Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – koordinazzjoni mal-Università ta' Malta f’każ li jseħħu xi terremoti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' koordinazzjoni qiegħda sseħħ bejn dawk responsabbli mill-Protezzjoni Ċivili u l-Università ta' Malta għal dak li jikkonċerna azzjoni immedjata fejn iseħħu xi terremoti? Xi preparazzjoni partikolari jwettqu dawk responsabbli mill-Protezzjoni Ċivili biex ikunu ppreparati għal ċirkostanzi ta' terremoti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li d-Dipartiment ta’ Protezzjoni Ċivili u l-Università ta’ Malta (Dipartiment tal-Geo Xjenza) qegħdin dejjem fil-kuntatt flimkien speċjalment fejn jidħol ċaqlieq siżmiku jew possibilta ta’ Tsunami. L-istrumenti tad-Dipartiment tal-Geo Xjenza u l-early warning system ta’ possibbiltà ta’ Tsunami minbarra li javżaw lill-Università javżaw ukoll lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Dan il-kuntatt isir ukoll bil-fomm biex jiġi żgurat li n-notifika għaddiet kif ukoll issir tifsira ta’ l-informazzjoni minn membri tekniċi tal-Università sabiex id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jkollu tifsira ta’ l-informazzjoni provduta. Dan minbarra kollaborazzjoni stretta fejn dawn l-aħħar snin saru żewġ proġetti bejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u Dipartiment tal-Geo Xjenza flimkien ma’ entitajiet oħra fi Sqallija. Dawn kienu l-Proġetti Simit (terremoti) u Simit Tharsy (Tsunami). Bħalissa qed isiru preparamenti biex isir applikazzjoni għat-tielet proġett flimkien fuq l-istess binarji. Minbarra dan il-Protezzjoni Ċivili għandha pjanijiet ta’ kontinġenza li jinkludu l-każijiet ta’ terremot jew tsunami, kif ukoll attendiet għal dawn l-eżercizzji maġġuri: · Ezerċizzju ma THW (Germanja) 2010 · Ezerċizzju Twist 2013 · Ezerċizzju Simit 2015 · Ezerċizzju Simit Tharsy 2022 · Ezerċizzju ma UK ISAR 2016 · Ezerċizzju PACES 2019 Infurmat ukoll li minbarra diversi eżerċizzji żgħar oħra fejn ipparteċipajna bħala osservaturi, jew oħrajn li saru lokali mid-DPĊ sabiex jiġu mħarrġa teams lokali, kif ukoll taħrig u korsijiet li membri tad-DPĊ attenda barra minn Malta taħt il-mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili.

San Pawl il-Baħar – Triq Sir Luigi Preziosi — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu x-xogħol li qed isir fi Triq Sir Luigi Preziosi, San Pawl il-Baħar, preżentement? Meta hu mistenni li jitlesta u kemm hi l-istima tax-xogħol li qed isir?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tikkontribwixxi f’dan il-proġett li hu mmexxi primarjament minn Infrastructure Malta. Il-Korporazzjoni qed tinvesti f’titjib fl-infrastruttura kemm tad-drenaġġ kif ukoll tal-ilma tax-xorb. L-istima tal-ispiża tammonta għal kważi €290,000.

Transport, CRPD u l-Aġenzija Sapport – studju dwar reserved parking bays

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju li ġie kkummissjonat mill-Awtorità tat-Trasport flimkien mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) u l-Aġenzija Sapport dwar reserved parking bays għal persuni b'diżabilità? Fiex jikkonsisti dan l-istudju u meta hu mistenni li jiġi ffinalizzat u ppubblikat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskop tal-istudju kkommisjonat huwa bbażat fuq riċerka li hija meħtieġa sabiex tagħmel proposti alternattivi ta’ kif għandhom ikunu allokati parkeġġi riservati għall-persuni b’diżabilità, kif ukoll li għandhom isiru proposti biex jgħinu li jinstabu mezzi alternattivi kif għandhom jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar min għandu jkollu parkeġġ riservat, dejjem ibbażat fuq id-demografija ta’ kull belt jew raħal, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Huwa mistenni wkoll li jkunu kkunsidrati d-daqs tal-popolazzjoni, l-età medja, l-ammont ta’ Blue Badge Holders, l-ammont ta’ vetturi reġistrati f’kull lokalità, l-ammont ta’ persuni lliċenzjati u l-ammont ta’ parkeġġi diġà riservati. Iż-żmien ta’ meta dan ir-rapport se jkun konkluż jiddependi minn diversi fatturi u allura qegħdin nagħmlu dak kollu possibbli biex jigi konkluż fl-iqsar żmien possibbli, b’koordinazzjoni sħiħa mas-CRPD.

