgħid x’passi jew programmi ttieħdu jew se jittieħdu tul din is-sena dwar il-Buskett u ċjoè x’manutenzjoni u ammeljoramenti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Bħala parti mill-ħidma l-ġdida għal din is-sena fil-Buskett, se tkun qed issir ħidma biex tiżdied is-sigurtà u dan permezz tal-installazzjoni ta’ numru ta’ kameras tas-sigurtà. Se jitkompla x-xogħol fuq il-kamra agrarja, li se tkun qed tiġi konvertita f’ċentru għal edukazzjoni ambjentali dwar il-Buskett.
Infakkar lill-Onor. Interpellant illi barra minn hekk, hemm il-ħidma ta’ kuljum biex il-Buskett jinżamm nadif. Fost oħrajn, dan ix-xogħol jinkludi tindif, iż-żbir tas-siġar, tħawwil ta’ siġar u arbuxelli, l-immaniġġar tas-sistemi ta’ irrigazzjoni u xogħlijiet fuq ħitan tas-sejjieħ u ġibjuni skont il-ħtieġa.
Ġonna f’Malta li l-amministrazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3365, tista’ l-Ministru tgħid x’passi jew programmi ttieħdu jew se jittieħdu tul din is-sena dwar il-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar u ċjoè x’manutenzjoni u ammeljoramenti?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser ikunu qed nestendu dan il-Park u nżidu aktar siġar u arbuxxeli. Ix-xogħol ta’ manutenzjoni isir b’mod regolari f’dan il-Park.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3488, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-evalwazzjoni indikata għal Ġnien is-Serenità (magħruf bħala l-Ġnien taċ-Ċiniżi) f’Santa Luċija hijiex lesta jew le? Jekk iva, tista’ titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Evalwazzjoni tal-offerti relatati mal-proġett ġewwa Ġnien is-Serenità huwa konkluż. Il-proċess bħalissa wasal fl-istadju fejn qed jitfassal il-kuntratt sabiex jiġi ffirmat bejn l-Awtorità Kontraenti u l-operatur ekonomiku.
San Pawl il-Baħar – Triq tax-Xtut — Xogħol infrastrutturali
Question
B’referenza għall-ilmenti tar-residenti rigward l-istat ħażin ta' Triq Tax-Xtut, f'San Pawl il-Baħar, u li l-istat ħażin tat-triq jista' jkun ta' periklu għal bosta, jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol infrastrutturali f'din it-triq?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’konsultazzjoni mal-kunsilli lokali kollha, inkluż l-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, u rċeviet lista ta’ prijoritajiet għal-lokalità. S’issa t-triq imsemmija ma tinsabx f’din il-lista, madanakollu d-diskussjonijiet mal-kunsill għadhom mhux konklużi.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — karozzi elettriċi
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il karozza tal-elettriku hemm leased fil-Ministeru tagħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li n-numru ta’ karozzi elettriċi li ġew leased mill-Ministeru, inkluż mill-entitajiet u d-dipartimenti, huwa ta’ 66, filwaqt li ġew mixtrija 18-il vettura elettrika. Fil-fatt, b'37 vettura, bħalissa l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tħaddan l-akbar flotta ta' vetturi li jaħdmu bl-elettriku.
Infakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li ġie ppubblikat tender mis-Servizz Pubbliku għal provvista ta' 250 vettura elettrika. Dan l-investiment huwa mistenni li jħalli impatt pożittiv biex il-flotta ta' EVs fis-Servizz Pubbliku titla’ minn 7% fl-2021 għal kważi 40%.
Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — karozzi elettriċi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karozza tal-elettriku hemm leased fil-Ministeru tiegħu?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu kemm tħabbar li ġie ppubblikat tender b’valur ta’ €10 miljun, li se jipprovdi lis-Servizz Pubbliku b’250 vettura elettrika. Dan l-investiment se jħalli impatt qawwi u pożittiv, waqt li l-flotta fis-Servizz Pubbliku se titla’ minn 7% fl-2021 għal kważi 40%. Bħalissa fil-Ministeru u d-dekasteru tiegħu hemm żewġ karozzi tal-elettriku leased.
Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni — karozzi elettriċi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karozza tal-elettriku hemm leased fil-Ministeru tiegħu?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu kemm tħabbar li ġie ppublikat tender b’valur ta’ €10 miljun li se jipprovdi lis-Servizz Pubbliku b’250 vettura elettrika. Dan l-investiment se jħalli impatt qawwi u pożittiv waqt li l-flotta fis-Servizz Pubbliku se titla’ minn 7% għal kważi 40%.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jagħmel użu minn erba’ karozzi elettriċi leased, tnejn minnhom tat-tip hybrid.
Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — karozzi elettriċi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karozza tal-elettriku hemm leased fil-Ministeru tiegħu?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif għadu kemm tħabbar, ġie ppubblikat tender b’valur ta’ €10 miljun, li se jipprovdi lis-Servizz Pubbliku b’250 vettura elettrika. Dan l-investiment se jħalli impatt qawwi u pożittiv, waqt li l-flotta fis-Servizz Pubbliku se titla’ minn 7% fl-2021 għal kważi 40%. Fil-mument, il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar m’għandux karozzi tal-elettriku leased.