Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gudja – Triq De Warsbergh — tiswija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jittieħdu passi biex Triq De Warsbergh, fil-Gudja tiġi rranġata u jekk le, jista’ jara li jiġi redatt pjan għaliex is-sitwazzjoni ta’ din it-triq qed tikkawża tbatija lir-residenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Fgura – Triq Mater Boni Consiglii — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm dan id-dewmien biex jiġi finalizzat ix-xogħol fuq Triq Mater Boni Consiglii, Fgura, peress li dan id-dewmien qiegħed jikkawża inkonvenjent lir-residenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 5551.

Fgura – Triq Mater Boni Consiglii — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm dan id-dewmien biex jiġi finalizzat ix-xogħol fuq Triq Mater Boni Consiglii, Fgura, peress li dan id-dewmien qiegħed jikkawża inkonvenjent lir-residenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari nru 2332.

Kuntratt Selmun Palace

Question

Jista’ l-Ministru jippubblika l-kuntratt bejn Selmun Palace Hotel Company Ltd u l-Gvern għat-trasferiment ta’ Selmun Palace?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt bejn Selmun Palace Hotel Company Ltd u l-Gvern għat-trasferiment ta’ Selmun Palace.

Restawr Selmun Palace

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bediex ix-xogħol ta’ restawr f’Selmun Palace li kellu jibda sal-aħħar tas-sena 2022? Jekk iva, jista’ jagħti rendikont tax-xogħol li sar u jagħti indikazzjoni ta’ meta huwa previst li jitlesta? Jekk le, jista’ jispjega għalfejn ix-xogħol ta’ restawr għandu ma bediex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li filwaqt li l-permessi ġew approvati u s-sejħa għall-offerti ġiet abbozzata mid-Direttorat tar-Restawr, din qed tiġi amministrata mill-Ministeru kkonċernat. Għaldaqstant informazzjoni dwar is-sejħa għall-offerti għandha tintalab lill-Ministeru kkonċernat.

Materjal mormi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk irċeviex rapporti jew informazzjoni dwar it-terrapien li ġie mormi u radam parti mill-wied bejn Triq il-Maltin Internati u Eżiljati u l-Imdina? Jista’ jispjega x’azzjoni ħadet il-Planning Authority u/jew l-ERA?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet diġà ħarġet avviżi ta’ infurzar, u bdiet proċeduri t'azzjoni diretta biex jitneħħa ir-radam fil-31 ta’ Jannar 2023. Liema azzjoni twaqqfet wara li l-Qorti laqgħet mandat ta’ inibizzjoni kontra l-Awtorità.

Proġetti Triq il-Maltin Internati u Eżiljati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha għandux ħsieb li jagħmel proġett fil-parti taħt it-Triq il-Maltin Internati u Eżiljati fejn bħalissa hemm ammont sostanzjali ta’ materjal li radam parti mill-wied?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li minn spezzjoni li saret minn Parks Malta ma nstab l-ebda radam ġewwa l-Wied ta’ Ġnien Ħira, limiti tal-Imtarfa u r-Rabat, biswit it-Triq il-Maltin Internati u Eżiljati. Dan il-wied huwa wieħed mill-widien fejn huwa ppjanat li jsir tindif minn speċi aljeni u invażivi kif ukoll tħawil ta' siġar u arbuxelli indiġeni. Xogħol li huwa mistenni li jsir wara x-xhur tax-xitwa. Jista' jkun li l-Onor. Interpellanta qed tirreferi għal xi materjal ieħor f’xi nħawi oħra u jekk iva tista’ tindika fejn?

Għawdex — Spezzjonijiet fl-2022

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet ta’ infurzar mill-Awtorità tal-Artijiet f’Għawdex matul is-sena 2022, indikati xahar b’xahar u skont il-lokalità?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Segretarju Parlamentari Ewlieni – vjaġġar barra minn Malta

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti lista ta’ vjaġġar barra minn Malta li sar mis-Segretarju Permanenti Ewlieni mill-elezzjoni tal-2022 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija; inkluż il-pajjiż li fih saret iż-żjara, l-għan taż-żjara, id-dati taż-żjara u, f’kull każ, min kien qed jakkumpanja lis-Segretarju Permanenti Ewlieni?

Response (ABELA, ROBERT)

Bejn id-19 ta’ April u t-22 ta’ April, is-Segretarju Permanenti Ewlieni preċedenti attenda l-“Pre-opening of the 59th International Art Exhibition” f’Venezja akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta. Bejn l-10 u t-13 ta’ Mejju żar il-Portugall fuq xogħol marbut ma’ Heritage Malta fejn kien akkumpanjat minn persuna tal-istaff. Is-Segretarju Permamenti Ewlieni kurrenti, li nħatar fl-ewwel ta’ Ġunju, ma kellux xogħol barra l-pajjiż.

Kumpanija tas-servizz tat-trasport pubbliku – ħlas ta’ sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallas sussidju mill-Gvern lill-kumpanija privata li tħaddem is-servizz tat-trasport pubbliku, sena b’sena, mill-bidu tal-2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FARRUGIA, AARON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li kienet ingħatatlu għall-mistoqsija numru 3683, jien infurmat li għas-sena sħiħa 2022 l-ammont ta’ Public Service Obligation li tħallas kien ta’ €37,819,594.36, waqt li sa Jannar li għadda l-ħlas kien jammonta għal €2,433,333.33.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli — Anti-Harassment Policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ “Anti-Harassment Policy” (għal fuq il-post tax-xogħol) teżisti fi ħdan il-Ministeru kif ukoll fi ħdan kull aġenzija u/jew dipartiment li jaqa’ taħt il-Ministeru tiegħu?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 5724.

