Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — ftuħ tas-CDAU

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta huwa ppjanat li jiftah iċ-Child Development Assessment Unit (CDAU) ġewwa Ghawdex?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għadejjin diskussjonijiet mal-Ministeri għall-Edukazjoni u għal Għawdex dwar dan.

Naxxar – disability hub – fdalijiet storiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-fdalijiet ta’ importanza arkeoloġika li nstabu fis-sit fejn kien ippjanat li jinbena d-disability hub fin-Naxxar? X’investigazzjonijiet saru fuq l-istess sit minn meta nstabu? Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ studji li saru minn Heritage Malta, jew minn xi awtorità/dipartiment ieħor, fuq dan is-sit? Meta hu mistenni jinforma jekk baqax iktar stħarriġ xi jsir fir-rigward tal-wirt storiku f'dan is-sit? Jekk iva, xi stħarriġ baqa' u meta hu ppjanat li dan jiġi konkluż?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li fis-sit fejn kien ippjanat li jinbena d-disability hub fin-Naxxar instabu numru ta’fdalijiet arkeoloġiċi li jmorru lura għal perjodi differenti u li l-importanza tvarja skond it-tip. Infurmat li l-aktar fdalijiet numerużi li nstabu huma dawk marbuta mal-agrikoltura u dawn jikkonsistu f’diversi bjar, trinek, kanali u konki maqtugħa fil-blat u li huma strettament marbuta ma’ prattiċi tradizzjonali tal-agrikoltura Maltija. Infurmat wkoll li fl-istess sit instabu fdalijiet eqdem bħal ma huma barriera u qabar puniku. Rigward l-investiazzjonijiet illi saru infurmat li x-xogħlijiet kollha saru taħt is-sorveljanza u d-direzzjoni tas-Sovrintendenza u ġew segwiti l-prattiċi kollha sabiex l-investigazzjoni u dokumentazzjoni arkeoloġika kollha neċessarja saret mingħajr xkiel jew telf ta’ informazzjoni. Inolte, infurmat li f’dan il-każ ix-xogħlijiet saru min arkeologi independenti taħt it-tmexxija tas-Sovrintendenza. Infurmat illi r-riżultati għadhom fi stadju preliminari. Finalment, infurmat li l-istħarrig kollu neċessarju tlesta, iżda xorta waħda jibqa’ jsir monitoraġġ arkeoloġiku fil-fażijiet tat-tqattiegħ tal-blat u sa l-ewwel fażi ta’ kostruzzjoni.

Skejjel primarji u sekondarji – facilitators

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal fl-iskejjel primarji u dawk sekondarji li għadhom jistennew li jkollhom facilitator magħhom? Jista’ jgħid kemm hemm studenti li għandhom shared facilitator? Jista’ jagħti lista sħiħa ta’ liema skejjel primarji u sekondarji għandhom bżonn li jkollhom aktar facilitators għall-istudenti tagħhom?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Skejjel – tagħlim tas-CPR

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx intenzjoni li fiż-żmien li ġej, il-proċedura tas-CPR tiġi mgħallma lit-tfal kollha fl-iskejjel? Jekk iva, x'inhu l-pjan u lil liema etajiet ser ikun qed jiġi introdott dan it-tagħlim?

Response (GRIMA, CLIFTON)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Awtorità ta’ Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla – għoti ta’ liċenzja lill-AUM

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5723 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5118, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-kriterji speċifiċi li l-Awtorità ta' Malta tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla (MFHEA) għamlet lill-American University of Malta (AUM), biex din tkun tista’ tingħata l-liċenzja ħalli topera f’pajjiżna?

Response (GRIMA, CLIFTON)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Skejjel primarji – adaptive papers

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamanetari 5851, jista' l-Ministru jgħid jekk l-istudenti tal-primarja li qabel kienu jagħmlu l-karta alternattiva (li hija l-karta ta' eżami ta' livell iktar baxx li kienet tkun komuni għat-tfal kollha li jagħżlu li jagħmluha – liema karta mhux se tkun qed titkompla u l-istudenti se jkunu mħeġġa jagħmlu tal-anqas partijiet mill-karti prinċipali) u li issa mhux se jkunu qed joqogħdu għal eżami, humiex ser ikunu mitluba jibqgħu d-dar fil-jiem li fihom ikunu qed isiru l-eżamijiet?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Imrieħel – Skola sekondarja – forn bil-ħsara

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jissewwa l-forn bil-ħsara (li jintuża għall-fuħħar mill-istudenti tal-Life-Long Learning) fl-Iskola tal-Imrieħel (Sekondarja Kulleġġ Santa Tereża)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħat f'seduta oħra.

