Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-mediċini li ġew fast-tracked mill-Awtorità tal-Mediċini mill-1 ta’ Novembru 2022 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jindika d-data tal-fast-tracking, l-isem tal-mediċina u jindika l-isem tal-kumpanija li timporta din il-mediċina jew is-CPSU skont il-każ?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onorevoli interpellanta li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.
Sptar Mater Dei – Antibiotic Augmentin u Clindamycin
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li fil-ġimgħa ta’ bejn is-16 u l-20 ta’ Jannar 2023 fl-Isptar Mater Dei ma kienx hemm antibiotiċi tat-tip Augmentin u Clindamycin?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-antibiotiċi Co-Amoxiclav u Clindamycin kienu disponibbli f’Mater Dei fid-dati msemmija minnha.
Sptar Mater Dei – Canteen li qed tintuża bħala Ward
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li l-ispazju li kien jintuża bħala canteen tal-ħaddiema fl-Isptar Mater Dei u sar ward għal żmien il-peak tal-pandemija tal-COVID-19, reġa’ beda jintuża bħala ward fil-ġimgħa ta’ bejn is-16 u l-20 ta’ Jannar 2023?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi spazji fl-isptar Mater Dei f’dawn l-aħħar snin ġew attrezzati bħala swali , inkluz l-ispazju li semmiet hi, sabiex jiġi evitat illi pazjenti jiġu trattati fil-kuruturi kif kien jiġri taħt amministrazzjoni oħra.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport ta’ kull ġimgħa (ġimgħa b’ġimgħa) tal-mediċini out of stock mis-7 ta’ Novembru 2022 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed impoggi fuq il-mejda tal-kamra lista ta mediċini out of stock kif mitluba minnha.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn, wara li saret pressjoni mill-Oppożizzjoni, ippubblika r-rapport tal-mediċini out of stock fid-9 ta’ Jannar 2023 iżda ma reġax ippubblika r-rapporti tal-ġimgħat ta’ wara?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 5472.
Birżebbuġa, Żurrieq u Ħal Safi – rapporti ta’ vandaliżmu
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta' vandaliżmu fuq il-bibien u faċċati ta' residenzi privati f'Birżebbuġa, fiż-Żurrieq u f'Ħal Safi mill-1 ta' Diċembru 2022 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid f'liema stadju tinsab l-investigazzjoni u jekk tressqux xi nies il-Qorti? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx innotati xi tendenzi partikolari u x'azzjonijiet qed jittieħdu min-naħa tal-Pulizija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li mill-1 ta' Diċembru 2022 sat-22 ta’Jannar 2023, kien hemm rapport wieħed dwar vandaliżmu, fuq bieb ta' residenza privata fiż-Żurrieq. Ma kienx hemm rapporti aktar ta' vandaliżmu fuq il-bibien u faċċati ta' residenzi privati f’dan il perjodu fil-lokalitajiet msemmija mill-Onorevoli Membru. L-investigazzjonijiet qed ikomplu mill-Korp.
Birżebbuġa – Pjan ta’ azzjoni għal upgrading fis-sistema tad-drenaġġ
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5015, tista' l-Ministru tikkonferma li l-għeluq ta' toroq minħabba l-imsemmija xogħlijiet ma jikkoinċidix mal-għeluq ta' toroq u devjazzjonijiet oħra minħabba xogħlijiet ippjanati ta' manutenzjoni jew proġetti oħra bħal dak ta' ħdejn l-ajruport? Tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-traffic management li ser ikun applikat għal kull fażi tax-xogħlijiet imsemmija fil-mistoqsija parlamentari 5015?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li s-sejħa għall-offerti għat-tisħiħ tas-sistema tad-drenaġġ f'Birżebbuġa qiegħda fi stadju ta' abbozz. Kif l-abbozz ikun iffinalizzat, s-sejħa ppubblikata, u sussegwentement jiġi ffirmat il-kuntratt, il-kuntrattur magħżul huwa obbligat jissottometti pjan ta' traffic management għall-iskrutinju u l-approvazzjoni ta' Transport Malta
Rimi ta’ affluwenti minn kumpanija fis-sistema tad-drenaġġ
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament terġa’ titħalla tarmi l-effluwenti tagħha fis-sistema tad-drenaġġ u jekk iva, meta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li rimi ta’ effluwenti fis-sistema tad-drenaġġ huwa regolat mil-leġiżlazzjoni sussidjarja S.L.545.08
Birżebbuġa – Pjan ta’ azzjoni għal upgrading fis-sistema tad-drenaġġ
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5015, tista' l-Ministru tgħid minn liema fondi ser jitħallas dan l-upgrade?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dan l-istadju l-proġett se jiġi ffinanzjat minn fondi lokali, kif inhi l-prassi qabel ma jsir irkupru minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Birżebbuġa – Triq il-Karmnu u Triq Għar Ħasan – xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitlestew ix-xogħlijiet fi Triq il-Karmnu u Triq Għar Ħasan Birżebbuġa, liema xogħlijiet ilhom li bdew mis-sajf li għadda?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddejja konsultazzjoni ma’ l-ERA dwar kif jistghu jitkomplew ix-xogħlijiet fid-dawl tas-sensittivita tas-sit.
