Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rabat – St Elizabeth Home –sodod mixtrija mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm xtara sodod il-Gvern f’St Elizabeth Home, ir-Rabat sena b’sena minn meta daħal f’dan il-ftehim? Jista’ jgħid ukoll b’liema rata qed iħallas illum għal kull sodda u wkoll b’liema rata qed titnaqqas il-pensjoni ta’ dawn l-anzjani li qed jibbenefikaw minn din l-iskema?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Il-ħlas dovut mill-anzjani li qed jibbenefikaw minn din l-iskema meta jidħlu fid-djar tal-anzjani huwa regolarizzat skont l-Avviż Legali 151 tas-sena 2018: ATT DWAR IS-SIGURTÀ SOĊJALI (KAP. 318) - Regolamenti tal-2018 dwar Rati għal Servizzi Residenzjali Finanzjati mill-Istat. Kull persuna li ssir residenti ta’ dan is-servizz residenzjali, meta/jew wara li daħlu b’effett dawn ir-regolamenti, u min qed jirċievi kura ta’ livell 1, għandu jikkontribwixxi 60% minn kull pensjoni, għajnuna soċjali u bonus li jirċievi, nett mit-taxxa fuq l-income, u 60%, minn kull qligħ ieħor li jkun irċieva matul is-sena kalendarja minnufih qabel is-sena li fiha l-istima ta' qligħ bħal dak issir għall-finijiet ta' dawn ir-regolamenti, nett mit-taxxa fuq l-income. Minkejja dan, il-kontribuzzjoni magħmula mir-resident ma tistax tkun tali li tħalli lir-resident b’anqas minn €1,397.62 fis-sena biex ikunu għad-dispożizzjoni tiegħu/tagħha. L-informazzjoni l-oħra mitluba ma tistax tingħata minħabba li din hija kummerċjalment sensittiva.

Trasport Pubbliku – Servizz bejn il-Fgura u l-Isptar Mater Dei Moniteraġġ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3138, jista’ l-Ministru jgħid x’ri¿ultat kien hemm minn dak il-monitoraġġ li wiegħed li ser isir? F’liema perjodu sar dak il-monitoraġġ? Fuq liema bus stops sar? Hemm il-ħsieb li wara dan il-monitoraġġ isir xi titjib fis-servizz?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni neċessarja sabiex isir il-monitoraġġ qed tinġabar u qed isir studju fuq numru ta’ rotot.

Proġett tal-Fgura Adventure Park

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3086 fejn staqsejt lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isports, iż-Żgħażagħ u l-Innovazzjoni dwar il-proġett tal-Fgura Adventure Park li kien ġie mħabbar u mwiegħed mill-Gvern lejliet l-elezzjoni tal-2017 u ċjoè fl-aħħar ta’ Mejju 2017, peress li l-Ministru rrisponda li m’hemmx pjanijiet li dan il-proġett isir fil-Fgura, jista’ l-Prim Ministru jikkonferma li dan il-proġett f’dak is-sit, li anke ssemma f’diversi estimi tal-budgets ġie skartat? Jista’ jgħid jekk hemmx xi proġett ieħor maħsub għaż-żona indikata u ċjoè ż-żona ħdejn is-swar ta’ Bormla, biswit il-ground tal-Fgura FC? Huwa ġust li r-residenti tal-Fgura jiġu ttrattati b’dan il-mod?

Response (ABELA, ROBERT)

Kif m’għandix dubju li taf l-Onor. Interpellanta, il-Gvern għaddej bl-ikbar proġett ta’ investiment fi spazji miftuħa. Dan hu proġett li se jkun mifrux mal-pajjiż kif imwiegħed fil-manifest elettorali. Għal aktar dettalji speċifiċi nistieden lill-Onor. Interpellanta tagħmel id-domanda tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Ħal Tarxien – Ħsarat fi Triq San Tumas