Ħ’Attard – Triq in-Nutar Zarb — rampa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3291, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se ssir ir-rampa li kienet tneħħiet fi Triq in-Nutar Zarb kantuniera ma’ Triq Ħal Qormi, f’Ħ’Attard? Ir-rampa li tneħħiet hija kantuniera ma’ Beldiam Jewellery.

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa ppjanat li issir rampa fi Triq in-Nutar Zarb kantuniera ma’ Triq Ħaż-Żebbug fil-ġimgħat li ġejjin.

Użu ta’ Pestiċidi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3539, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u li issa ġiet riferuta lilu, u jelenka f'liema post qiegħda Malta, fost il-pajjiżi Ewropej, fl-użu tal-pestiċidi? Jista' jgħid hux se jnaqqas l-użu tal-pestiċidi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Kompetenti għall-Użu responsabbli tal-Pestiċidi hija l-MCCAA li taqa' taħt il-Ministru responsabbli mill-Konsumatur. Però peress li konxji li dan is-suġġett għandu relevanza qawwija kemm għas-settur agrikolu li responsabbli għaliħ bħala Ministeru għall-Agrikoltura, nista’ nsemmi diversi miżuri li li qegħdin inwettqu sabiex nippromwovu t-tnaqqis u l-użu responsabbli tal-pesticidi. Fil-fatt, il-progett AGRIHUB, proġett ta’ aktar minn 2 miljun Ewro kofinanzjat mill-fondi Ewropej għall-Iżvilupp Rurali, huwa mmirat sabiex jippromwovi l-kunċett ta’ Integrated Pest Management bl-użu ta’ teknologija moderna. L-għan tal-AGRIHUB huwa li jservi ta' post fejn riċerkaturi, innovaturi, bdiewa u raħħala qed jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw prattiċi u teknoloġiji innovattivi agrikoli ġodda. Permezz ta’ dan il-proġett qed tinġabar informazzjoni mill-bdiewa biex niddokumentaw prattiċi agrikoli lokali, bnejna stazzjon ta’ monitoraġġ biex tiġbor informazzjoni minn sensors installati f’għelieqi, niżviluppaw strateġija ta’ riċerka, u qed nimplimentaw siti pilota għal ġestjoni integrata tal-pesti. Ir-riżultati qed jintuzaw sabiex jiġu ppreparati linji gwida dwar Integrated Pest Managment, bl-intenzjoni li jitnaqqas u jkun hemm użu responsabbli ta’ pesticidi. Il-bdiewa ser ikunu qed jiġu mgħejuna mill-Agriconnect li joffri għajnuna lill-bdiewa sabiex jaddottaw dawn il-prattiċi kif ukoll jibbenefikaw minn miżuri apposta permezz ta’ fondi ewropej taħt il-CAP Strategic Plan. Apparti minn hekk, dan il-Gvern sema’ u fehem li l-bdiewa lokali huma żvantaġġjati fl-aċċess ta’ pestiċidi organiċi u oħrajn aktar sostenibbli. Kien għalhekk li propiju kif wegħedna fil-Programm Elettorali tagħna propju f’miżura 595, f’Ġunju li għadda flimkien mal-kollega Ministru l-Onor. Julia Farrugia, b’ħidma konġunta bejn il-Ministeru tiegħi flimkien mal-MCCAA, ħabbarna li bdejna proċess ta’ reġistrazzjoni ta’ pestiċidi li huma diġa’ reġistrati fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea li iżda m’humiex reġistrati f’Malta. Dan wara diskussjonijiet li kellna mal-Kummissjoni Ewropea fejn spjegajna li ħafna drabi konna qed insibu diffikultajiet mill-manifatturi ta’ dan it-tip ta’ pestiċidi għaliex ma jarawx vijabilità fis-suq żgħir tagħna. Permezz ta’ proġett pilota saret reġistrazzjoni ta’ l-ewwel 3 pesticidi biex il-bdiewa tagħna wkoll jibda jkollhom firxa usa' ta’ dawn ir-riżorsi. Dan huwa proċess li se jkun wieħed kontinwu. Fl-aħħar u mhux l-inqas, aħna kommessi li nwettqu l-obbligi ta’ Malta bħala pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-European Green Deal.

Trabi ta’ koppji barranin

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm trabi li twieldu lill-koppji barranin mill-2021 sal-lum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Jannar 2021 sa 30 April 2022 ( l-aħħar statistika miġbura) twieldu 1406 trabi lil koppji barranin.