Mellieħa, Mġarr, Naxxar u San Pawl il-Baħar – tneħħija ta’ karozzi abbandunati
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5196, jista’ l-Ministru jgħid mil-liema toroq tneħħew is-sitt karozzi abbandunati?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi verifiki saru fuq tlett vetturi li tneħħew mill-Pulizija għax kienu abbandunati u ttieħdu fil-kumpless tagħhom f’ta’Kandja. Dawn tneħħew minn Triq l-Ibħra, San Pawl il-Baħar, minn Triq il-Kappella ta’ Sta Marija in-Naxxar u minn Triq in-Naħal il-Mellieħa. L-ohrajn tneħħew min aġenzija oħra. Nitlob lill-Onorevoli Membru illi jekk għandha jew trid aktar tagħrif fuq dan is-suġġett li jista’ jgħin lill-Pulizija, tgħaddihuli bi kwalunkwe mod anke kunfidenzjali.
Mellieħa, Mġarr, Naxxar u San Pawl il-Baħar – talbiet għal tneħħija ta’ karozzi abbandunati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija għandhiex talbiet pendenti sabiex jitneħħew karozzi abbandunati fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, l-Imġarr, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar separatament għal kull lokalità? Għal kull lokalità fejn jinsabu dawn l-istess karozzi?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-proċess ta’ tneħħija ta’ vetturi abbandunati fil-lokalitajiet imsemmija mill Onorevoli Membru huwa kontinwu, bħal ma jsir f’kull parti oħra ta’ dawn il-gżejjer. Dan isir kemm mill-Korp tal-Pulizija u kif ukoll entitajiet oħrajn responsabbli.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu liċenzji ġodda għal Child Care Centres matul dawn l-aħħar tliet xhur, jiġifieri fix-xahar ta' Jannar 2023, Diċembru 2022 u Novembru 2022?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa ħarġu tlett reġistrazzjonijiet temporanji matul ix-xhur imsemmija. Skond l-eżitu ta’ vista esterna li ssir mid-Direttorat għall-Istandards u l-Kwalita fl-edukazzjoni, jiġi deċiż tingħatax il-liċenjza jew le.
Birkirkara – Kulleġġ Santa Tereża – għalliem għal klassi 5.2
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Iskola Primarja ta' Birkirkara (Kulleġġ Santa Tereża) hux se tingħata għalliem/a sabiex il-klassi 5.2 ma tibqax mingħajr għalliem? Jekk le, x'inhi r-raġuni u x'inhu l-pjan biex it-tfal f'din il-klassi jingħataw l-edukazzjoni tagħhom?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Skejjel li jiftħu l-btieħi għall-parkeġġ għar-residenti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 222 u jgħid liema huma l-iskejjel li qed jiftħu l-btieħi wara l-ħin tal-iskola biex jintużaw bħala parkeġġ għar-residenti? Jista’ jgħid x'qiegħed iżomm skejjel oħra li jagħmlu l-istess meta wieħed jifhem li f'kull raħal hawn problema ta' parkeġġ?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.