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3221, jista’ l-Ministru jgħid: a. il-Kunsill Lokali għamilx inkjesta mal-awtoritajiet ikkonċernati sabiex din it-triq tinbena mill-ġdid? Jekk iva, meta saret din it-talba u x’kien l-eżitu ta’ din it-talba; u b. minn Ottubru 2022 sa Jannar 2023 x’interventi saru fuq din it-triq mill-Kunsill Lokali u kemm swew?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien illi saret talba mill-Kunsill mal-awtorità kkonċernata sabiex l-imsemmija triq tinbena mill-ġdid u l-istess Kunsill kellu konferma verbali illi Triq San Tumas ser tinbena mill-gdid. Kif ben konxja l-Onor. Interpellanta, il-bini mill-ġdid ta’ toroq mhuwiex fil-kompetenza ta’ Kunsill Lokali u għaldaqstant l-azzjoni li ħa l-kunsill kien li għamel it-talba appozita mal-awtorità kkonċernata.

Fgura – Triq Hompesch u Triq Żabbar – Ċitazzjonijiet lil Vetturi Kummerċjali

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3349, jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-Pulizija u l-LESA lill-vetturi kummerċjali li għaddew mit-toroq Hompesch/Żabbar fil-Fgura u ma kinux se jagħtu servizz fil-lokalità fix-xhur ta’ Novembru u Diċembru 2022? Jista’ jagħti din l-informazzjoni xahar b’xahar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi mis-sistema elettronika jidher illi ngħataw tliet taħrikiet mill-Pulizija u l-LESA fil-perjodu indikat mill-Onor. Membru bejn Novembru u Diċembru 2022 lill-vetturi kummerċjali li għaddew mit-toroq Hompesch/Żabbar fil-Fgura u ma kinux se jagħtu servizz fil-lokalità.

Direttorat tal-Gvern Lokali — Bord tal-Gvernanza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-membri li ffurmaw il-Bord tal-Governanza fid-Direttorat tal-Kunsilli Lokali għas-sena 2022? X’kienet ir-remunerazzjoni tal-membri għas-sena 2022? Kemm-il darba ltaqgħu b’mod formali tul is-sena 2022 xahar b’xahar? Kemm daħlu każijiet ġodda tul is-sena 2022? Kemm każijiet ġew deċiżi tul is-sena 2022? Kemm kien hemm każijiet pendent fil-31 ta’ Diċembru 2022 u kemm ilhom pendenti? Min ser ikunu l-membri tal-istess bord għas-sena 2023?

Response (BONNICI, OWEN)

Tlabt sabiex it-tagħrif jinġabar.

Ministeru għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – ħaddiema bir-remote working

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari jgħid jekk ħaddiema mas-Segretarjat Parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jistgħux ikomplu jaħdmu permezz ta’ remote working?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari 5211.

Ministeru għall-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ, l-Isport, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – ħaddiema bit-teleworking

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari jgħid jekk ħaddiema mas-Segretarjat Parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jistgħux ikomplu jaħdmu permezz ta’ teleworking?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari 5211.

Inkjesta pubblika dwar mewt ta’ individwu

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux se tinħatar inkjesta pubblika dwar it-traġedja li wasslet għall-mewt ta’ persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, nhar it-3 ta’ Diċembru 2022?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar dan il-każ qed tinżamm inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat Inkwirenti u hemm ukoll l-investigazzjonijiet tal-awtoritajiet relevanti oħra. Jekk tassew irridu ġustizzja, ix-xogħol ta’ dawn l-istituzzjonijiet għandu jitħalla jsir f’serenità. Fl-istess ħin irrid nappellalhom biex jagħtu importanza massima lil dan il-każ, biex issir ġustizzja b'ċelerità mal-familja tal-vittma, fuq quddiem nett, u mas-soċjetà.

Għajnsielem/Nadur — Triq Sant'Antnin/Triq l-Imġarr - pagamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru pagamenti fuq Triq l-Imġarr fin-Nadur u Triq Sant Antnin f'Għajnsielem sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid kull pagament lil min sar u kemm kien u kif ukoll jgħid ta' liema xogħol kien dak il-pagament?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tax-xogħlijiet li saru sa issa tħallsu €13,608,385.25 lil kumpanija li rebħet is-sejħa għall-offerti.

