Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wied il-Għajn – Pjan għat-Turiżmu

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2251, 4099 u 4462, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Pjan għat-Turiżmu għal Wied il-Għajn huwiex lest jew le?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qiegħda f’taħdidiet ma’ entitajiet oħra sabiex jiġi finalizzat pjan għaż-żona.

Tfal reġistrati b’diżabilità fl-iskejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal reġistrati b’diżabilità fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex li għandhom bżonn is-servizz ta’ LSE u kemm hemm LSEs jaħdmu fl-iskejjel? Hemm tfal b’diżabilità li qegħdin f’xi lista pendenti jistennew LSE?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diżabilità mhijiex neċessarjament rekwiżit għal servizz ta’ LSE. Bħalissa għandna 2869 LSE li qed jgħatu servizz lil 3896 tfal fl-iskejjel tagħna. Sa Diċembru kien hemm 15-il tifel/tifla, li wara proċess sħiħ għadhom qed jistennew servizz ta’ LSE.

Psychological report

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kemm idum biex jingħata l-psychological report lill-ġenituri biex dawn jaraw jekk uliedhom hux se jkollhom għajnuna ta’ LSE jew jekk hux se jkun LSE shared jew one-to-one? Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju minn dan id-dewmien esaġerat u jekk iva, x’qed isir?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapporti psikoloġiċi jvarja minn każ għal ieħor skont is-severità u s-sensittività tal-każ. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li dawn ir-rapporti ma jiddeterminawx jekk ikunx hemm ħtieġa ta’ LSE.

Ġenituri li talbu għajnuna ta’ Skema 9

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ġenitur talab l-għajnuna ta’ Skema 9 matul is-sena 2021 u sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2021 s’issa hemm total ta’ 5,562 student li bbenefika minn Skema 9. Infakkar lill-Onor. Interpellant li bil-miżuri mħabbra fil-budget li għadda, issa din l-iskema twessgħet biex it-tfal flok igawdu minn għajnuna waħda minn erbgħa, jistgħu jgawdu minn kull għajnuna offruta.

Waiting list għal servizzi tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm waiting list ta’ anzjani biex jirċievu s-servizzi li ġejjin, sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda: Home Help, Servizz ta’ Handyman, għad-Dementia Activity Centre, Servizzi fil-Komunità, Servizzi Residenzjali u Telecare?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi waqt li l-lista ta’ stennija sal-ġurnata li qed tiġi mwieġba din id-domanda qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-każ tal-Home Help id-domanda hi ferm akbar milli hawn nies li lesti jagħtu dan is-servizz. Fil-fatt, mill-1 ta’ Jannar 2023 il-Gvern żied ir-rimunerazzjoni minn €7 għal €8 fis-siegħa għall-anzjani li jsibu huma stess helper, li jista’ wkoll ikun membru tal-familja stess. Dwar is-Servizz Residenzjali ngħid li fil-mument, ir-Residenza San Vinċenz hi mimlija, l-istess bħad-diversi djar tal-anzjani li bħalissa jħaddmu servizz bi ftehim mal-Gvern. Għaddejjin diskussjonijiet mal-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol biex tiżdied l-allokazzjoni finanzjarji ħalli sa fejn hu possibbli, u jekk il-privat ikun irid, jinxtraw aktar sodod mill-Gvern. Irid jiġi enfasizzat li meta t-tobba jikklassifikaw persuna bħala każ urġenti (Category 1) dawn jingħataw prijorità biex appena jitbattal post minn dawk disponibbli bħalissa, il-persuna tiddaħħal mill-ewwel.

Servizzi tal-anzjani – rapporti ta’ awditjar

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk sarux rapporti ta’ awditjar dwar is-servizzi tal-anzjani mis-sena 2020 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jpoġġi dawn ir-rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra? X’kienu r-rakkomandazzjonijiet biex tkun assigurata l-kwalità ta’ servizzi mogħtija lill-anzjani?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4280 li ngħatat fis-Seduta Nru 61 tat-28 ta’ Novembru 2022.

