Legislature:
Category:
Reset
Active:

Anzjani Għawdxin – servizz ta’ helper fid-dar

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3813, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi u jekk iva, x'tip ta' żviluppi kien hemm f'dan ir-rigward?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Novembru sal-lum bdew jagħtu s-servizz erba assistenti soċjali ġodda, li qed jaħdmu perezz ta’ tender, u li qed jaqdu 41 dar. Min-naħa l-oħra, irritornaw lura għax-xogħol - wara l-leave tal-maternita’ - żewġ assistenti soċjali li bejniethom qed jaqdu 29 dar. Il-kuntrattur offra li min irid jista jaħdem overtime u d-differenza tħallasha l-kumpanija. B’dan il-mekkaniżmu tal-overtime qed jinqdew 12-il dar.

Mediċina Galvus

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk sad-data li qed tiġi imwieġba din il-mistoqsija, il-mediċina Galvus hijiex out of stock? Jekk iva, jista’ jgħid meta se terġa’ tkun in stock? Jista’ jgħid jekk bħalissa hemmx alternattiva għall-pazjenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-mediċina li hi klinikament ekwilvalenti għal Galvus – Sitagliptin hija in stock.

Transport Malta – Rabat — immaniġġar tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tittieħed azzjoni u jkun hemm uffiċjali ta’ Transport Malta fil-ħinijiet l-aktar li jkun hemm staġnar tat-traffiku fi Triq Ġorġ Borg Olivier, ir-Rabat, u ċjoè bejn is-6.00 a.m. u t-8.00 a.m. u n-12.30 p.m. u t-15.30 p.m.?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tat-Trasport qegħda f’kuntatt mal-Kunsill Lokali tar-Rabat biex jitfassal pjan ta’ azzjoni li permezz tiegħu jonqos il-periklu fi Triq Gorg Borg Olivier, ir-Rabat.

Rabat — proġett tas-Saqqajja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux lest il-proġett tat-taraġ u l-madwar fis-Saqqajja (telgħa tas-Saqqajja)? Jista’ jgħid ukoll għaliex sar pavimentar, inqala’, reġa’ tweħħel ieħor, reġa’ nqala’ u issa sar tal-konkos minflok dak il-pavimentar li kien qed isir? Jista’ jagħti tabella tal-infiq kollu li sar f’dan il-proġett item, item?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-pavimentar ta’ parti mill-bankina ġie mibdul għall-konkos minħabba l-fatt li tkisser mill-vetturi kbar li jieqfu fuqu b’mod illegali, fosthom trakkijiet tal-iskart u vannijiet tad-delivery. Fl-aħħar intervent li sar twaħħlu bollards biex kemm jista jkun jitnaqqas ir-riskju ta’ parkeġġ fuq l-bankina pavimentata. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra r-rendikont tal infiq.

Sptar Mater Dei – Sezzjoni Safra – lift li mhux jiffunzjona

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għaliex wieħed mil-lifts li jaqdi l-użu tas-swali fis-Sezzjoni Safra tal-Isptar Mater Dei ilu minn Ġunju ma jiffunzjona?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi il-lift li semma huwa qdim u qed jinbidel kompletament. Sabiex il-mutur il-ġdid ikun jista jitpoġġa b’sikurta’, ser isir xogħol strutturali fil-parti tal-binja fejn hemm il-lift.

Testijiet tal-oftalmoloġija

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fejn preżentement qed isiru t-testijiet tal-oftalmoloġija (f’liema sptar, bereġ jew ċentri tas-saħħa) lill-pazjenti u x’inhuma s-servizzi offruti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-servizzi tal-Oftalmologija isiru kif gej: Mater Dei Hospital Żjarat tal-Out Patients, topografija bil-laser, injezzjonijiet Avastin, OCT, IVFAs, u Ultra sound, kif ukoll servizz tal-katarretti, servizz Vitro Retinal, kirurġija tal- Glaucoma, kirurġija tal-Corneal u crosslinking tal- Corneal. Fil-waqt illi fil-qasam tal-Kura Primarja isiru: Eye Screening Service Glaucoma Screening Service Diabetic Retinopathy Screening Glaucoma Clinic

Proċess li tibda ssir il-kremazzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal il-proċess biex tibda ssir il-kremazzjoni tal-iġsma mejtin f’Malta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi preżentement qed isiru tħejjijiet minn-naħa tal-Awtorita tal-Ippjanar biex jinħarġu linji gwida għal bini ta krematorju f’Malta.

Allied Health Professionals – uniformijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser jingħataw l-uniformijiet lill-Allied Health Professionals wara li ilhom jistennew għal xhur u snin?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi wara li ħadd mill-bidders għall-aħħar tender ma laħaq ir-rekwiżiti mitluba, d-dipartiment tas-Saħħa bħalissa qed jirrevedi l-ispeċifikazzjonijiet sabiex jinħareg tender ġdid fis-suq miftuħ.