Ir-Rabat Għawdex — Triq l-Ewropa - Pixxina u Sports Complex - pagamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru pagamenti fuq il-pixxina u Sports Complex ta' Triq l-Ewropa fir-Rabat, Ghawdex sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jgħid kull pagament lil min sar u kemm kien u kif ukoll jgħid ta' liema xogħol kien dak il-pagament?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala nefqa fuq xogħol ta’ kostruzzjoni saru €14,169,528.16 f’pagamenti, filwaqt li f’xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi saru €2,222,895.82 f’pagamenti lil kumpaniji rispettivi li kienu rebħu s-sejħa għall-offerti.

Teatru Manoel – rappreżentazzjonijiet tal-Opera Tosca mit-Tenur Josè Cura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jiġu jiswew l-erba’ rappreżentazzjonijiet tal-Opera Tosca li se tkun diretta mit-Tenur Josè Cura u li kif ukoll se jkanta l-parti prinċipli ta’ Cavaradossi bejn il-5 u t-12 ta’ Marzu fit-Teatru Manoel?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ispiża bbaġittjata għall-Opera Tosca hija ta’ €400,000, inkluża l-VAT, kif miftiehem bejn it-Teatru Manoel u l-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta.

Għawdex — għases tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għases tal-Pulizija f'Għawdex u f'liema indirizz jinsabu dawn l-għases? Jista' jgħid matul dawn l-aħħar sitt xhur, kull għassa bħala medja, kemm-il siegħa fil-ġimgħa kienet miftuħa għall-pubbliku u b'uffiċjali tal-Pulizija ġo fiha?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi preżentament Għawdex hemm ħmistax-il għassa tal-Pulizija li l-indirizzi tagħhom huma indikati fit-tabella ta’ hawn taħt. L-għases prinċipali li jinfetħu erbgħa u għoxrin siegħa kuljum huma dawk ta’ Victoria u Mġarr, filwaqt li dik ta’ Marsalforn tinfetaħ regolarment meta l-esiġenzi jippermettu, u din l-għassa tintuża anke kontinwament mill-Pulizija tal-Komunità. Dik tax-Xlendi tiftaħ matul ix-xhur kollha tas-sajf, filwaqt li l-għassa tal-Marina ukoll tiftaħ kuljum mis-sebgħa ta’ filgħodu sas-sitta u nofs ta’ filgħaxija. L-Għassa tax-Xagħra bħalissa qiegħda taħt kostruzzjoni. Għases oħra jinfetħu skont l-esiġenzi tas-servizz u minħabba f’hekk id-dettalji dwar is-sigħat li dawn kienu miftuħa mhumiex disponibbli. Kif japrezza l-Onor. Membru, kull raħal f’Għawdex huwa kopert minn ronda regolari li ssir permezz ta’ uffiċjali mill-Iskwadra Mobbli tad-Distrett kif ukoll dawk mill-Pulizija tal-Komunità. Dan barra li ma' ħafna minn dawn l-għases hemm stallata sistema elettronika li permezz tagħha l-pubbliku jkun jista’ jikkomunka mal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. 1. Victoria Police Station, Republic Street, Victoria 2. Mġarr Police Station - N.B. Triq ix-Xatt, Mġarr - Gozo 3. Xagħra Police Station - N.B Vjal it-Tmienja ta' Settembru, Xagħra (suġġetta għal xogħol ta’ kostruzzjoni mill-Kunsill) 4. Nadur Police Station - 24, Pjazza San Pietru u San Pawl, Nadur 5. Marsalforn Police Station - 35, Triq Marina, Marsalforn 6. Xewkija Police Station - 85, Triq l-Indipendenza, Xewkija 7. Għarb Police Station - Ċentru Ċiviku , Triq il-Viżitazzjoni, Għarb (f’idejn il Kunsill - tista tintuża’ meta meħtieġ) 8. Sannat Police Station – N.B Triq Sannat, Sannat 9. Xlendi Police Station – N.B Triq Sant'Indrija, Xlendi 10. Kerċem Police Station -Triq Sarg, Kerċem (f’idejn il Kunsill - tista tintuża’meta meħtieġ) 11. Għajnsielem Police Station - 40, Triq Simirat, Għajnsielem 12. Qala Police Station - Local Council Bldg., Triq San Ġużepp, Qala 13. San Lawrenz Police Station - Pjazza San Lawrenz, San Lawrenz 14. Żebbuġ Police Station - Triq il-Knisja, Żebbuġ 15. Marina Office at Mġarr

