Legislature:
Category:
Reset
Active:

Central Monitoring Committee

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-dati li fihom iltaqa' l-kumitat intern tal-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) magħruf bħala Cental Monitoring Committee matul l-2022?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Siġġiewi – xogħol ta’ restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4168, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid meta se jibda x-xogħol ta’ riġenerazzjoni u restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi li tħabbar f’Ġunju tas-sena l-oħra?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Siġġiewi – xogħol ta’ restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali – allokazzjoni ta’ fondi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4169, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm hemm fondi allokati għall-proġett ta’ riġenerazzjoni u restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ħal far – Multi-Material Recovery Facility

Question

Tista' l-Ministru telenka r-raġunijiet għaliex il-Multi-Material Recovery Facility f'Ħal Far ma bdietx topera matul ir-raba' kwart tal-2022 kif kien intqal fil-mistoqsija parlamentari 2910?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li kien hemm dewmien mhux mistenni. Minkejja dan, f’żoni u sistemi li mhumiex affettwati, qed isir l-ittestjar u l-kummissjonar sabiex ladarba kollox jiġi implimentat, il-faċilità tkun tista' topera mill-aktar fis.

Servizz Pubbiku – tender għal xiri ta’ vetturi elettriċi

Question

B'referenza għat-tender li ġie ppubblikat għax-xiri ta' 250 vettura elettrika għas-Servizz Pubbliku, jista' l-Prim Ministru jindika, Ministeru Ministeru u/jew Dipartiment Dipartiment, kemm kull Ministeru u/jew Dipartiment juża vetturi u kemm minn dawn se jinbidlu għal vettura elettrika?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat b’dan it-tagħrif mitlub kif ġej: Ministeru Total MFT 12 MPWP 24 MTIP 3 MEEE 12 MAFA 42 MEFL 7 MFE 30 MFET 4 MEYR 30 MFH 14 MFAA 9 MGOZ 13 MHAL 5 MHSR 9 MIVC 4 MFJ 1 MSAA 1 MSPC 3 OPM 19 OPR 8

Dipartiment tas-Saħħa – Mediċina Pirfenidone

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm hawn persuni li jagħmlu użu mill-mediċina Pirfenidone (Tablets) IP 400mg u jekk din il-medicina tingħatax b'xejn mill-Gvern? F'każ li tingħata, lil kemm nies tingħata u għal liema kondizzjonijiet? F'każ li ma tingħatax, x'inhi r-raġuni li ma tingħatax u jistax jgħid jekk hemmx xi ħsieb li tibda tingħata?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-mediċina msemmija minnu mhix fuq il-formolarju tal-Gvern.

Università ta’ Malta – korsijiet b’sistema ta’ numerus clausus

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-korsijiet fl-Università ta' Malta li se jkollhom is-sistema ta' numerus clausus fid-dħul li jmiss u kemm se jkun in-numru ta' studenti li se jitħallew jidħlu f'kull wieħed minn dawn il-korsijiet universitarji? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li għal dawn il-korsijiet din is-sistema titneħħa jew tinbidel u meta? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li meta studenti jmorru jistudjaw f'universitajiet Ewropej minnħabba n-numerus clausus, dawn jibdew jieħdu refund tal-ispejjeż għall-istudji tagħhom?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Bus shelters

Question

Jista' l-Ministru jelenka lista ta' bus shelters ġodda lokalità lokalità li saru mill-Gvern Lokali rispettiv matul is-snin 2020, 2021 u 2022? Jista' jipprovdi lista lokalità lokalità ta' talbiet pendenti u meta saru mill-Gvern lokali rispettiv?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba minnu tirrikjedi ammont sostanzjali ta’ ħin u riżorsi u għalhekk l-istess informazzjoni mhux possibbli li tingħata daqstant fl-immedjat.

Ħal Far – studji dwar il-ħsejjes iġġenerati mit-trakka tal-karozzi

Question

Minħabba li l-Ministru fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 4602 ma rrispondiex għal mistoqsijiet fl-istess domanda imma rrefera biss għal mistoqsijiet preċedenti li fil-fatt ma ġewx imwieġba lanqas, jista' l-Ministru jgħid jekk intbagħtietx kopja tal-istudji dwar il-ħsejjes li se jkunu qed jiġu ġġenerati mit-trakka tal-karozzi f'Ħal Far lill-Kunsilli Lokali ta' Birżebbuġa, taż-Żurrieq u ta' Ħal Safi? Jista' jagħti d-dati meta saru laqgħat ta' konsultazzjoni ma’ dawn il-Kunsilli, x'kienu l-punti mqajmin, kif dawn il-punti se jiġu indirizzati u jippreżenta dokumentazzjoni li turi dan? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport jew rapporti dwar il-ħsejjes li mistennija jiġu ġġenerati u kif dawn se jiġu mitigati?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2027.