Skema Soċjetajiet Mużikali Aktar Inklussivi – applikazzjonijiet mill-għaqdiet volontarji lokali

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema għaqdiet volontarji lokali ssottomettew applikazzjoni għall-iskema Soċjetajiet Mużikali Aktar Inklussivi? Dawk l-għaqdiet volontarji li applikaw, għal liema proġetti applikaw, x’kienet l-istima ta’ kull proġett u kemm kien l-ammont li ntalab biex jiġi ffinanzjat mill-istess fond? Liema għaqdiet volontarji bbenefikaw u għal liema proġett/i? Liema għaqdiet volontarji li applikaw ma bbenefikawx, għal liema proġett/i u x’kienet ir-raġuni għala ma bbenefikawx? Kemm kien il-valur allokat għal din l-iskema u kemm hu l-valur totali li attwalment ġie mqassam permezz ta’ din l-iskema?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-valur allokat għal din l-iskema fis-sena 2022 kien ta’ €100,000 u l-valur totali li tqassam kien ta’ €60,266.00. Il-Bord tal-Għażla qabel fuq sett ta’ linji gwida biex l-evalwazzjoni tkun ekwivalenti għal kull applikazzjoni. Apparti li kien ikkonfermat li l-applikanti kienu konformi mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji, il-Bord daħal fid-dettall tal-kontenut ta’ kull applikazzjoni individwali sabiex ikun żgurat li l-proġetti proposti jkunu verament qed jolqtu l-kunċett inklussiv. Fejn l-affarijiet ma kinux ċari, intalbet kjarifika jew inkella saret żjara fuq il-post. Saret ukoll referenza għall-proġetti tal-istess għaqdiet/soċjetajiet applikanti, li ġew iffinanzjati fis-snin ta’ qabel biex ikun assigurat li ma jiġux finanzjati proġetti repetuti u għalhekk ma jkunx hemm double-funding. Aktar informazzjoni fuq il-proġetti taħt l-iskema Soċjetajiet Mużikali Aktar Inklussivi 2022 tinstab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Enemalta – serq u tbagħbis ta’ meters

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il dikjarazzjoni ta' serq u tbagħbis ta' meters daħlu għand l-Enemalta minn meta l-Gvern ħabbar maħfra lil min seraq l-elettriku? Tista' tagħti break down skont il-lokalità ta' fejn kienu jinsabu dawn il-meters? Tista' tgħid kemm-il dikjarazzjoni ġiet mingħand negozji u kemm minn djar residenzjali? Min kienu l-membri tal-kumitat li aċċettaw dawn id-dikjarazzjonijiet? Kemm kien l-ammont li l-Gvern irċieva minn dawn id-dikjarazzjonijiet? Min huma l-avukati li qed jirrappreżentaw lill-Enemalta f'dawn il-każijiet u kemm qed jitħallsu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.

Enemalta – każijiet dwar spejjeż kawżati fi djar kawża ta’ ħsarat fil-provvista tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' każijiet li tressqu lill-Enemalta dwar spejjeż ikkawżati fi djar f'Malta u Għawdex kawża ta' ħsarat fil-provvista tad-dawl, kawża minn qtugħ tal-provvista jew xort’oħra mill-Enemalta jew mill-power station fis-snin 2019, 2020, 2021 u 2022?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Enemalta rċeviet 613-il talba għal kumpens minħabba allegat ħsarat jew qtugħ fil-provvista tal-elettriku. Fl-istess perjodu rċeviet 241 talba oħra għal kumpens għal ħsarat oħra fosthom f’bini jew vetturi allegatament ikkawżati mill-infrastruttura tal-Enemalta. L-ebda waħda minn dawn it-talbiet ma kienet dovuta kawża ta’ qtugħ tal-provvista mill-Power Station.