Ministeru għal Għawdex — proġetti ambjentali u infrastrutturali

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti ambjentali u infrastrutturali saru mill-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2022 ġewwa Kemmuna u kemm ġew jiswew? Jista' jgħid ukoll xi proġetti ambjentali u infrastrutturali hemm ippjanati li jsiru ġewwa Kemmuna matul is-sena 2023 mill-Ministeru tiegħu u fiex jikkonsistu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2022 ma sar l-ebda proġett infrastrutturali.

Agriculture Stores/Basement Agriculture Stores — Applikazzjonijiet għal bini, sanzjonar, bdil ta' użu jew estensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għal bini, sanzjonar, bdil ta' użu jew estensjoni ta' Agriculture Stores/Basement Agriculture Stores ġewwa Għawdex fl-aħħar ghaxar snin? Jista' jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati, kemm minnhom ġew rifjutati kemm minnhom huma sospiżi u kemm minnhom għadhom pendenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmat li bejn l-1 ta’ Jannar 2013 u l-31 ta’ Diċembru 2022 intlaqgħu 405 applikazzjoni kompluta għal żvilupp ta’ bini, sanzjonar, bdil ta’ użu għal jew estensjoni ta’ mħażen għal skop agrikolu ġewwa Għawdex. Minn dawn, sas-26 ta’ Jannar 2023, 250 ġew approvati, 33 ġew rifjutati, 33 oħra ġew irtirati, 7 deċiżjonijiet jinsabu sospiżi u 82 għadhom pendenti.

Mediċini Brolucizumab (Beovu), Aflibercept (Eylea) u/jew Ranibizumab (lucentis)

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 5474 u 1367, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-mediċini indikati daħlux fil-formolarju jew meta se jidħlu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proċess sabiex mediċini tal-istess klassi bħal dawk imsemmija minnha jidħlu fuq il-formolarju tal-Gvern għadu għaddej.

Formolarju tal-Mediċini

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5475, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija u jgħid kemm-il darba ġie aġġornat il-formolarju mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fuq il-formolarju isir tibdil regolari u jiġi aġġornat darba fix-xahar .

Gudja – Triq De Warsbergh — tiswija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jittieħdu passi biex Triq De Warsbergh fil-Gudja tiġi rranġata u jekk le, jista’ jara li jiġi redatt pjan għaliex is-sitwazzjoni ta’ din it-triq qed tikkawża tbatija lir-residenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq qed isservi bħala devjazzjoni tat-traffiku minħabba l-proġett ta’ madwar l-ajruport. Nikkonferma li din it-triq qiegħda fuq il-lista ta’ prijorità tagħna biex jibdew ix-xogħlijiet fuqha malli jitlesta l-proġett tal-KTAIP.

Community Work Scheme — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu taħt l-iskema tal-Community Work Scheme fis-snin 2020, 2021 u 2022 u kemm kull sena daħlu ħaddiema ġodda fl-istess?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ ħaddiema li kienu jaħdmu taħt l-iskema tal-Community Work Scheme fis-snin 2020, 2021 u 2022 (figuri sal-aħħar ta’ Dicembru) u kemm daħlu ġodda kull sena huma mniżżla fit-tabella t’ hawn taħt: Sena Numru ta’ ħaddiema Ħaddiema ġodda 2020 1030 166 2021 981 31 2022 1155 240

Gudja – Triq De Warsbergh — tiswija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jittieħdu passi biex Triq De Warsbergh, fil-Gudja tiġi rranġata u jekk le, jista’ jara li jiġi redatt pjan għaliex is-sitwazzjoni ta’ din it-triq qed tikkawża tbatija lir-residenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.