Transport Malta – ħruġ ta’ liċenzji tas-sewqan lil persuni ta’ nazzjonalità barranija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu liċenzji tas-sewqan lil persuni ta’ nazzjonalità barranija matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru totali ta' liċenzji tas-sewqan maħruġa lil ċittadini barranin fl-aħħar ħames snin, bejn l-2018 sad-data tal-lum kien dak ta' 24,891, li minnhom: § 8,152 ġew skambjati minn liċenzji maħruġa minn pajjizi tal-Unjoni Ewropea, jew li Malta għanda ftehim magħhom għall-iskambju tal-liċenzji, u § 16,739 kienu applikazzjonijiet għall-ewwel liċenzja Maltija bit-test tal-prattika. Nixtieq nirrimarka li jista’ jkun hemm xi diskrepanzi żgħar minn ċifri preċedenti pprovduti - dan minħabba li l-istatus tad-detenturi tal-liċenzja tas-sewwieq huwa dinamiku, u ikun hemm sejbien ta’ bidliet riċenti fir-rappurtar bħall: § bidla fin-nazzjonalità § liċenzji li ġew skambjati ma ta’ pajjiż ieħor § bidla tal-karta tal-identità għall-Maltija § liċenzji tas-sewqan li ġew revokati, sospiżi jew skwalifikati § persuni li m’għadhomx isuqu u/jew deċeduti Liċenzji bħal dawn fuq imsemmija ma jitilghux u ma jidhrux fl-ebda rapporti sussegwenti u kontemporanji.

Kunsilli Lokali – ftehim kollettiv ġdid lill-ħaddiema klerikali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jsir ftehim kollettiv ġdid lill-ħaddiema klerikali impjegati mal-Kunsilli Lokali, wara li l-ftehim kollettiv preżenti ilu skadut mill-2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari bin-numru 5110.

Servizz Ċivili — ħaddiema

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5098 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3778, jista' l-Prim Ministru jaqsam l-imsemmija ammonti f’numri reali rispettivi għall-impjegati fis-settur pubbliku u dak privat u jgħid kemm minnhom, f'termini reali, huma ħaddiema ta' nazzjonalita Maltija u kemm le?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li fis-servizz pubbliku hemm 784 impjegat li ma humiex ta' nazzjonalità Maltija.

Renumbering tad-Djar

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqija parlamentari 5102, li oriġinarjament saret lill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid meta se jitkompla r-renumbering tad-djar kollha f'Santa Venera li beda fl-2001? Jista' jgħid minn dak iż-żmien 'l hawn liema toroq tlestew, liema toroq baqa' jsiru u x'inhi r-raġuni ta' dan id-dewmien kollu?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li mill-1988 sal-lum ġew innumerati 54 triq minn 83 triq li jiffurmaw parti minn Santa Venera. 6 toroq oħra (Triq Adelaide Cini, Triq il-Batterija, Triq Brighella, Triq il-Kardinal Sciberras, Triq il-Kbira San Ġużepp u Triq San Ġorġ) ġew innumerati meta kienu għadhom jiffurmaw parti minn lokalitajiet oħra (Il-Ħamrun u Ħal Qormi) qabel ma ġew deċiżi l-konfini tal-lokalitajiet fl-1993. Ma’ dawn possibilment iridu jiżdiedu toroq oħra fostom Triq il-Lunzjata u Triq Ġużè Pace. Hemm 7 toroq li huma ffurmati minn binjiet tal-Gvern (Triq Dun Xand Cortis, Triq l-Għolja, Triq il-Palazz l-Aħmar, Triq Patri Franġisk Grech, Triq Patri Ġustin Sant, Triq Patri Ġwann Azzopardi u Triq Pietru Dacoutros) li qatt ma ġew innumerati minħabba l-fatt li l-linji gwida preċedenti ma kinux jippermetu li binjiet tal-Gvern jingħataw numru uffiċjali u li huma distinti minn binjiet oħra. Hemm ammont ieħor ta’ toroq li ġew innumerati fil-passat iżda l-eżerċizzju qatt ma ġie ppubblikat uffiċjalment fil-Gazzetta tal-Gvern. Il-kumplament tat-toroq, li huwa verament minimu, għad għandhom xi problemi biex jingħataw numru uffiċjali fil-preżent peress li għandhom parti kbira minnhom li huma siti bla bini fosthom Triq l-Istitut Bonnici, Triq Ħal Kaprat u Triq il-Madonna tal-Karmnu. Il-ħsieb li ma jingħatawx numru għalissa huwa biex ma jingħatawx inkonvenjent żejjed lir-residenti f’każ li fil-futur qarib dawn is-siti jinbnew. Toroq li possibilment jistgħu jiġu nnumerati huma Triq il-Franka (residenza waħda fir-Reġistru Elettorali), Triq il-Ħaddied (residenza waħda fir-Reġistru Elettorali), Triq il-Ħajjata (blokka waħda fir-Reġistru Elettorali) u Triq il-Markiż John Scicluna. L-Address Management Unit fi ħdan l-Uffiċċju Elettorali se tkun qed tieħu ħsieb tagħmel l-ispezzjonijiet meħtieġa biex il-propjetajiet f’dawn l-erba’ toroq jingħataw numru uffiċjali. Kif jista’ jara l-Onor Interpellant ix-xogħol tat-tismija tat-toroq u numerar tal-bibien huwa xogħol kontinwu u l-Address Management Unit regolarment ikun qed isegwi dan il-proċess fid-diversi toroq fil-gżejjer Maltin minn żmien għal żmien.

