Legislature:
Category:
Reset
Active:

MFSA – Kap Eżekuttiv — kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4639, 4832 u 4927 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li kellu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA), li ismu qed jintbagħat separatament?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratt li kellu l-Kap Eżekuttiv ma jistax jiġi ppubblikat minħabba informazzjoni kunfidenzjali. Id-dettalji tal-pakkett finanzjarju ngħataw f’mistoqsija parlamentari 3591. Il-ħlas li ngħata wara r-riżenja tiegħu minn Kap Eżekuttiv kien marbut ma' konsulenza fuq xogħol li kien inbeda waqt it-terminu tiegħu bħala Kap Eżekuttiv u kien importanti li jiġi mitmum taħt is-superviżjoni tiegħu.

MFSA – Minuti ta’ laqgħa tal-Bord tad-Diretturi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4640 u 4833 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Minuti tal-Laqgħa tal-Bord tad-Diretturi tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA), li fiha ġew approvati l-pagamenti li l-Eks Kap Eżekuttiv tal-MFSA, li ismu qed jintbagħat separatament, għadu qed jingħata fix-xahar?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-minuti tal-laqgħat tal-Bord tal-Gvernaturi huma ta' natura kunfidenzjali.

Isla – Triq il-Vitorja — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jkun lest ix-xogħol fuq Triq il-Vitorja, l-Isla?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta bħalissa għaddejjin xogħlijiet fuq l-ewwel fażi tat-triq. Ix-xogħlijiet jikkonsistu fi trinek għal servizzi ġodda minn entitajiet differenti, bankini, skavar u bini tat-triq mill-ġdid. Minħabba l-valur storiku tal-lokalita’, arkeologu qed jimmonitorja x-xogħlijiet filwaqt li qed issir komunikazzjoni kontinwa mal-awtorità rispettiva. Ix-xogħlijiet huma previsti li jitlestew sa sitt xhur oħra.

Bormla – rampa quddiem il-ġibjun ta’ Santa Liena

Question

Tista’ l-Ministru tikkonsidra li r-rampa li hemm quddiem il-ġibjun ta’ Santa Liena, Bormla ssir xi hanging garden sabiex ma jibqax jikber ħaxix selvaġġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-art indikata ma taqax taħt ir-responsabiltà tal-Ministeru, madanakollu ser isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa biex jiġi stabbilit l-potenzjal u l-limitazzjonijiet ta’ dan is-sit.

Ġnien Kottonera — riabilitazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk għandhiex pjanijiet sabiex Ġnien Kottonera jiġi rijabilitat sabiex ikun jista’ jitgawda mill-familji? Jekk fl-affermattiv, meta taħseb li jista’ jibda dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru x- xogħlijiet preparatorji li kienu jinkludu tneħħija ta' bandli u strutturi mkissrin, qtugħ ta' ħaxix kif ukoll tneħħija ta' siġar u arbuxelli aljeni u invażivi. Dan ix-xogħol preparatorju tlesta sat-tielet kwart ta` sena 2022 u tkompla jkun mantenut. Peress li dan il-proġett se jkun imqassam f’diversi fażijiet, fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra ġiet sottomessa l-ewwel applikazzjoni lil Awtorità tal-Ippjanar biex jinħarġu l-permessi meħtieġa biex il-post isir aktar sigur. Sadanittant qiegħdin ukoll ikunu ppreparati l-abbozzi preliminari tas-sejħiet għall-offerti meħtieġa. Il-mira tagħna hija li x-xogħlijiet fuq dan il-proġett jitlestew qabel l-aħħar tas-sena d-dieħla.

Raħal Ġdid – Benefiċċjarji ta’ pensjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni residenti Raħal Ġdid qegħdin jibbenefikaw minn xi forma ta’ pensjoni u jindika s-sess tal-istess?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 1,989 persuna li bbenefikaw minn pensjoni tas-sigurtà soċjali. Minnhom kien hemm 1,063 raġel filwaqt li kien hemm 926 mara.