Ommijiet minn pajjiżi terzi li welldu trabi hawn Malta

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm ommijiet minn pajjiż terzi li welldu trabi hawn Malta mill-2021 sal-lum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-perjodu bejn 1 ta’ Jannar 2021 u 30 ta’ April 2022 kien hemm 1198 ommijiet ta' nazzjonalità minn pajjiżi terzi li welldu trabi hawn Malta.

Investigazzjoni fir-reklutaġġ tal-Pulizija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3326, jista' l-Ministru jgħid meta sar dan it-tibdil, jekk hux fil-bidu tal-kors jew qabel qagħdu għall-eżamijiet? Jista' l-Ministru jgħid jekk dan it-tibdil jgħoddx għall-intakes futuri ta' rekluti tal-pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirefferi għall-Mistoqsija Parlamentari 4645.

Bord tal-Akkademja tal-Bord Dixxiplinat tal-Pulizija — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Bord tal-Akkademja tal-Bord Dixxiplinat tal-pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Bord tal-Akkademja tal-Korpi Dixxiplinati huwa magħmul kif jidher hawn taħt: Chairperson Prof. Raymond Mangion Deputy Chairperson Dr Janice Formosa Pace PhD Bpsych PGDip ProbServ MSc Forensic & Legal Psychology Membru Commander AFM jew rappreżentant tiegħu Membru Kummissarju tal-Pulizija jew rappreżentant tiegħu Membru Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jew rappreżentant tiegħu Membru CEO Aġenzija Servizzi Korrettivi Membru Dr Edward Mifsud BSc (Chem&Biol), PGCE (Science), MSc (Agric Sc), DEAM, PhD (UCL - IOE) bħala rappreżentant tal-Universita ta’ Malta Membru Dr. Ann Marie Cassar bħala rappreżentanta tal-MCAST Membru Is-Sur Joseph Brincat Segretarja Is-Sa Sharon Borg Myatt

Testijiet tal-MRI U MRI taħt il-loppju – waiting list

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi twila, bħala ġranet, il-waiting list biex isir test ta’ MRI u MRI taħt il-loppju, u kemm hemm persuni jistennew għal din il-proċedura sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żmien ta’ stennija għall-MRI jiddeppendi mill-urġenza tal-każ. Fil-fatt, dawk li huma meqjusa bħala urġenti ma jistennewx biex jagħmlu l-MRI.

Testijiet tas-CT Scan – waiting list

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi twila, bħala ġranet, il-waiting list biex isir CT Scan u kemm hemm persuni jistennew għal din il-proċedura sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żmien ta’ stennija għal CT Scan jiddependi mill-urġenza tal-każ. Fil-fatt dawk li huma meqjusa bħala urġenti ma jistennewx biex jagħmlu CT Scan.

Sptar Mater Dei – Robots li jqassmu l-pilloli

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il robot li jqassam il-pilloli jinsabu fl-Isptar Mater Dei u f’liema wards/sezzjonijiet jinsabu u liema minnhom preżentement qed jiffunzjonaw u jagħtu l-mediċini?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 5476.

Ministeru għas-Saħħa – Persons of trust

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il person of trust jimpjega l-Ministeru għas-Saħħa u x’salarju għandhom kull wieħed u waħda minnhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 27.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva – persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il person of trust jimpjega l-Ministeru għall-Anzjanità Attiva u x’salarju għandhom kull wieħed u waħda minnhom?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 202 tas-seduta Numru 11.

Pulizija – persuni taħt l-età li nqabdu jikkonsmaw alkoħol f’Paceville u l-Belt Valletta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni taħt l-età legali nqabdu mill-Pulizija jikkunsmaw alkoħol f’Paceville u l-Belt Valletta b’mod separat minn Jannar sa Diċembru 2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi mill-informazzjoni miġbura mill-Pulizija mid-distretti konċernati, in-numru ta’ persuni taħt l-età legali li nqabdu jikkunsmaw alkoħol f’Paċeville u Valletta matul is-sena 2022 kien jammonta għal tletin (30).

Pulizija – Persuni li nqabdu jbigħu d-droga/sustanzi illegali f’Paceville

Question

Jista’ l-Ministru jgħid il-Pulizija kemm arrestaw persuni li nqabdu jbigħu d-droga/sustanzi illegali f’Paceville minn Jannar sa Diċembru 2022? Jista’ jgħid kemm minn dawn ittellgħu l-Qorti u kemm minnhom kienu reċidivi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi minn Jannar sa Diċembru 2022 ġew arrestati sebgħa (7) persuni li nqabdu jbiegħu d-droga/sustanzi illegali f’Paceville, li minnhom ħamsa (5) ittellgħu l-Qorti waqt li t-tnejn l-oħra għad hemm investigazzjonijiet għaddejjin. Ħadd minn dawk arrestati ma kien reċidiv.