Impjanti tal-Magħtab/Għallis – gass maqbud

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-ammonti ta' gassijiet li ġew maqbuda s'issa (xahar b’xahar u sena b’sena) mill-Impjant tal-Magħtab/Għallis? X'sar minn dan il-gass? Tista' tgħid jekk ġiex iġġenerat xi elettriku minn dan is-sors ta' enerġija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 2 tabelli bl-informazzjoni mitluba tal-gassijiet li ġew maqbuda s'issa. Dan il-gass ġie ttrattat kif spjegat hawn taħt. It-tabella A - Għallis Landfill - turi ġimgħa b'ġimgħa (kol B): • l-ammont ta' gass tal-miżbla ġġenerat mill-miżbla tal-Għallis ittrattat permezz tas-CHP, mill-2012 (kol C) sal-2023 (kol AF) • l-enerġija ġġenerata permezz tas-CHP mill-2012 (kol D) sal-2023 (kol AH) • l-ammont ta' gass flared, mill-2016 (kol L) sal-2023 (kol AG) · ringiela 58 turi l-valur annwali Tabella B - Magħtab + Żwejra - turi ġimgħa b’ġimgħa (kol B) l-ammont ta’ gass ittrattat permezz ta’ RTO mill-2013 (kol C) sal-2023 (kol M). Filwaqt li ringiela 58 turi l-valur annwali.

FIAU – Compliance Monitoring Committee — membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pakketti finanzjarji li għandhom il-membri tal-Compliance Monitoring Committee fi ħdan il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU)?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-membri tal-FIAU ‘Compliance Monitoring Committee’ mhuma mħallsin l-ebda salarju jew paga jew xi tip allowance talli jkunu parteċipi f’dan il-kumitat.

MFSA – Executive Commitee — membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pakketti finanzjarji li għandhom il-membri tal-Executive Committee fi ħdan l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA)?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

MFSA – Executive Commitee – membri li ddikjaraw kunflitt ta’ interess

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm istanzi fis-snin 2020, 2021 u 2022 fejn membri tal-Executive Committee fi ħdan l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) iddikjaraw kunflitt ta' interess u ma pparteċipawx f'deċiżjonijiet? Meta kienu dawn l-istanzi u liema kienu l-membri tal-Executive Committee?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Mellieħa – fdalijiet ta’ valur storiku fil-Pjazza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fid-dettall xi fdalijiet ta’ valur storiku nstabu fil-Pjazza tal-Mellieħa waqt ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fil-parti ċentrali tal-pjazza ġew identifikati numru ta’ ċisterni, fejn waħda minnhom ġiet investigata sa fond ta’ 2.10 metri. Iċ-ċisterna li hi maqtugħa fil-blat nstabet miksija bis-siment u mimlija b’radam. Infurmat ukoll li numru ta’ kanali maqtugħin fil-blat, li jistgħu jkunu relatati ma’ attività tal-barrieri, ġew ukoll identifikati.

Mellieħa – xogħlijiet fil-Pjazza — fdalijiet storiċi

Question

Jista’ l-Ministru jassigura li waqt li kien u għadu għaddej xogħol fil-Pjazza tal-Mellieħa ma saret l-ebda ħsara lill-fdalijiet storiċi u ta’ valur li nstabu waqt li kien għaddej l-istess xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fil-pjazza tal-Mellieħa huma kollha suġġetti għal monitoraġġ arkeoloġiku, taħt id-direzzjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Infurmat ukoll li l-metodoloġija li ġiet addottata tul ix-xogħlijiet assigurat li l-fdalijiet ġew immedjatament identifikati sabiex ma ssirilhomx ħsara.

Mellieħa – sejbiet ta’ valur storiku fil-Pjazza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi se tkun qed tieħu s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali Malti dwar għadd ta’ sejbiet ta’ valur li nstabu fil-Pjazza tal-Mellieħa waqt xogħlijiet li ilhom għaddejjin xhur? Dan sabiex ma ssir l-ebda ħsara fuqhom u jkun assigurat li dawn il-fdalijiet jiġu ppreservati u kkonservati sabiex ikunu jistgħu jitgawdew mill-pubbliku Malti u t-turisti li jżuru ż-żona.

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li ċ-ċisterni ser jiġu ppreservati fuq il-post (in situ) u fejn hu possibbli ser jitpoġġew tappieri sabiex ikun hemm aċċess u jkun possibbli li jsiru iktar investigazzjonijiet.

Teatru Manoel – impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm żdiedu impjegati mat-Teatru Manoel fis-snin 2013, 2014, 2015, 2016, 2017, 2018, 2019, 2022 u 2023 s’issa? Jista’ jipprovdi lista tal-ħaddiema, f’liema grad daħlu kull sena u f’liema grad jinsabu llum il-ġurnata? Jista’ jgħid kemm hemm ħaddiema seconded minn entitajiet oħrajn tal-Gvern u minn fejn ġew seconded? F'liema grad kienu meta daħlu u f'liema grad jinsabu fih illum? Jista’ jgħid kemm daħlu impjegati ġodda kull sena mill-2013 sal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Tlabt sabiex it-tagħrif jinġabar.

