Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Belt Valletta – Triq San Ġwann– tiswijiet taċ-ċangatura

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5407 u ċjoè jista’ jara li l-ħsara li hemm fiċ-ċangatura fi Triq San Ġwann il-Belt Valletta, kantuniera ma’ Strada Stretta, tiġi msewwija billi hija ta’ inkonvenjent u periklu kbir għal min jagħmel użu minnha?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – safar fuq xogħol ministerjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba attenda tul is-sena li għaddiet laqgħat barra minn pajjiżna inkonnessjoni max-xogħol ministerjali? Jista’ jindika wkoll min akkumpanjah u kemm kienu l-ispejjeż relattivi tal-vjaġġ u l-akkomodazzjoni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministru siefer 12-il darba fis-sena 2022. Akkumpanjaw lill-Ministru 2 jew 3 delegati skont il-bżonnijiet tax-xogħol. L-ispiża totali kienet ta’ €98,565.06, l-akkomodazzjoni kienet ta’ €47,208.07 u l-biljetti tal-ajru u spejjes oħra €39,559.21. Minnhom tħallsu €6,149.89 mill-Presidenza Franciza u €5,647.89 mill-Presidenza tar-Republika Ċeka. Barra minn dan, rimborż fuq biljetti tal-ajru €6797 u rimborż fuq akkomodazjoni €1036 huwa dovut mill-UE.

Awtorità tad-Djar – blokok tal-housing

Question

Jista’ l-Ministru jagħti elenku ta’ kemm huwa n-numru ta’ blokok tal-housing f’Malta u Għawdex fil-preżent? Jista’ jgħid kemm-il unit hemm f’kull blokka u f’liema sena nbnew?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 20248 (Leġiżlatura XIII), inżid li minn dak iż-żmien żdiedu wkoll 8 blokok ġodda fis-segwenti lokalitajiet - Birkirkara, Ħ’Attard u Ħaż-Żebbuġ.

Awtorità tad-Djar – applikazzjonijiet li ma setgħux jiġu pproċessati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għal housing soċjali ma setgħetx tiġi pproċessata matul is-sena 2022 u x’kienu r-raġunijiet?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi 590 applikazzjoni ma setgħux jiġu pproċessati matul is-sena 2022, prinċiparjament minħabba li l-applikanti naqsu milli jissottomettu d-dokumenti meħtieġa jew inkella ma kienux jissodisfaw il-kriterji tat-test tal-mezzi.

Awtorità tad-Djar – lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-lista ta’ stennija għal akkomodazzjoni soċjali fil-mument? Kemm-il applikant hemm li huwa persuna b’diżabilità, lone parent jew persuna b’każijiet soċjali marbuta ma’ vjolenza domestika jew anzjani li jgħixu waħedhom sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar għandha 1450 applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternativa fuq il-lista ta’ stennija li minnhom 778 huma familji b’ġenitur wieħed, 256 huma anzjani li jgħixu waħidhom u 19 isofru minn xi diżabilità.

Awtorità tad-Djar –Deposit Payment Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’jiġri jekk is-sid ma jasalx li jonora l-pagament lill-Awtorità tad-Djar fl-iskemi tad-Deposit Payment Scheme u Garanzija New Hope fost skemi oħra li għandha l-Awtorità?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellant li kull skema tinkludi t-termini u l-kundizzjonijiet li jindikaw x’għandu jiġri f’dawn il-każijiet. L-Awtorità tad-Djar tqis ukoll iċ-ċirkustanzi tal-każ u tieħu kwalunkwe kunsiderazzjoni umanitarja xierqa qabel ma tipproċedi kif stipulat fil-kundizzjonijet tal-iskemi rispettivi.

Kuntratti biex jidħlu f'units tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx timeframe għal dawk li ffirmaw il-kuntratt biex jidħlu f’unit, qabel l-elezzjoni u li s’issa għadhom jistennew minkejja li qalulhom li ser jidħlu f’Ottubru 2022?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-allokazzjonijiet ġew imwettqa skont pjan tal-Awtorità tad-Djar imfassal fuq numru ta’ snin. L-inkwilini prospettivi ġew infurmati bl-allokazzjoni bosta xhur qabel ma tlesta x-xogħol fuq il-binja sabiex ikunu jistgħu jippjanaw il-futur tagħhom.