Xemxija Heritage Trail – proġetti u investiment

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4686 dwar proġetti u investiment fix-Xemxija Heritage Trail, jista' l-Ministru jgħid x'kien l-investiment li sar speċifikament fix-Xemxija Heritage Trail (li l-aċċess tagħha huwa minn Triq Raddet ir-Roti) u mhux f'siti oħra bħalma ssemma f’din it-tweġiba? Jista' jgħid liema hi dik l-NGO li hemm referenza għaliha fl-istess tweġiba? X'assistenza qed tingħata mill-Kunsill Lokali u x'qed jitwettaq mill-istess NGO?

Response (BONNICI, OWEN)

Tlabt sabiex it-tagħrif jinġabar.

Pulizija – każijiet ta’ vandaliżmu fuq vetturi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4812 dwar każijiet ta’ vandaliżmu fuq vetturi, jista' l-Ministru jgħid jekk kinux identifikati dawk responsabbli għal dawn il-każijiet ta’ vandaliżmu fuq vetturi? Jekk iva, jista' jgħid jekk dawn tressqux il-Qorti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li dwar il-każijiet ta’ vandaliżmu fuq vetturi, relatati mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4812, fuq każi kommessi minn diversi lokalitajiet ġewwa Malta u Għawdex, fil-perjodu ta’ bejn Mejju 2021 u Ottubru 2022, kien hemm diversi każi fejn il-persuni suspettati ġew identifikati u fejn kien hemm il-provi dawn tressqu jew se jitressqu il-Qorti. Hemm każi wkoll fejn il-persuna suspettata qed tiġi mfittxija. L-investigazzjonijiet dwar il-każi li għadhom mhux solvuti ser jibqgħu għaddejjin.

Special Olympics – għajnuna lil sportivi b’diżabilità

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4829 jista’ l-Ministru jgħid sena b’sena kemm ibbenefika l-Malta Paralympic Committee?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li matul dawn l-aħħar snin il-Malta Paralympic Committee applikat għall-iskema “International Participation” fejn dawn l-iskemi jiġu maħruġa minn Sport Malta. L-applikazzjonijiet tagħhom ġew evalwati mal-applikazzjonijiet l-oħrajn u Sport Malta kkommettiet din l-għajnuna finanzjarja lil Malta Paralympic Committee f’dawn l-aħħar erba’ snin kif indikat hawn taħt: 2019: € 9,362.14 2020: € 6,377.00 2021: € 12,658.00 2022: € 25,000.00

San Pawl il-Baħar – Dawret in-Nawfraġju — bozoz

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4808 dwar bozoz f'Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jgħid fejn ġew installati l-bozoz il-ġodda u meta ġew installati?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari bin-numri 1418 u 4808.

