Pulizija – persuni li tressqu l-Qorti dwar prostituzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna tressqet il-Qorti akkużata li żammet jew eżerċitat jew kellha sehem ma' oħrajn fl-eżerċizzju ta' burdell jew ta' dar, ħanut jew lok ieħor għal skop ta' prostituzzjoni jew skopijiet oħra immorali bi ksur tal-artikolu 8(1) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid kemm-il persuna nstabet ħatja, kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel, ta' liema nazzjonalità kienet il-persuna u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti? Jista' jgħid f'liema lokalità kienu jinsabu d-djar, ħwienet jew lok ieħor?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi bejn is-sena 2013 u s-sena 2022 il-persuni li tressqu il-Qorti akkużati li żammew jew eżerċitaw jew kellhom sehem ma' oħrajn fl-eżerċizzju ta' burdell jew ta' dar, ħanut jew lok ieħor għal skop ta' prostituzzjoni jew skopijiet oħra immorali bi ksur tal-artikolu 8(1) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta) kien kif jidher fit tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Dettalji oħra mitluba ġew inkluzi fl-istess lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, fejn dan kien possibli.
Pulizija – persuni li tressqu l-Qorti dwar prostituzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il persuna tressqet il-Qorti akkużata li tat b'kiri jew ippermettiet l-użu jew ħadet sehem mill-qligħ ta' vettura użata għal skop ta' prostituzzjoni jew skopijiet oħra immorali bi ksur tal-artikolu 8(2) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' jgħid kemm-il persuna nstabet ħatja, kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel, ta' liema nazzjonalità kienet il-persuna u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi min verifiki li saru, min naħa tal-Pulizija ma jidhirx illi fil-perjodu indikat mill-Onorevoli Membru kien hemm każi fejn persuni ġew akkużati li taw b'kiri jew ippermettew l-użu jew ħadu sehem mill-qliegħ ta' vetturi użati għal skop ta' prostituzzjoni jew skopijiet oħra immorali bi ksur tal-artikolu 8(2) tal-Ordinanza dwar il-Qirda tal-Kummerċ fil-Prostituzzjoni (Kap. 63 tal-Liġijiet ta' Malta).
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 1367, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kienx hemm progress fid-dħul Brolucizumab (Beovu), Aflibercept (Eylea) u/jew Ranibizumab (Lucentis) fuq il-formolarju tal-mediċini?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kumitat tekniku li jirrakkomanda dawk il-mediċini li jiġu approvati biex jidħlu fil-formularju tal-gvern alloka l’fondi meħtiega għalihom biex jiġu mixtrija.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm-il darba ġie aġġornat il-formolarju tal-mediċini?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Formolarju jiġi aġġronat kontinwament.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm robots tal-mediċini fl-Isptar Mater Dei? Kemm minnhom qed jintużaw u kemm minnhom mhux qed jintużaw imma mimlijin bil-mediċini li nħarġu mill-pakketti tagħhom u għaldaqstant issa mhux possibbli li tkun magħrufa l-iskadenza ta’ din il-mediċina?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 2 robots ċentrali fl-Ispiżerija u 6 oħra fis-swali. Id-data ta’ skadenza ta’ mediċini f’dawn ir-robots hija magħrufa. Hemm ukoll 21 smart cabinets fis-swali tal-operazzjonijiet li jintużaw regolarment.
Direttorat tal-Informazzjoni tas-Saħħa — Rapport annwali tal-imwiet f’pajjiżna
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport annwali tal-imwiet f’pajjiżna maħruġ mid-Direttorat tal-Informazzjoni tas-Saħħa u tar-Riċerka għas-snin 2018, 2019, 2020, 2021 u 2022?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi waqt li r-rapporti tas-snin 2020, 2021 u 2022 qegħdin jinħadmu, qed impoġġi fuq il-mejda tal-kamra dokument bl-informazzjoni mitluba minnha tas-snin 2018 u 2019.
Strateġija Nazzjonali tad-Dijabete — pubblikazzjoni
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4561, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’se jiġri mill-punti mill-Istrateġija Nazzjonali tad-Dijabete (2016-2020) li ma twettqux? Dawn se jidħlu bħala parti mill-Istrateġija l-ġdida jew qed isir xi tip ta’ eżerċizzju biex jiġi identifikat dak li ma sarx u ssir ħidma parallela mal-istrateġija l-ġdida biex din il-ħidma ssir?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi saret reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-istrateġija 2016-2020 biex tara liema azzjonijiet ġew implimentati u liema le u biex jibdew it-tħejjijiet għall-istrateġija li jmiss.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4560, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm fil-fatt hemm ħaddiema speċjalizzati fl-Orthotics u l-Prosthetics Unit (OPU)? Kemm hemm persuni ġodda qed jitħarrġu biex jaħdmu f’dan id-dipartiment?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-onorevoli Interpellant illi hemm għaxar ħaddiema speċjalizzati fl-Orthotics u l-Prosthetics Unit. Sitta minn dawn huma Technicians u dawn kontinwament jirċievu taħrig professjonali minn Prosthetics by MCOP International Orthotics by Ottobock UK u Aliotta Orthopaedic Centre Sicily
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk ix-xogħol skont il-permess, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, għadux fil-pjan li jsir? Jekk iva, is-sidien tal-proprjetà li minnhom mistenni jsir ix-xogħol marbut ma' dan il-permess ġew ikkonsultati u mgħarrfa bix-xogħol li ser isir fil-proprjetà tagħhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol għadu ippjanat li jsir u t-tali proċess jinsab fi stadju ta’ għoti ta’ kuntratt. Kull applikazzjoni ta’ easement tiġi ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern. Il-Kunsill Lokali huwa mgħarraf dwar il-proġett u qiegħed fi qbil miegħu.