Mosta – postijiet li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni mill-Mosta li għadhom qed jistennew akkomodazzjoni soċjali?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar għandha 50 applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali minn persuni li jgħixu l-Mosta.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin – applikazzjoni għal Palazzo Spinola

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4122, jista’ l-Ministru jwieġeb din il-mistoqsija fid-dawl li l-applikazzjoni PA02310/20 tinsab f’isem il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, bħala referenza, il-permess tal-PA msemmi fil-PQ 4820. Kif jidher mill-applikazzjoni għall-permess, m'hemmx strutturi perikolużi fil-Palazz innifsu, madanakollu hemm kostruzzjoni ta’ binja żgħira fuq barra tal-Palazz li s-saqaf tagħha jeħtieġ attenzjoni. Bħalissa qegħdin f'diskussjonijiet biex jinbidel is-saqaf imsemmi u tinħoloq il-parti tat-‘toilette’ kif inkluż fil-permess tal-PA. Meta jitlesta x-xogħol fuq il-binja partikolari, din għandha tiġi okkupata mill-uffiċjali tas-sigurtà filwaqt li l-parti tat-‘toilette’ tkun disponibbli waqt funzjonijiet li jsiru fil-parapett. Ix-xogħol ta’ rinnovazzjoni f’din il-binja mhux se jfixkel ir-rilokazzjoni tal-Ministeru lejn Palazzo Spinola. Ix-xogħlijiet għandhom jitlestew sal-aħħar ta’ Jannar 2023 u ġaladarba jitlestew ix-xogħlijiet meħtieġa, l-uffiċjali tas-sigurtà jkunu jistgħu joperaw minn din il-binja.

San Ġiljan – Palazzo Spinola – xogħol ta’ restawr

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4123 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3835, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibda x-xogħol ta’ restawr tas-saqaf u tal-faċċata tal-Palazzo Spinola skont l-applikazzjoni PA02310/20?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onorevoli nterpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 4820 tal-istess Seduta. Kif ukoll ninfurmah li r-restawr tal-faċċata kien diġa tlesta.

San Ġiljan – Palazzo Spinola – encroachment

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4124 dwar Palazzo Spinola, fejn il-Ministru wieġeb li “ma jkunx opportun li titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra”, jista’ l-Ministru jgħid għaliex mhux opportun fid-dawl li hemm proprjetà pubblika fin-nofs?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’għandi xejn aktar x’inżid mat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 4124.

San Ġiljan – Palazzo Spinola – Talba mill-Kunsill Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4125, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3827, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma ġiet l-ebda risposta uffiċjali għat-talba tal-Kunsill Lokali San Ġiljan li talab li Palazzo Spinola jingħata lill-Kunsill bħala community centre? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din ir-risposta?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jindirizza din il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat

Proposta tal-Metro – studji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4091 u ċjoè: B’konnessjoni mal-istudji li ġew ippubblikati fuq il-Metro, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar: a. il-mod u d-data tal-individwi/ditta/soċjetà/għaqda li ġie/ġew ingaġġati jagħmlu l-istess studju; u b. il-kopja tat-termini ta’ riferimenti/ingaġġar tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u/jew xi kumpaniji/ditta/individwi hekk ingaġġati?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Infrastructure Malta – tenders, direct orders u konċessjonijiet lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4090 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tenders, direct orders u konċessjonijiet oħra li Infrastructure Malta tat lill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament u/jew kumpaniji/joint ventures jew partnership li fiha kien involut (inkluż imma mhux limitat għal dawk mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ukoll)?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

MCAST – Studenti li jirreġistraw u jiffinalizzaw studji fil-korsijiet Marittimi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li jirreġistraw u jiffinalizzaw studji fil-korsijiet Marittimi fl-MCAST kull sena mill-2013-2022?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt; Sena Numru ta’ studenti reġistrati Numru ta’ studenti li ffinalizzaw l-istudji 2013 47 12 2014 86 33 2015 77 28 2016 68 31 2017 78 40 2018 62 42 2019 48 37 2020 33 18 2021 58 31 2022 60 26