Teatru Manoel – job description tal-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-gradi kollha li hemm fit-Teatru Manoel? Jista’ jagħti rendikont tal-job description ta' kull grad li hemm fit-Teatru Manoel? Jista’ wkoll jikkonferma li kull grad qed jaħdem skond il-job description li għandu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni tinsab fit-tabella t’hawn taħt: CEO COO Assistant Director - Marketing & Audience Development Senior Manager Production & Events Senior Manager - HR & Admin Manager Facilities Manager Education Programme Senior Executive Secretary Executive Booking Office Executive Stage Artist Executive Wardrobe Mistress Executive Light Technician Executive Officer - Procurement Executive Officer (Stage Crew) Executive Accounts & HR Officer Maintenance Officer Stagehand Officer (Booking Office and Cultural Service) Officer Wardrobe Officer Stage Crew Officer Administration Assistant Officer Tradesman (Wardrobe) Officer (Light Technician & Stage Crew) Theatre Attendant

Teatru Manoel – impjegati li jieħdu xi forma ta’ allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fit-Teatru Manoel hemmx xi ħadd li qed jieħu xi forma ta' allowance għal xogħol li qed jagħmel iżjed mill-grad tiegħu? Jista’ jgħid ukoll f'liema grad u jikkonferma li m'hemmx biżżejjed nies biex jagħmlu dan it-tip ta' xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fit-Teatru Manoel m’hemm ħadd li qed jieħu xi forma ta' allowance għal xogħol li qed jagħmel iżjed mill-grad tiegħu.

Marsaskala – servizz lill-persuni b’diżabilità fil-Vajrita

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ilu wieqaf is-servizz tal-persuni b’diżabilità intellettwali li kien mogħti fil-Vajrita, f’Marsaskala u meta se jerġa’ jinbeda mill-ġdid dan il-proġett biex ilaħħaq mad-domanda ta’ persuni b’diżabilità intellettwali li qegħdin fil-lista ta' stennija?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport waqfet tagħti servizz mill-binja ta’ Vajrita f’Marsaskala erba' snin ilu. Il-persuni b’diżabilità li kienu jagħmlu użu minn dan is-servizz, bdew jingħataw servizz residenzjali u/jew matul il-jum minn binjiet oħra u għalhekk ma kienx hemm waqfa fl-għoti tas-servizzi lil dawn il-persuni. Il-permessi tal-bini mill-Awtorità tal-Ippjanar inħareġ fl-4 ta’ Ottubru 2022. Se jinbeda l-abbozzar tat-tender għal xogħlijiet strutturali. Il-bini jibda wara li jinħareġ t-tender u jiġi aġġudikat b’suċċess. Tajjeb li nżommu f’moħħna li minn meta kien ġie ppjanat l-iżvilupp u l-operat ta’ din id-dar, sar tibdil fil-prinċipju tal-użu ta’ dan il-proġett biex jigi rispettat l-Artiklu 19 tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, jiġifieri li jimxi lil hinn mill-istituzzjonijiet u jipprepara aktar persuni b’diżabilità biex jgħixu fil-komunità.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal – Każijiet pendenti għal servizzi mogħtija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ każijiet pendenti f’kull servizz li jingħata mill-Ministeru għall-Politika Soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tispeċifika iżjed il-mistoqsija tagħha.

Ħal Safi, Imqabba u Ħal Kirkop – ħruġ ta’ permessi għal tined/canopies

Question

Jista' l-Minstru jgħid kemm inħarġu permessi għal tined/canopies mill-1 ta' Jannar 2022 sal-aħħar ta' Jannar 2023 f'Ħal Safi, fl-Imqabba u f’Ħal Kirkop?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar.

Energy Performance Certificates

Question

Minħabba li sa minn Ġunju 2022 għadhom ma ġewx imwieġba l-mistoqsijiet parlamentari 1981 u 5572, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati, sena sena u sakemm qed titwieġeb din il-mistoqsija, Energy Performance Certificates (EPCs) għall-ewwel darba, maqsuma bejn bini jew installazzjonijiet privati, pubbliċi u kummerċjali? Kemm minn dawn skadew? Kemm minn dawk li skadew reġgħu ġew imġedda u kemm minn dawk li skadew għadhom skaduti? Kemm mir-rakkomandazzjonijiet li saru fiċ-ċertifikati li saru fl-ewwel ċertifikat ġew implimentati sakemm saret iċ-ċertifikazzjoni sussegwenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qiegħed jinġabar.