LESA – Skema Proġetti fil-Komunità – l-ewwel sejħa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3180, dwar skema ta’ fondi bit-titlu ‘Proġetti fil-Komunità’ maħruġa mil-LESA, għall-ewwel sejħa, jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-45 kunsill lokali li applikaw, liema kienu l-21 proġett li ntgħażlu u kemm kien il-valur ta’ kull proġett? Liema kienu ż-żewġ applikazzjonijiet li waslu wara d-data tal-għeluq u għalhekk ma ġewx ikkunsidrati? Meta kienet id-data tal-għeluq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dawk li applikaw għal din is-sejħa kienu l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-Kunsilli ta’ Attard, Birgu, Birkirkara, Bormla, Fgura, Floriana, Fontana, Għajnsielem, Għarb, Għasri, Għaxaq, Gudja, Ħamrun, Imqabba, Imsida, Isla, Kalkara, Kerċem, Lija, Marsaxlokk, Mellieħa, Nadur, Paola, Pieta', Qala, Qrendi, Rabat Malta, Safi, San Ġwann, San Lawrenz, Santa Luċija, Santa Venera, Siġġiewi, Sliema, Tarxien, Valletta, Xewkija, Xgħajra, Żabbar, Żurrieq, u Kunsill Reġjonali Nofsinhar u Reġjun Għawdex. L-applikazzjonijiet li waslu tard wara l-ġurnata tal-għeluq, li kienet 30 t’April 2022, kienu ta’ Ħal Balzan u San Ġiljan. Proġetti Magħżula u Valur: AKL Tfassil ta' Dokumenti minn Esperti (21 dokument) + Management € 100,000.00 Birgu Proġetti li jinkludu 1) Imprinted Concrete 2) Bdil ta' ħadid u railing 3) litter bins 4) Dog bin 5) Pjanti 6) Bankijiet € 79,475.00 Bormla Riġenerazzjoni ta Housing Estate Żona ta San Ġwann t'Għuxa € 40,716.00 Fgura Electric Van with Tail lift + software (booking app) € 50,560.00 Floriana Electric Car € 25,150.00 Gudja Outdoor Gym & Expenses € 80,000.00 Ħamrun CCTV System € 12,000.00 Imsida Installazzjoni ta Kameras li jiffokaw fuq infurzar ta ECO € 16,000.00 Isla Pavimentar fi Triq Sant' Anġlu € 18,051.00 Kalkara 1) Electric Van € 24,800.00 Lija 1) Electric/Hybrid Van 2 € 24,800.00 Mellieħa Installation of CCTV Camera € 16,500.00 Paola Riġenerazzjoni ta Ġnien Lorry Sant € 80,000.00 Reġjun Għawdex Xiri ta Pedal cycles u spejjeż € 80,000.00 Safi Restawr ta' niċeċ € 20,712.00 San Ġwann Transformation into a public garden € 69,445.00 Santa Luċija Xiri ta Electric Van u xufier għal 3 snin € 32,000.00 Siġġiewi Transformazzjoni ta art f'Reading Garden € 65,165.00 Tarxien Upgrade of Ġnien Joanne € 79,680.00 Xgħajra CCTV system € 4,578.00 Żabbar Restawr fuq wirt lokali (2 postijiet) fi ħdan Ħaż-Żabbar € 80,000.00

LESA – Skema Proġetti fil-Komunità – it-tieni sejħa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3180, dwar skema ta’ fondi bit-titlu ‘Proġetti fil-Komunità’ maħruġa mil-LESA, għat-tieni sejħa, jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk it-30 kunsill lokali li applikaw, liema kienu l-21 proġett li ntgħażlu u kemm kien il-valur ta’ kull proġett? Liema kienu ż-żewġ applikazzjonijiet li waslu wara d-data tal-għeluq u għalhekk ma ġewx ikkunsidrati? Meta kienet id-data tal-għeluq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dawk li applikaw kienu l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali, Kunsill Reġjonali ta' Nofsinhar, Kunsill Reġjonali Xlokk, Kunsill Reġjonali Ċentru , il-Kunsilli ta’ Nadur, Marsaskala, Żurrieq, Marsaxlokk, Għasri, Xagħra, Fontana, Qrendi, Żejtun, Qormi, Sannat, Birkirkara, Żebbug Għawdex, Mqabba, Mdina, Attard, Għajnsielem, Xewkija, Rabat, San Ġiljan, , Kerċem, San Lawrenz, Gżira, u Għarb. Kunsilli li applikaw tard wara d-data tal-għeluq, li kienet 30 t’April 2022, kienu Ħal Għaxaq u Pembroke. Proġetti magħżula u valur: Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali Dokumenti + Spiża inkorporata mal-proġetti + Management Selected € 100,000.00 Marsaskala Embellishment of playingfields and recreational zones Selected € 34,192.07 Żurrieq Pavimentar fi sqaqin fiż-Żurrieq Selected € 80,000.00 Marsaxlokk Sistema ta' CCTV Selected € 19,111.84 Għasri Trakk ta l-elettriku Selected € 36,000.00 Xagħra Xiri ta’ Pickup Truck Selected € 36,800.00 Fontana Refurbishing fil-playingfield Selected € 68,975.20 Qrendi Pavimentar ta' 6 sqaqien Selected € 80,000.00 Żejtun Xiri ta 2 vetturi 7 Seater u spejjeż Selected € 74,160.00 Qormi Installar ta' Fanali ornamentali Selected € 22,419.06 Sannat Restawr tal-Kalkara tal-Ġir Selected € 46,361.43 Birkirkara Electric/Hybrid vehicle Selected € 64,320.00 Żebbuġ Għawdex Tranġar ta' parti mil-Playing field u pavimentar li hemm fil-Qbajjar Selected € 80,000.00 Mqabba Restawr ta' Wirt Storiku ta l-Old Mqabba Hospital Selected € 80,000.00 Għajnsielem Spazju Urban fi Triq il-Qigħan fiż-żona tat-Torri. Selected € 80,000.00 Kunsill Reġjonali Xlokk Xiri ta 2 vetturi elettriċi Selected € 54,398.40 Xewkija Struttura tal-injam Selected € 80,000.00 Rabat Bring-in Site taħt l-art Selected € 47,840.00 San Ġiljan Bring-in Sites taħt l-Art Selected € 62,770.40 Kerċem Koverzjoni għal żona pedonali Selected € 80,000.00 Għarb Bring in Sites taħt l-Art u CCTV surveillance Selected € 39,048.16