Proġett tal-Għadira – postijiet ta’ parkeġġ disponibbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm postijiet ta’ parkeġġ disponibbli qabel il-proġett tal-Għadira fi Triq il-Marfa u kemm se jkunu disponibbli fuq kompetizzjoni tal-proġett eskluż il-parkeġġ ġdid ħdejn il-lukanda tal-Bajja tal-Mellieħa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi wara l-interventi li qed isiru fil-proġett ta’ Triq il-Marfa, preċiżament bejn ir-roundabout li tagħti għall-Armier u r-roundabout li tagħti għal ta’ Pennellu, ser ikun hemm infrastruttura li tippermetti spazji ta’ parkeġġi ippjanat mal-ġenb tat-triq man-naħa tar-ramla li ser ikunu iktar siguri. Dan ser isir permezz ta’ parkeġġi skont standards applikabli u bankini ġodda biex in-nies li jagħmlu użu mill-istess parkeġġi jaslu bil-pass b’ mod sigur għall-bajja jew għal destinazzjonijiet oħra fl-inħawi. Qabel il-proġett kien hemm linja kontinwa bajda li tħalli wisgħat varji ta’asfalt mal-ġenb tat-triq u uħud minnhom mingħajr konnessjonijiet ta’ bankini għan-nies, parkeġġi li ma kienux jilħqu standards applikabli. Għalhekk jista jiġi kkonfermat illi t-triq in kwistjoni ser ikollha parkeġġi ħafna iktar adekwati u fuq kollox iktar siguri għall-pubbliku li ser ikun qed jagħmel użu minnhom.

Proġett tal-Għadira – postijiet ta’ parkeġġ disponibbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm postijiet ta’ parkeġġ disponibbli qabel il-proġett tal-Għadira fi Triq il-Marfa u kemm se jkunu disponibbli fuq kompetizzjoni tal-proġett eskluż il-parkeġġ ġdid ħdejn il-lukanda tal-Bajja tal-Mellieħa?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi wara l-interventi li qed isiru fil-proġett ta’ Triq il-Marfa, preċiżament bejn ir-roundabout li tagħti għall-Armier u r-roundabout li tagħti għal ta’ Pennellu, ser ikun hemm infrastruttura li tippermetti spazji ta’ parkeġġi ippjanat mal-ġenb tat-triq man-naħa tar-ramla li ser ikunu iktar siguri. Dan ser isir permezz ta’ parkeġġi skont standards applikabbli u bankini ġodda biex in-nies li jagħmlu użu mill-istess parkeġġi jaslu bil-pass b’mod sigur għall-bajja jew għal destinazzjonijiet oħra fl-inħawi. Qabel il-proġett kien hemm linja kontinwa bajda li tħalli wisgħat varji ta’asfalt mal-ġenb tat-triq u uħud minnhom mingħajr konnessjonijiet ta’ bankini għan-nies, parkeġġi li ma kienux jilħqu standards applikabbli. Għalhekk jista’ jiġi kkonfermat illi t-triq in kwistjoni ser ikollha parkeġġi ħafna iktar adekwati u fuq kollox iktar siguri għall-pubbliku li ser ikun qed jagħmel użu minnhom.

Pjazza tal-Mellieħa – postijiet ta’ parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm postijiet ta’ parkeġġ qabel il-proġett tal-Pjazza tal-Mellieħa u kemm għandhom jibqgħu wara li jitlesta l-proġett fil-pjazza stess?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nikkonferma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta' spazji ta' parkeġġ se jibqa l-istess.

Pjazza tal-Mellieħa – postijiet ta’ parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm postijiet ta’ parkeġġ qabel il-proġett tal-Pjazza tal-Mellieħa u kemm għandhom jibqgħu wara li jitlesta l-proġett fil-pjazza stess?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nikkonferma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta' spazji ta' parkeġġ se jibqa’ l-istess.