Legislature:
Category:
Reset
Active:

Jobsplus – kuntratti tax-xogħol reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm reġistrati kuntratti tax-xogħol ma’ Jobsplus? Kemm hawn persuni reġistrati li jaħdmu bi qliegħ f’Malta u Għawdex illum?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Jobsplus ma tirreġistrax kuntratti tax-xogħol. Skont l-formoli tal-bidu tal-impjieg hawn taħt issib tabella li turi kemm kien hemm persuni reġistrati li jaħdmu fuq bażi ta’ full-time u part-time only f’Malta u Għawdex sal-aħħar ta’ Awwissu 2022. Full-Time Part-Time Only Total 255,141 35,884 291,025 L-aħħar ċifri ppublikati huma ta’ Awwissu 2022.

NSO – ħaddiema li jaqilgħu inqas mill-paga medja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-perċentwal ta’ ħaddiema li jaqilgħu inqas mill-paga medja skont kif irreġistrati mill-NSO fl-aħħar labor force survey?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sors ta’ din l-informazzjoni huwa l-Istħarrig dwar il-Ħaddiema u s-Suq tax-Xogħol (LFS). Is-salarju nħadem abbażi tal-basic salary annwali (average annual basic salary). L-ammonti ma jinkludux dħul minn overtime, bonuses jew allowances. In-numru ta’ impjegati li jaqilgħu inqas minn €21,156 bejn Lulju u Settembru 2022 kien ta’ 134,662 għall-persuni full-time u 16,155 għall-persuni part-time jew full-time reduced hours. Din l-informazzjoni mhix disponibbli għal persuni li jaħdmu għal rashom.

Ħaddiema li tilfu l-impjieg

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati li tilfu l-impjieg matul l-aħħar tliet xhur tas-sena 2022?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont il-formoli tat-tmiem tal-impjieg li tirċievi Jobsplus, in-numru ta’ impjegati li tilfu l-impjieg (redundant) fl-aħħar tliet xhur tas-sena 2022 kien ta 672.

Negozji b’tender mal-Gvern – impjegati — transfers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni qed issir biex ikun żgurat li jekk ikun hemm trasferiment ta’ negozju b’tender tal-Gvern, l-impjegati kollha jiġu trasferiti bl-istess paga, bl-istess kundizzjonijiet tax-xogħol u sinjorità?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Djar tal-Anzjani — dispensers tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li fid-Djar tal-Anzjani, għall-anqas dawk li huma mmexxija mill-Gvern jew fejn il-Gvern għandu interess, isiru dispensers tal-ilma?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ilma fil-flixkun jingħata lil kull resident. Huwa importanti li l-użu tal-ilma f’ċerti każi jiġi superviżjonat. Id-dispensers tal-ilma ġewwa d-Djar tal-Anzjani mhumiex rakkomandati għaliex dawn jintlaħqu minn kulħadd, u jistgħu jkunu ta’ periklu għar-residenti li għandhom bżonn li l-ilma li jixorbu jiġi miżjud b’thickener.

Marsaskala — Triq De Rohan - tiswijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi rranġata Triq De Rohan ġewwa Marsaskala?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’taħdidiet mal-Kunsilli Lokali kollha biex isir pjan ta’ toroq residenzjali li se jkunu qed isiru f’kull lokalità matul is-snin li ġejjin. Sadattant il-manutenzjoni tat-toroq residenzjali jaqgħu taħt ir-reponsabbiltà tal-Kunsilli Lokali rispettivi.

Tal-Barrani — proġett

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jsir xi proġett fi Triq Tal-Barrani li tmiss ma’ diversi bliet u rħula fin-naħa t’isfel ta’ Malta? Jista' jgħid ukoll jekk il-barriers tal-konkos hux se jibqgħu f’din it-triq għal żmien indefinit jew sakemm isir dan l-eventwali proġett?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta, sabiex ittejjeb l-effiċjenza u s-sigurtà ta’ Triq tal-Barrani, qed tipprepara biex tibda l-proġett relatat ma’ din it-triq fit-tieni parti tas-sena, hekk kif ikun lest il-proġett tal KTAIP. Il-barrikati tal-konkos li kienu tpoġġew fil-‘junctions’ tal ‘lights’ kienu minn dejjem maħsuba bħala intervent temporanju.

Kunsill Lokali taż-Żejtun — Triq il-President Anton Buttigieg

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2722, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-laqgħa mal-Kunsill Lokali taż-Żejtun dwar Triq il-President Anton Buttigieg fl-istess lokalità saritx jew le? Jekk fl-affermattiv, x’kien l-eżitu ta’ din il-laqgħa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tat-Trasport għamlet xi tibdiliet li ġew proposti u diskussi biex titjieb is-sigurtà tat-triq hawn fuq imsemmija. Kif dawn il-proposti jiġu approvati se jiġu implimentati.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — remote working

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħaddiema mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jistgħux ikomplu jaħdmu permezz ta’ remote working?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara kull terminu ta’ kull kuntratt, l-arranġamenti għar-remote working u teleworking jiġu riveduti skont il-ħtieġa fuq bażi li jkun hemm bilanċ bejn id-dmirijiet u l-ħtiġijiet tal-uffiċjali, kif ukoll li jintlaħqu l-obbligi tad-Dipartiment u s-servizzi li jrid jingħata.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — teleworking

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħaddiema mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jistgħux ikomplu jaħdmu permezz ta’ teleworking?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara kull terminu ta’ kull kuntratt, l-arranġamenti għar-remote working u teleworking jiġu riveduti skont il-ħtieġa fuq bażi li jkun hemm bilanċ bejn id-dmirijiet u l-ħtiġijiet tal-uffiċjali, kif ukoll li jintlaħqu l-obbligi tad-Dipartiment u s-servizzi li jrid jingħata.