Bormla – Knisja ta’ San Pawl – restawr u tindif

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jistax jiġi inkluż li l-Knisja ta’ San Pawl f’Bormla tiġi restawrata u mnaddfa minn barra tul din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li r-restawr tal-Knisja ta’ San Pawl f’Bormla, speċifikament ir-restawr tal-Koppla minn barra, hu proġett li kien diġà ppjanat għal din is-sena. Infurmat li x-xogħlijiet ta’ tħejjija huma avvanzati u mistenni li toħroġ is-sejħa għall-offerti fil-ġimgħat li ġejjin.

Żejtun – Benefiċċjarji ta’ pensjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni residenti ż-Żejtun qegħdin jibbenefikaw minn xi forma ta’ pensjoni u jindika s-sess tal-istess?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 2,678 persuna li bbenefikaw minn pensjoni tas-sigurtà soċjali. Minnhom kien hemm 1,491 raġel filwaqt li kien hemm 1,187 mara.

Ħal Tarxien – Proġett ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza u z-zuntier tal-Knisja Parrokkjali

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 3483 u 5038, jista’ l-Ministru jindika xi progress sar dwar il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Pjazza u z-Zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fażi ta’ preparazzjoni tal-proġett għadha għaddejja kif kien indikat fir-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari nru 5038. F’din il-fażi qed isiru konsultazzjonijiet mal-entitajiet kollha tas-servizzi pubbliċi dwar proposti ta’ renovar li jista’ jkollhom ippjanati għas-servizzi tagħhom. Apparti minn hekk, kif id-disinn ikun komplut, dan ser jgħaddi għand il-kunsill lokali għall-approvazzjoni finali.

Ħal Tarxien – Benefiċċjarji ta’ pensjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4470 u jgħid kemm persuni residenti Ħal Tarxien qed jibbenefikaw minn xi forma ta’ pensjoni u jistax jindika s-sess tal-istess?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari numru 5161.

Wied il-Għajn – Benefiċċjarji ta’ pensjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni residenti Wied il-Għajn qegħdin jibbenefikaw minn xi forma ta’ pensjoni u jindika s-sess tal-istess?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm 1,982 persuna li bbenefikaw minn pensjoni tas-sigurtà soċjali. Minnhom kien hemm 1,076 raġel filwaqt li kien hemm 906 nisa.

San Pawl il-Baħar – triq/moll taħt Triq San Pawl — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex it-triq/moll li jinsab taħt it-triq prinċipali (Triq San Pawl) u li jwassal sal-Veċċja (il-parti fejn hemm il-luzzijiet), jiġi rranġat qabel jitkisser iktar, hekk kif dan qiegħed ta' periklu għal kull min irid jgħaddi minn hawnhekk?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li riċentament l-Aġenzija għamlet intervent fuq dan il-moll sabiex tissewwa ħsara lokalizzata. Barra minn hekk, ix-xogħol ta’ tiswija ta’ dan il-moll/triq qiegħdha fil-lista ta’ xogħlijiet ta’ Infrastructure Malta li huma ppjanati li jitwettqu fil-futur qarib.

San Pawl il-Baħar – triq/moll taħt Triq San Pawl — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex it-triq/moll li jinsab taħt it-triq prinċipali (Triq San Pawl) u li jwassal sal-Veċċja (il-parti fejn hemm il-luzzijiet), jiġi rranġat qabel jitkisser iktar, hekk kif dan qiegħed ta' periklu għal kull min irid jgħaddi minn hawnhekk?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

San Pawl il-Baħar – xogħol li se jitwettaq mill-Ministeru għat-Turiżmu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3296 dwar xogħol li se jitwettaq mill-Ministeru għat-Turiżmu f’San Pawl il-Baħar, jista’ l-Ministru jgħid meta se jinbeda l-Proġett tal-Belveder fi Triq San Publju? Meta hu ppjanat li dan il-proġett jitlesta?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif diġà spjegat fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3296, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed taħdem ma’ aġenziji oħra fuq dan il-proġett. Kif il-proċessi kollha jkun iffinalizzati, ikun jista’ jibda l-proġett.

