B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31453, jista’ l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li tinstab soluzzjoni għall-problema tal-ħamiem li hemm preżentement fil-lokalità tal-Gudja?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 32663.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 30578, 31455 u 31708, jista’ l-Ministru jara jekk huwiex possibbli li tinstab soluzzjoni għall-problema tal-ħamiem li hemm preżentement fil- lokalità ta’ Raħal Ġdid?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jieħu ħsieb it-telqa tal-passaġġi, turġien u toroq interni fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat illi l-konċessjonarju wettaq diversi xogħlijiet fiċ-ċimiterju tal-Addolorata inkluż fuq il-loġġa, il-ħajt diviżorju li jdawwar iċ-ċimiterju, it-turġien prinċipali li jwasslu mill-loġġa sal-kapella, l-entratura prinċipali minn naħa ta’ Raħal Ġdid, l-entratura minn naħa ta’ Santa Luċija u informat ukoll li saru xogħlijiet ta’ ristrutturar tat-toroq fil-parti ta’ quddiem taċ-ċimiterju. Barra minn hekk, infurmat li x-xogħol ta' manutenzjoni għadu qed isir f'partijiet diversi fiċ-ċimterju tal-Addolorata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi liċenzjati b’ċilindrata bejn l-2,500 cc u l-2,900 cc u jaqsam din l-informazzjoni skont iċ-ċilindrata?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma l-Onor. Interpellant illi t-tabella hawn taħt turi n-numru ta’ vetturi liċenzjati b’ċilindrata bejn 2,500cc u 2,900cc, imqassma skont il-firxa taċ-ċilindrata rispettiva.
CC Range
Numru ta’ vetturi
2500-2599
1,126
2600-2699
481
2700-2799
3,491
2800-2900
721
Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk li ġabu l-liċenzja tas-sewqan matul l-2025 kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel?
Response (BONETT, CHRIS)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32119, ninfurmah li 74.18% tal-persuni li ġabu l-liċenzja tas-sewqan minn Jannar sa Ottubru 2025 kienu irġiel, u l-kumplament kienu nisa.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk li ġabu l-liċenzja tas-sewqan matul l-2024 kienu nisa u kemm minnhom kienu rġiel?
Response (BONETT, CHRIS)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32119, ninfurmah li 76.86% tal-persuni li ġabu l-liċenzja tas-sewqan fl-2024 kienu irġiel, u l-kumplament kienu nisa.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk permezz tal-proġett li se jsir fit Triq A.M. Valperga, il-Fgura (l-isfel mill-ground tal-football) hux se jiżdiedu l-parking spots, u jekk iva, b’kemm?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li filwaqt li l-parkeġġ eżistenti mhux se jintmiss, se jkunu qed jiżdiedu ħames spazji ta’ parkeġġ ma’ li diġà hemm. Barra minn hekk, mal-park li bħalissa qed taħdem fuqu Project Green, hemm proposti żewġ żoni ta’ parkeġġ biex jipprovdu mal-45 spazju ta’ parkeġġ ġodda.
CT2361/2022 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry For Gozo
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26919 u 31916 u ċjoè: B’referenza għas-sejħa CT2361/2022 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry for Gozo, jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet saru mill-1 ta’ Novembru 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet, liema xogħlijiet tlestew minn kollox, fejn saru permezz ta’ din is-sejħa u kemm ġiet tiswa kull biċċa xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Ta’ Ċawla, Għawdex - Proġett ta’ Housing – Allokazzjoni ta’ appartamenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-appartamenti tal-proġett ta’ Housing li sar mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ġewwa taċ-Ċawla, ġewx allokati lill-familji li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali u jekk iva, kif ingħataw?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari lill-Minsiteru kkonċernat.
Victoria u ż-Żebbuġ, Għawdex – Żebgħa ta’ sinjali tat-triq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta nżebgħu l-aħħar is-sinjali taż-żebgħa tan-nofs tat-triq prinċipali li minn Victoria twassal għar-raħal taż-Żebbuġ? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn is-sinjali jistgħux jerġgħu jinżebgħu mill-aktar fis possibbli, peress li kważi m’għadhomx jidhru?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sinjali taż-żebgħa tan-nofs tat-triq prinċipali li minn Victoria twassal għar-raħal taż-Żebbuġ inżebgħu fl-ewwel kwart tas-sena 2025. Dawn ser jergħu jinżebgħu fl-ewwel kwart tas-sena 2026.
Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Sejħa għal Labourers
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31914 dwar sejħa għal Labourers f’Għawdex fejn ġie mwieġeb li “ma saret l-ebda sejħa esterna għall-ingaġġ ta’ labourers f’Għawdex. Is-sejħa li kien hemm dan l-aħħar kienet għal-labourers biex jimtlew vaganzi fis-servizz kollu tas-saħħa.” u fejn tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-avviż kif ġie ppubblikat, jista’ l-Ministru jgħid: għal kemm żmien damet miftuħa din is-sejħa u x’tip ta’ kwalifiki u esperjenza ried ikollu min japplika, kemm kien hemm persuni li applikaw għal din is-sejħa u kemm minnhom kienu rġiel u kemm minnhom kienu nisa, u kemm minnhom għaddew mill-interview?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li d-Diviżjoni għall-Ġestjoni tan-Nies ippubblikat l-avviż fuq il-midja soċjali fit-23 ta’ April 2025 u persuni interessati kellhom sal-23 ta’ Mejju 2025 biex japplikaw. Ir-rekwiżiti kienu li l-applikanti jkunu kapaċi jaqraw u jiktbu bil-Malti u bl-Ingliż.
Infurmat ukoll li għal din is-sejħa kien hemm 92 applikant – 68 irġiel u 24 mara. Fir-riżultat hemm 55 irġiel u 20 mara.
In-Nadur / ix-Xewkija – Triq Ta’ Xħajma – Żebgħa ta’ sinjali tat-triq
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30517, jista’ l-Ministru jgħid meta nżebgħu l-aħħar is-sinjali taż-żebgħa tan-nofs ta’ Triq Ta’ Xħajma, it-triq prinċipali li twassal għar-raħal tan-Nadur? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn is-sinjali jistgħux jerġgħu jinżebgħu mill-aktar fis possibbli, peress li kważi m’għadhomx jidhru?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sinjali taż-żebgħa tan-nofs quddiem il-korsa taż-żwiemel ma nżebgħux peress li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet.
‘MGP NP 07/2025 - Negotiated Procedure for the Organisation of New Year’s Eve Events 2025 – 2026’
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti d-direct order maħruġa mill-Ministeru tiegħu f’dawn l-aħħar ġranet ‘MGP NP 07/2025 - Negotiated Procedure for the Organisation of New Year’s Eve Events 2025 – 2026’? Jista’ jgħid ukoll x’servizzi ser jingħataw permezz ta’ din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċedura msemmija MGP NP 07/2025 – Negotiated Procedure for the Organisation of New Year’s Eve Events 2025–2026 tikkonsisti fi proċess maħruġ skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-akkwist pubbliku, li jippermettu l-użu ta’ proċedura innegozjata mingħajr pubblikazzjoni f’ċirkostanzi diversi. Speċificament, din il-proċedura ġiet addottata għal raġunijiet tekniċi u esklussivi, peress li l-avveniment jinvolvi artist internazzjonali speċifiku li jista’ jiġi pprovdut biss minn fornitur partikolari li għandu d-drittijiet li jorganizza u jikkonferma l-preżenza ta’ dan l-artist.
L-Isptar Mater Dei – Sala ddedikata lis-saħħa mentali
Question
Fid-dawl li t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 30398 kienet li “din is-sala tinfetaħ wara li titlesta s-sala l-ġdida fl-administration block”, jista’ l-Ministru jgħid meta s-sala l-ġdida fl-administration block ser titlesta?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Infurmat li x-xogħol preparatorju beda u aktar dettalji jitħabbru meta jkun il-waqt.
Awtorità ta’ Standards ta’ Persuni Anzjani – Ilmenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti mal-Awtorità ta’ Standards ta’ Persuni Anzjani (OPSA) tul is-sena 2025? Jista’ jgħid ukoll (f’termini ġenerali) dwar xiex kienu dawn l-ilmenti?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat, li mill-bidu ta’ Jannar 2025 sal-lum, l-Awtorita ta l-Istandards ghall-Anzjani (OPSA) irċeviet total ta’ 210 ilmenti li jaqgħu taħt tliet kategoriji ewlenin: ħsarat fil-makkinarji bħal lifts u ACs, ambjent u struttura, kwalità, u ikel. Infurmat li fuq kull ilment li jasal għand l-awtorità, tittieħed l-azzjoni neċessarja.
Transport Malta – Vetturi tal-art – Sidien reġistrati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm sidien ta’ vetturi tal-art reġistrati ma’ Transport Malta skont in-numru ta’ vetturi privati (mhux kummerċjali) li għandhom:
• Vettura waħda;
• Żewġ vetturi;
• 3 – 4 vetturi;
• 5 – 7 vetturi;
• 8 – 10 vetturi; u
• aktar minn 10?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi t-tabella segwenti turi l-ammont ta’ sidien ta’ vetturi tal-art reġistrati ma’ Transport Malta maqsuma skont in-numru ta’ vetturi privati (mhux kummerċjali).
Kategorija
Numru ta' individwi
Vettura waħda
165,603
Żewġ vetturi
45,476
3 – 4 vetturi
21,708
5 – 7 vetturi
4,731
8 – 10 vetturi
950
aktar minn 10
465
Transport Malta – Vetturi tal-art – Sidien reġistrati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm sidien ta’ vetturi tal-art reġistrati ma’ Transport Malta?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lil-Onor Interpellant illi n-numru ta’ sidien ta’ vetturi tal-art reġistrati ma’ Transport Malta jammonta għal 239,648 persuni naturali u 4,619 persuni ġuridiċi, għal total ta’ 244,267.