Raħal Ġdid – Pjazza Antoine de Paule — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1390, 1657, 2056 u 2928, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda jsir ix-xogħol neċessarju fi Pjazza Antoine de Paule, Raħal Ġdid u jekk jistax jinforma lill-Kamra li almenu sal-aħħar tal-Leġiżlatura preżenti, dan se jkun konkluż?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi ghat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4461.

Ħal Tarxien – Għassa tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Għassa tal-Pulizija f’Ħal Tarxien tinfetaħ iktar spiss u jindika x’xogħol ta’ manutenzjoni sar is-sena li għaddiet u x’xogħol beħsiebu jsir din is-sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-lokalità ta’ Ħal Tarxien hemm provdut is-servizz ta’ Pulizija tal-Komunità, kif ukoll bir-ronda regolari permezz ta’ uffiċjali b’vetturi tad-distrett u dawk tal-RIU. B’hekk jintlaħqu l-ħtiġijiet u s-servizzi operazzjonali kollha tal-pulizija f’din il-lokalità. L-għassa tal-Pulizija f'Ħal Tarxien tinfetaħ skont l-esiġenzi tas-servizz. Hemm sistema elettronika installata mal-istess għassa, fejn il-pubbliku jista’ jaqbad mal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, biex tiġi koordinata kull assistenza mitluba. Infurmat illi waqt li x-xoghol ta' rinovar u manutenzjoni ta' għases isir regolari, bħalissa mhux qed isir rinovar f'din l-għassa.

Xatt tax-Xgħajra — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2931, jista’ l-Ministru jgħid meta x-xogħlijiet fuq l-ilqugħ tal-ħadid li hemm fix-Xatt tax-Xgħajra effettivament se jibda billi diġà bdew jaqgħu biċċiet minnhom u hemm oħrajn li fihom sadid avvanzat?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ manifattura bi preparazzjoni għall-bdil ta’ partijiet mill-ilqugħ tal-ħadid inbeda fl-aħħar kwart tal-2022 u bħalissa x-xogħol qiegħed għand il-kuntrattur għall-powder coating. Lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar se tinqala’ l-parti l-qadima biex wara tiswijiet fis-sottobank jeħel l-ilqugħ tal-ħadid il-ġdid. Huwa mistenni li fi Frar tibda ssir manutenzjoni fuq partijiet li għadhom f’kundizzjoni tajba biex aktar tard matul din is-sena jkompli jiġi manifatturat l-ilqugħ tal-ħadid li jrid jinbidel.

Santa Luċija – Għassa tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Għassa tal-Pulizija f’Santa Luċija tinfetaħ iktar spiss u jindika x’xogħol ta’ manutenzjoni sar is-sena li għaddiet u x’xogħol beħsiebu jsir din is-sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-lokalità ta’ Santa Luċija hemm provdut is-servizz ta’ Pulizija tal-Komunità, kif ukoll bir-ronda regolari permezz ta’ uffiċjali b’vetturi tad-distrett u dawk tal-RIU. B’hekk jintlaħqu l-ħtiġijiet u s-servizzi operazzjonali kollha tal-pulizija f’din il-lokalità. L-għassa tal-Pulizija f’Santa Luċija tinfetaħ skont l-esiġenzi tas-servizz. Hemm Sistema elettronika installata mal-istess għassa, fejn il-pubbliku jista’ jaqbad mal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, biex tiġi koordinata kull assistenza mitluba. Huwa pjanat li l-għassa ta’ Santa Luċija ser tiġi konvertita f’hub għall-vittmi tal-vjolenza domestika biex b’hekk jitlaħħaq is-servizz li bħalissa toffri t-Taqsima dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika għan-nofsinhar ta’ Malta. Pjanat ukoll illi l-istess għassa tospita l-Pulizija tal-Komunità għal-lokalitajiet ta’ Santa Luċija u Raħal Ġdid. Għaldaqstant huwa mistenni li jsiru xogħlijiet ta’ rinovar, interni kif ukoll esterni, biex jintlaħħqu l-miri u bżonnijiet imsemmija.