San Pawl il-Baħar – Triq ix-Xagħra tal-Bandieri – tqegħid ta’ main ġdid tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux se jitqiegħed xi main ġdid tad-drenaġġ fi Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, San Pawl il-Baħar jew qrib l-istess triq? Jekk iva, fiex se jkun jikkonsisti dan ix-xogħol? Meta hu mistenni li jsir dan ix-xogħol? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta ta' minn fejn se jkun qiegħed jgħaddi dan il-main?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li ser isir mejn ġdid tad-drenaġġ biex jissostitwixxi il-mejn li ġarrab ħsarat fi Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, San Pawl. Filwaqt li għaddejja inkjesta fuq is-sit fejn iġġarrfet it-triq, l-Infrastructure Malta bħalissa għaddejja b’xogħlijiet biex jistabilizzaw it-triq qabel ma jissoktaw aktar interventi, fosthom il-bdil tal-mejn. Fl-istess waqt Il-WSC qed jikkonkludi d-disinn tal-mejn li tinkludi r-rotta li dan se jkun qed jieħu.

San Pawl il-Baħar – Dawret in-Nawfraġju — bozoz

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1418, 4807 u 4808 dwar bozoz f'Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar, tista' l-Ministru tintervjeni sabiex tinstab soluzzjoni għar-residenti biex ikun hemm iktar dawl f'din iż-żona, hekk kif jidher li l-Kunsill Lokali ma jistax isib soluzzjoni għal din il-problema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 4808. In oltre l-Enemalta tkun tista’ żżid il-bozoz f’din żona jekk il-Kunsill Lokali japplika biex jżid iktar bozoz u jindika fuq pjanta fejn hemm l-ħtieġa li jiġu installati, u wara li tkun saret evalwazzjoni teknika tal-possibilità li jitwaħħal id-dawl indikat.

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar – ġbir ta’ skart mill-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' skart li nġabar mill-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u Manutenzjoni b'mod separat għal kull lokalità tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar fl-ewwel għaxart ijiem ta' din is-sena? Jista' jgħid jekk l-iskart ġiex miġbur kollu f'salt inkella separatament skont it-tip ta' skart mormi? Fejn tpoġġa dan l-iskart u min se jħallas għal dan il-ġbir addizzjonali?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-servizz ta’ ġbir ta’ skart addizzjonali li qed toffri d-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni huwa temporanju sakemm tindara l-bidla fl-skeda ġdida ta’ ġbir ta’ skart madwar il-pajjiż kollu. L-iskart li qed jinġabar qed jiġi separat fil-kumpless tad-Diviżjoni ġewwa Kordin. L-iskart miġbur bejn it-2 u t-12 ta Jannar jammonta għal 148 tunellata u maqsum kif ġej : · San Pawl il-Baħar – 78% (108 tunellati) · Naxxar – 7.2% (18-il tunellata) · Mellieħa – 14.8% (22 tunellata). L-ispiża ta’ dan is-servizz ser tiġi assorbita mid-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni.

Bord tal-Inġinerija – applikazzjonijiet pendenti għal warrant

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-warrant ta' Inġiniera li qed jistennew biex jidhru quddiem il-Bord tal-Inġinerija?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Il-Fgura – Triq l-Għollieq u Triq Ħaż-Żabbar – każ ta’ azzjoni ta’ infurzar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni effettiva qed tittieħed dwar il-każ ta' azzjoni ta' infurzar b'referenza għall-binja, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, fejn b'mod abbużiv jidher li ġie okkupat passaġġ pubbliku li jgħaqqad Triq l-Għollieq ma' Triq Ħaż-Żabbar, fil-Fgura, liema passaġġ pubbliku huwa anke kkonfermat mill-pjanta ta' "street alignment" tal-Awtorita tal-Ippjanar li qed tingħata separatament?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq is-sit inkwistjoni hemm permess approvat, PA515/22, li jippermetti alterazzjonijiet interni f’kull livell kif ukoll sulari ġodda. F’dan il-każ, sar ħajt temporanju ‘hoarding' biex ma jħallix lill-pubbliku jgħaddi mill-passaġġ sakemm isiru ix-xogħlijiet u jiġi evitat kull periklu, minħabba li dan issa sar sit ta’ kostruzzjoni.