Lokalitajiet – Servizz ta’ Silver T lill-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jindika xi kriterji qegħdin jintużaw sabiex jintgħażlu dawk il-lokalitajiet li se jibbenefikaw mis-servizz ta’ Silver T għall-anzjani?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sakemm il-Ministeru jkun f’pożizzjoni li joffri s-servizz fuq livell nazzjonali, dan is-servizz qiegħed jiġi offrut lil anzjani li jgħixu f’irħula viċin irħula oħra li diġà qed jibbenefikaw minn dan is-servizz.

Ministru għall-Anzjanità Attiva – djar, servizzi jew entitajiet tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema djar, servizzi jew entitajiet tal-anzjani f'Għawdex jaqgħu taħt ir-responsabilità diretta tiegħu? Jista' jgħid jekk id-Dar tal-Anzjani li suppost qed tinbena f'Għajnsielem taqax taħt ir-responsabilità tiegħu? Jista' jgħid jekk Dar Sant’Anna li tinsab fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex taqax taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid jekk id-Dar tal-Anzjani li kellha tinbena fi Triq it-Tiġrija fin-Nadur u li waħda mill-predeċessuri tiegħu kienet għamlet konferenza tal-aħbarijiet biex tħabbar il-bini u ftuħ ta' din id-dar, għadhiex taqa' taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħu u jekk iva, fiex wasal il-proċess? Jekk le, taħt liema Ministeru għadda dan il-proġett wara li kien tħabbar b'tant pompa mill-Gvern Laburista fl-ewwel leġiżlatura tiegħu?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizzi li jingħataw f’Għawdex mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Ministeru tal-Anzjanità Attiva huma kif ġejjin. • Ċentru Servizz Anzjan (Għawdex) • Carer at Home • Servizz ta’ Psikoterapija • Interventi mit-Tim tad-Dimensja • Servizz Dijetetiku Domiċiljari • Servizz Domiċiljari ta’ Infermier u Carer • Is-Servizz ta’ Occupational Therapy • Is-Servizz ta’ Flebotomija • Is-Servizz ta’ Podjatrija • Respite fid-Dar • Servizz tas-Silver T • Servizz ta’ Telecare • Telecare on the Move • Roħs fuq il-Kera tat-Telefown Dar Padova għandha wkoll servizzi addizzjonali li jingħataw lill-anzjani wara li jiġu referuti minn speċjalista jew tabib. Dawn jinkludu: Ċentri tal-Attività tad-Dimensja; Servizz ta’ Night Shelter; u Klinika Multi-dixxiplinarja. Hemm djar u servizzi oħra li jaqgħu taħt l-Ministeru t’Għawdex.

Ħaddiema li qed jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni fl-iskejjel ta’ Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema fi ħdan il-Ministeru tiegħu li qed jagħmlu xogħol ta' manutenzjoni tal-iskejjel f’Għawdex?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex – proġetti marittimi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti marittimi saru mill-Ministeru tiegħu fil-gżira ta' Għawdex matul is-sena 2022 u xi proġetti marittimi hemm ippjanati li jsiru mill-Ministeru tiegħu fil-gżira Għawdxija matul is-sena 2023, fiex jikkonsistu u kemm huma ppjanati li jiġu jiswew kull wieħed minn dawn il-proġetti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din l-aħħar sena saru xogħlijiet minn Infrastructure Malta fuq Jetties 2 u 3 fl-Imġarr Għawdex. Dan ix-xogħol kien bżonjuż biex jiġu rinfurzati l-mollijiet li magħhom jorbtu vapuri ta’ daqs kbir. Tali mollijiet kellhom ħsarat konsiderevoli. Ix-xogħlijiet mistennija jitlestew is-sena d-dieħla. Il-valur ta’ dan ix-xogħol hu stmat madwar miljun Ewro (VAT eskluż). Barra minn dawn ix-xogħlijiet, huwa pjanat li s-sena li ġejja jinbnew mill-ġdid żewg skalijiet – wieħed fil-Qbajjar u l-ieħor f’Ħondoq ir-Rummien. Ser isiru wkoll xi interventi zgħar fil-bajja tax-Xlendi li intalbu mill-Kunsill Lokali. L-ammont globali ta’ dawn ix-xogħlijiet hu stmat li jkun madwar erba’ mitt elf Ewro (VAT eskluż).