Ministeru għall-Ġustizzja – remote working

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħaddiema mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jistgħux ikomplu jaħdmu permezz ta’ remote working?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara kull terminu ta’ kull kuntratt, l-arranġamenti għar-remote working jiġu reveduti skont il-ħtieġa fuq il-bażi li jkun hemm bilanċ bejn id-dmirijiet u l-ħtiġijiet tal-uffiċjali, kif ukoll li jintlaħqu l-obbligi tad-Dipartimenti u s-servizz li jrid jingħata.

Ministeru għall-Ġustizzja – teleworking

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħaddiema mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jistgħux ikomplu jaħdmu permezz ta’ teleworking?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara kull terminu ta’ kull kuntratt, l-arranġamenti għat-teleworking jiġu reveduti skont il-ħtieġa fuq il-bażi li jkun hemm bilanċ bejn id-dmirijiet u l-ħtiġijiet tal-uffiċjali, kif ukoll li jintlaħqu l-obbligi tad-Dipartimenti u s-servizz li jrid jingħata.

Skeda ġdida ta’ ġbir tal-iskart

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk għandhiex il-ħsieb li l-iskeda tal-ġbir tal-iskart il-ġdida tibda tapplika wkoll għall-entitajiet kummerċjali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-ġbir tal-iskart muniċipali huwa responsabbiltà tar-Reġjuni. Ninsab infurmata li fejn jidħlu entitajiet kummerċjali jekk l-iskart li jiġġeneraw huwa simili għal dak iġġenerat mir-residenzi allura l-ġbir ta’ dan l-iskart jimxi ma l-iskeda nazzjonali. Jekk entitajiet kummerċjali jixtiequ ġbir addizzjonali dawn għandhom jagħmlu arranġamenti privati tagħhom. Ċerta stabbilimenti tal-ikel għandhom l-obbligu, li joħroġ mil-liċenzja tagħhom, sabiex jagħmlu l-arranġamenti tagħhom għal ġbir ta’ skart li huma jiġġeneraw u li ma jkunx ta’ natura muniċipali.

Magni tad-depożitu tal-fliexken riċiklabbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu aktar postijiet fejn ikun hemm il-magni tad-depożitu tal-fliexken riċiklabbli tal-BCRS? U jekk iva, fejn u meta se jsiru?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-operatur tal-iskema, BCRS Malta Ltd, huwa operatur privat. Bħala Gvern qegħdin naraw li issues li jinqalgħu jiġu indirizzati malajr kemm jista’ jkun, inkluż ukoll il-ħtieġa li jiżdiedu magni addizzjonali. Ninsab infurmata li se jkunu installati magni f'Cospicua, Mosta, Ta’ Xbiex, Birkirkara (Ta’ Paris), Naxxar, Marsa, Valletta, Sta. Luċija, Xagħra, Senglea u l-Armier. L-installazzjoni ta’ dawn il-magni flimkien mal-permessi neċessarji mill-entitajiet ikkonċernati mistennija jitlestew fl-ewwel kwart ta’ din is-sena.

Proġett tal-Ġnien Romeo Romano

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont tal-ispejjeż kollha li saru fil-Ġnien Romeo Romano fil-proġett li sar fis-sena 2022?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq l-ewwel fażi tar-riabilitazzjoni ta’ Ġnien Romeo Romano se jkunu swew mat-tmien mija u sitta u sebgħin elf ewro. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, ir-restawr, pavimentar ġdid, servizzi, irrigazzjoni, dawl, siġar u arbuxelli, għamara tal-ġnien u strutturi oħra, u tagħmir tal-logħob. Tlestew ukoll xogħlijiet oħra relatati mal-provvista tal-elettriku, is-sistema tad-drenaġġ għat-tieni fażi u alterazzjonijiet fi struttura perikoluża. Dawn ix-xogħlijiet swew madwar tlieta u erbgħin elf ewro.

Belt Valletta — skeda tal-ġbir tal-iskart

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn skont l-iskeda tal-ġbir tal-iskart passati, fil-Belt Valletta kien isir ġbir fil-ħinijiet tas-7 a.m., tas-1 p.m. jew tat-3 p.m., skont it-tip ta' ġbir, iżda skont l-iskeda l-ġdida li bdiet mit-2 ta' Jannar 2023, dan il-ġbir se jibda jsir kollu fis-2.30 p.m.? Ma' min saru konsultazzjonijiet għal tali tibdil u x'inhi r-raġuni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Trasport Malta – reġistrazzjoni ta’ vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura rreġistrata hawn fit-toroq Maltin preżentement, u fl-istess waqt f'numri reali jgħid kemm hemm minnhom li huma proprjetà tal-Gvern ta' Malta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.