Ministeru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet — Anti-Harassment Policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ “Anti-Harassment Policy” (għal fuq il-post tax-xogħol) teżisti fi ħdan il-Ministeru kif ukoll fi ħdan kull aġenzija u/jew dipartiment li jaqa’ taħt dan il-Ministeru tiegħu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Anti-Harassment Policy

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ “Anti-Harassment Policy” (għal fuq il-post tax-xogħol) teżisti fi ħdan il-Ministeru kif ukoll fi ħdan kull aġenzija u/jew dipartiment li jaqa’ taħt dan il-Ministeru tagħha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Waqt li ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 5724, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra wkoll policies adottati minn entitajiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Anti-Harassment Policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ “Anti-Harassment Policy” (għal fuq il-post tax-xogħol) teżisti fi ħdan il-Ministeru kif ukoll fi ħdan kull aġenzija u/jew dipartiment li jaqa’ taħt il-Ministeru tiegħu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 5724.

Ministeru għal Għawdex — Anti-Harassment Policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ “Anti-Harassment Policy” (għal fuq il-post tax-xogħol) teżisti fi ħdan il-Ministeru kif ukoll fi ħdan kull aġenzija u/jew dipartiment li jaqa’ taħt dan il-Ministeru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħaddiema taċ-Ċivil nirreferih għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 5724. Min-naħa l-oħra, l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għal Għawdex għandhom policies speċifiċi rigwad anti-harassment policy. Il-linji gwida tal-GRDA huma stabbiliti fil-Gender Equality Policy, filwaqt li l-Gozo Channel għandha Grievance Policy ġenerika fil-ftehim kollettiv li tkopri u tħares l-interessi tal-ħaddiema meta jkun hemm kwalukwe każ ta’ lment. Dan apparti li l-kumpanija timxi wkoll fuq linji gwida kif stabbilit fil-PSMC. Id-dokumenti rispettivi taż-żewġ entitajiet qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza — Anti-Harassment Policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ “Anti-Harassment Policy” (għal fuq il-post tax-xogħol) teżisti fi ħdan il-Ministeru kif ukoll fi ħdan kull aġenzija u/jew dipartiment li jaqa’ taħt dan il-Ministeru tiegħu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari 5724. Fir-rigward tal-entitajiet fi ħdan l-istess dekasteru, infurmat li wħud mill-entitajiet jagħmlu użu mid-dokument riferut fit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 5724 u oħrajn għandhom policy interna.

San Pawl il-Baħar — Triq Toni Bajada - bozza mwaħħla ma' faċċata ta' proprjetà

Question

B'referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 5005 u 5189 rigward bozza mitfija fi Triq Toni Bajada, San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jara li din l-aħħar bozza fit-triq imsemmija (in-naħa ta' Triq il-Knisja) hekk kif diġà ssemma f'mistoqsija parlamentari 5005, u li ritratt tagħha qed jingħata separatament, tibda tixgħel mill-aktar fis hekk kif għadha mitfija sal-ġurnata li fiha qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-istess Kunsill għamel il-verifiki tiegħu u infurma lill-entità kkonċernata sabiex tittieħed azzjoni. Intant infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi l-aħjar mod sabiex jiġu indirizzati l-ilmenti fl-iqsar żmien u bl-aktar mod ‘resource efficient' huwa billi wieħed jilloġġja lment direttament mal-Kunsilli Lokali fejn tittieħed azzjoni opportuna minnufih.

San Pawl il-Baħar — Triq Marchesa - bozza mwaħħla mal-faċċata ta' proprjetà

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5006 u 5188 jista' l-Ministru jieħu l-azzjoni neċessarja biex il-bozza fi Triq Marchesa Bugeja, San Pawl il-Baħar terġa’ tixgħel hekk kif sal-ġurnata li fiha qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari, din il-bozza baqgħet ma tixgħelx għalkemm fit-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet ġejt infurmata li l-Kunsill Lokali indirizza din il-kwistjoni mal-entità kkonċernata, li l-lampi kollha reġistrati mal-Enemalta f'din it-triq huma kollha tal-Kunsill Lokali u li l-Enemalta m’għandha l-ebda talba pendenti dwar id-dawl pubbliku f’din it-triq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar illi fi Triq il-Markiża Bugeja kien hemm rapport dwar: a. Lampa mitfija W460/55 li tinsab faċċata tar-residenzi 19/21. Infurmat li saret il-manutenzjoni u l-każ meqjus mill-Kunsill Lokali li huwa magħluq. b. Lampa mitfija W672/55 li tinsab viċin ir-residenza Carmen. Infurmat mill-Kunsill Lokali illi din ġiet mgħoddija lill-Kuntrattur tal-Kunsill, nhar il-31 ta’ Jannar 2023, fejn il-manutenzjoni hija ppjanata li ssir għad-data tat-2 ta’ Frar 2023. Intant infurmat ukoll mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Bahar illi l-aħjar mod sabiex jiġu indirizzati l-ilmenti fl-iqsar żmien u bl-aktar mod ‘resource efficient’ huwa billi wieħed jilloġġja lment direttament mal-Kunsilli Lokali fejn tittieħed azzjoni opportuna minnufih.