Ministeru għal Għawdex – ħruġ ta’ tender għas-servizz ta’ sigurtà

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar it-tender li nħareġ għas-servizz ta' sigurtà mill-Ministeru għal Għawdex? Jista' jgħid min kienu l-kontendenti u min intgħażel biex jagħti dan is-servizz? Jista' jgħid ukoll kemm jiswa dan il-kuntratt u għal kemm-il sena hu dan it-tender, u jelenka s-servizzi kollha li se jkunu qed jingħataw u fejn se jingħataw?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender qiegħed fi stadju ta’ evalwazzjoni u għaldaqstant l-informazzjoni kif mitluba ma tistax tingħata f’dan l-istadju.

Pulizija – rapporti dwar storbju eċċessiv f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti fuq storbju eċċessiv lokalità b'lokalita f’Għawdex, sena b'sena, f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ rapporti li ġew irreġistrati mal-pulizija f’Għawdex bejn is-sena 2018 u l-aħħar ta’ Novembru 2022, kien ta’ tnejn u sebgħin (72). Il-lokalitajiet fejn kien hemm dawn l-inċidenti u l-oriġini tagħhom jinsabu fil-lista hawn taħt: Lokalità 2018 2019 2020 2021 2022 Storbju minn mużika għolja Għajnsielem 0 1 0 1 0 Għarb 0 0 1 6 3 Kerċem 0 3 0 0 0 Nadur 0 0 0 2 0 Qala 0 2 3 3 4 Rabat 1 1 2 0 1 San Lawrenz 1 0 0 0 0 Sannat 0 0 0 1 0 Xagħra 2 2 4 1 1 Xewkija 0 2 1 0 1 Żebbug 0 1 1 3 0 Storbju minn Animali Għajnsielem 2 0 0 0 0 Munxar 0 0 1 0 0 Nadur 0 0 2 0 0 Qala 1 0 0 0 0 Sannat 0 1 0 1 0 Xagħra 1 1 0 0 0 Xewkija 0 1 1 0 0 Żebbug 0 0 0 1 0 Storbju waqt kostruzzjoni Rabat 0 0 0 1 0 Storbju min vetturi San Lawrenz 0 0 0 1 0 Xagħra 0 1 0 1 0

Ministeru għal Għawdex – proġetti f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti f’Għawdex li l-Ministeru għal Għawdex applika għalihom u jgħid liema minnhom ġew aċċettati u saru, liema ġew aċċettati u għadhom ma sarux u se jsiru matul is-snin 2022, 2023 u 2024, u liema ma ġewx aċċettati biex isiru permezz tal-'Operational Programme I - European Structural and Investment Funds 2014-2020' “Fostering a competitive and sustainable economy to meet our challenges”, u kemm se jingħata flus minn dan il-fond il-Ministeru għal Għawdex għal dawn il-proġetti?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Baġit 2023 – line item 7041 – tnaqqis

Question

B’referenza għal-line item 7041 fl-estimi tal-Bagit 2023, Fostering Centre in St. Venera, jista’ l-Ministru jgħid x’wassal biex hemm tnaqqis minn €300,000 (2022) għal €120,000 fil-Baġit 2023?