San Pawl il-Baħar – xogħol in konnessjoni man-new water
Question
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar meta mistenni jitlesta x-xogħol marbut man-new water fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar? Meta hu mahsub li l-istess ilma jibda jintuża mill-bdiewa tal-inħawi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħlijiet fuq is-sistema tal-mejnijiet tad-distribuzzjoni tan-New Water f’San Pawl il-Baħar mistennija jitlestew aktar tard din is-sena.
Dispensers apposta ser jiġu nstallati għall-aħħar tas-sena 2023. B’hekk il-bdiewa mistenni jkollhom aċċess għan-New Water fl-2024.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm by-laws ippreżentati mill-kunsilli lokali li għadhom qed jistennew l-approvazzjoni neċessarja sabiex jiġu implimentati fil-lokalità rispettiva? Kemm normalment iddum biex tiġi approvata proposta għal by-law ta’ kunsill lokali wara li l-kunsill lokali jkun lesta l-istess by law?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm tlett (3) proposti ta’ bye-laws illi ġew ippreżentati u li għadhom qed jistennew l-approvazzjoni neċessarja sabiex jidħlu fis-seħħ fil-lokalitajiet rispettivi.
Infurmat wkoll li m’hemm l-ebda perjodu ta’ żmien stabbilit bil-liġi li fih trid tiġi finalizzata l-proċedura tal-approvazzjoni, għaldaqstant dan il-perjodu jista jvarja skont in-natura ta’ kull każ.
Intant infurmat li l-uniku żmien stabbilit hu dak ta’ tmien ġimgħat minn meta jkun preżentati l-abbozz tal-bye-laws bir-rekwiżiti statutorji u dan sabiex jekk il-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali jiddeċiedi li jipproponi xi emendi għalihom, huwa jgħarraf lill-Kunsill bil-miktub dwar dawk l-emendi kollha.
Enemalta — talbiet għal Bozoz ġodda mill-kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar
Question
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm-il talba għal bozoz pubbliċi ġodda rċeviet l-Enemalta mill-2019 sal-lum mill-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar? Kemm minn dawn ġew approvati u kemm ġew rifjutati? Fejn huma l-bozoz li ġew approvati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Il-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar — proġetti li għandhom permessi validi mill-Awtorità tal-Ippjanar
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-proġetti li għalihom il-kunsilli lokali tal-Imġarr, Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar għandhom permessi validi tal-Awtorità tal-Ippjanar preżentement u għal liema xogħlijiet għandhom applikazzjoni pendenti?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar.
Kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar — ġbir ta' boroz suwed
Question
Jista’ l-Ministru jagħti taghrif dwar jekk il-Kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar hux mistenni li jibqa’ jagħmel il-ġabra extra ta' boroz suwed li kien jagħmel wara li l-ġbir tal-borza s-sewda kien naqas għal tliet darbiet fil-ġimgħa, issa li dan il-ġbir naqas għal darbtejn fil-ġimgħa? Kemm kienet l-ispiża għal din il-ġabra extra sakemm damet issir u għal liema perijodu saret?
Response (BONNICI, OWEN)
Gentilment infakkar lill-Onor. Interpellant illi l-ġbir ta’ l-iskart m’għadux fir-responsabilita’ tal-Kunsilli Lokali iżda qieghed issa responsabbilta' tal-Kunsilli Reġjonali, f'dan il-każ il-Kunsill Reġjonali tat-Tramuntana.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikant ta ċ-ċwievet tal-post tiegħu, liema skema nirreferu għaliha bħala “Inċentivi għal Ritorn ta’ ċwievet ta’ post” matul is-sena 2021 u 2022?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor Interpellant sabiex jinnota t-tabella hawn taħt indikata:-
Sena
Numru ta’ Inkwilini
2021
8
2022
5
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li jiġu ingaġġati aktar social workers man-numru żgħir ta’ erbgħa li diġà hemm?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tim ta’ ‘social workers’ hu magħmul minn ħames professjonisti fil-qasam soċjali. Se jiġi ngaġġat professjonist ieħor fil-futur qrib.
Awtorità tad-Djar – rapport marbuta ma’ Condominium
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’impenn qiegħda tieħu l-Awtorità tad-Djar meta jkun hemm rapporti marbuta mal-Condominium u li anke saħansitra jkun hemm rapporti għand il-pulizija minħabba mġiba li tkun qed iddejjaq lill-kumplament tal-familji li jgħixu fl-istess blokka?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-funzjoni tal-Awtorità tad-Djar ma tinkludix rwol ta’ intermedjarju fi kwistjonijiet bejn il-ġirien. F’każijiet ta’ mġieba ħażina f’binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali l-Awtorità tieħu passi xierqa sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent skont iċ-ċirkostanzi tal-każ. Rapport f’għassa jrid jiġi ppruvat permezz ta’ sentenza tal-qorti biex ikun jista’ jintuża bħala prova waqt azzjoni legali.