Mellieħa – Triq l-Erwieħ — Ċimiterju Sultana tal-Vittorji – tneħħija ta’ lapidi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid ta’ min kienet id-deċiżjoni li jinqalgħu l-lapidi minn mal-ħajt taċ-Ċimiterju Sultana tal-Vittorji fi Triq l-Erwieħ, il-Mellieħa u ntremew fl-art fejn uħud minnhom saħansitra tkissru? Jista’ jgħid min se jerfa’ r-responsabilità ta’ dan l-aġir, nieqes minn kull sens ta’ rispett u serjetà, f’post daqstant għażiż għal ħafna familji?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal mistoqsija supplimentari, għal mistoqsija Parlamentari numru 4207, li għamel hu stess.

Mellieħa – Triq il-Marfa – Ċimiterju Omm il-Ħniena — xogħlijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta mistenni jibda u jitlesta x-xogħol ta’ estensjoni fiċ-Ċimiterju Omm il-Ħniena fi Triq il-Marfa, il-Mellieħa, liema xogħol ilu mibdi għal numru ta’ snin bla qatt ma ġie konkluż?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal mistoqsija supplimentari, għal mistoqsija Parlamentari numru 4207, li għamel hu stess.

Mellieħa – Triq il-Marfa – Ċimiterju Omm il-Ħniena — kanċell

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi r-raġuni li ċ-Ċimiterju Omm il-Ħniena fi Triq il-Marfa, il-Mellieħa ilu xhur bla kanċell? Jista’ jgħid meta se jitwaħħal il-kanċell u min ser jerfa' r-responsabilità jekk isiru atti vandali jew atti oħrajn f’dan iċ-ċimiterju, fejn hemm midfunin mijiet ta’ persuni għeżież għal ħafna familji?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi matul ix-xitwa li għaddiet, il-kanċell taċ-ċimiterju Omm il-Ħniena kienet saritlu ħsara irreparabbli bil-maltemp. Temporanjament saret grada li tagħlaq iċ-ċimiterju, sakemm issir kostruzzjoni ta’ kanċell ġdid.

Ftehim ma’ Manchester United tramite VisitMalta — kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li sar ma’ Manchester United, tramite VisitMalta?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2779 u 3171.

Marsa – Triq it-Tiġrija – aċċess

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li t-traffic lights ta' Triq it-Tiġrija, il-Marsa (35°52'49.3"N 14°29'28.2"E) huma aċċessibbli biss għal numru żgħir ta' nies li għandhom aċċess għal ċavetta? Jekk iva, jista' jispjega r-raġuni għal dan? Jista' jgħid min huma n-nies li għandhom aċċess? Jista' jispjega wkoll għalfejn ir-residenti li jgħixu fl-akkwati m'għandhomx?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra

Belt Valletta — skeda tal-ġbir tal-iskart

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5107, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid għalfejn skont l-iskeda tal-ġbir tal-iskart passati, fil-Belt Valletta kien isir ġbir fil-ħinijiet tas-7 a.m., tas-1 p.m. jew tat-3 p.m., skont it-tip ta' ġbir, iżda skont l-iskeda l-ġdida li bdiet mit-2 ta' Jannar 2023, dan il-ġbir se jibda jsir kollu fis-2.30 p.m.? Ma' min saru konsultazzjonijiet għal tali tibdil u x'inhi r-raġuni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi filwaqt li l-iskeda dwar il-ġranet tal-ġbir tal-iskart hi waħda uniformi għal Malta u Għawdex, u dan skond il-Works Management Plan nazzjonali, il-ħinijiet tal-ġbir f’kull lokalita` saret wara diskussjonijiet bejn il-Kunsill Reġjonali u l-Kunsilli Lokali rispettivi fi ħdanu.

Trasport Malta – reġistrazzjoni ta’ vetturi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5108 u jgħid kemm-il vettura rreġistrata hawn fit-toroq Maltin preżentement, u fl-istess waqt f'numri reali jgħid kemm hemm minnhom li huma proprjetà tal-Gvern ta' Malta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ vetturi licenzjati fit-toroq Maltin huwa ta’ 425,000 li minnhom hemm 2,024 proprjetà ta’ Dipartimenti tal-Gvern ta' Malta.

Bord tal-Inġinerija — Applikazzjonijiet pendenti għal warrant

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5198 u jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għall-warrant ta' Inġiniera li qed jistennew biex jidhru quddiem il-Bord tal-Inġinerija?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Bord tal-Inġiniera għandu 97 applikazzjoni, liema minnom sitt applikanti dehru quddiem il-Bord u għandom jerġgħu jidhru mill-ġdid.