Response (FALZON, MICHAEL)

Inserraħ ras l-Onor. Interpellant li l-Gvern mhux se joqgħod lura milli jkompli jinvesti bil-qawwa kollha fil-qasam soċjali kif għamel fl-aħħar 10 snin fejn in-nefqa soċjali se tkun telgħet minn €845 miljun fl-2013 għal kważi €1.4 biljun fl-2023. Minbarra hekk, iżda, ninformah li, b’mod ġenerali, l-allokazzjonijiet finanzjarji jsiru mill-Ministeru tal-Finanzi u jiġu bbażati, fost l-oħrajn, fuq ix-xejriet ta’ nfiq fis-snin ta’ qabel u dak li jkun ippjanat għas-sena suċċessiva. Meta jkun hemm tnaqqis, dan jiġri minħabba li l-allokazzjonijiet ta’ qabel ikunu ogħla minn dak li attwalment jintefaq. Minkejja dan, kemm-il darba xi allokazzjoni partikolari ma sservix u jkun hemm ġustifikazzjonijiet ċari, il-Ministeru għall-Finanzi dejjem japprova fondi addizzjonali matul is-sena. Alternattivament jistgħu jsiru trasferimenti ta’ fondi minn allokazzjoni għall-oħra skont ix-xejriet tal-infiq matul is-sena.

Baġit 2023 – line item 6787 – tnaqqis

Question

B’referenza għal-line item 6787, Minors Care Review Board, jista’ l-Ministru jgħid x’wassal għal tnaqqis minn €130,000 (2022) għal €75,000 fil-Baġit 2023?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 4536.

Baġit 2023 – line item 5732 – tnaqqis

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni kien hemm tnaqqis ta’ fondi għal-line item 5732, Employment Assitance to Single Parents, li minn €10,000 (2022) niżel għal €2,000 fil-Baġit ta’ din is-sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 4536.

Baġit 2023 – line item 5404 – tnaqqis

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’wassal għal tnaqqis ta’ fondi fuq line item 5404, Expenditure Reporting Schemes, li minn €1,300,000 niżel għal €1,200,000, jiġifieri tnaqqis fl-iskemi ta’ €100,000? Liema skema ser jitnaqqsulha l-fondi?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi line item 5404 jirreferi għall-baġit allokat għall-Iskema ‘Għotja għall-Irranġar u/jew Tkomplija tal-Ewwel Residenza’. It-talbiet kollha permezz ta’ din l-iskema qed jiġu milqugħa, barra minn hekk l-istess familji se jibdew jibbenefikaw ukoll mill-għotja ta’ €10,000 għal first-time buyers. Kumplessivament il-baġit allokat għall-iskemi offruti mill-Awtorità tad-Djar żdied sostanzjalment.

Ħruġ ta’ liċenzji taħt l-Att dwar l-Aġenti tal-Proprjetà Immobbli u tas-Sensara u Konsulenti tal-Proprjetà

Question

Minn meta daħal l-Att dwar l-Aġenti tal-Proprjetà Immobbli u tas-Sensara u Konsulenti tal-Proprjetà f’Lulju 2020, jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu liċenzji minn Diċembru 2021 f’kull kategorija?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Ħruġ ta’ Liċenzji approva 742 liċenzja. Liċenzji approvati Kwantità Maniġer ta’ Fergħa 64 Sensar tal-Proprjetà 90 Konsulent tal-Proprjetà 528 Aġent tal-Proprjetà 60

Ta’ Giorni Housing Estate – lifts

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3861, jista’ l-Ministru jgħid f’liema binjiet ġewwa Ta’ Giorni housing estate se jkunu dawn is-sitt liftijiet? Ir-residenti huma infurmati b’dan? Jista’ jgħid f’liema xahar ser jibdew ix-xogħlijiet?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar qed tipproċessa talbiet ta’ lifts fi blokok D, E, F, G, H u fil-Binja tal-Meżżanini.

Ministeru għat-Turiżmu — advisors fuq kuntratti/direct orders

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3191, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji ta' kull kuntratt u jispeċifika min ħa dan il-kuntratt u kemm kien l-ammont (valur) tad-direct order u/jew kuntratt?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li mill-2018, l-ispiża tal-advisors fl-entitajiet kienet is-segwenti: Entità Numru ta’ Advisors Valur FTZD 2 €58,658 MFC 4 €99,050 MTA 1 €20,000 ( Korrezzjoni: Ara Dokument PL 1309 li tpoġġa fis-Seduta 73 tal-10 ta' Jannar 2023 )