B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3340, fejn il-Ministru qed jgħid li l-bye-law ġiet rifjutata għax "tikkonfliġġi ma’ policy nazzjonali dwar parkeġġ kontrollat", jista' l-Ministru jispeċifika għal liema policy fis-seħħ qiegħed jirreferi? Jista' jgħid ukoll kif Kunsill Lokali għandu jagħmel biex jimplimenta l-policy nazzjonali li qed jirreferi għaliha?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3340, fejn il-Ministru qed jgħid li l-byelaw ġiet rifjutata għax "tikkonfliġġi ma’ policy nazzjonali dwar parkeġġ kontrollat", jista' l-Ministru jgħid liema policies dwar parkeġġ kontrollat hemm fis-seħħ bħalissa u b'liema mod Kunsill Lokali jista' japplika biex jimplimentahom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2013 id-Direttur għall-Gvern Lokali kien informa lill-Kunsilli Lokali kollha li b’deċiżjoni tal-Kabinett l-applikazzjonijiet kollha pendenti tal-Iskema ta’ Parkeġġ Ikkontrollat (Residenzjali u Kummerċjali) qed ikunu sospiżi.
Għal din ir-raġuni u sakemm jinħareġ komunikat ieħor ma jistgħux ikunu milqugħa talbiet għall-Iskema ta’ Parkeġġ Ikkontrollat (Residenzjali u Kummerċjali).
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mid-Dipartiment tas-Sajd fil-gżira ta' Għawdex tul is-snin 2020, 2021 u 2022? Jista’ jgħid kemm ittieħdu passi fl-istess perjodu fil-gżira ta' Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm-il sid ġie mwiddeb mingħajr ma ttieħdu passi? Kemm minnhom tressqu l-Qorti? Jista’ jagħti break down sena b’sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2020, 2021 u 2022 saru 2,423 spezzjoni mid-Dipartiment f'Għawdex. Fl-istess perjodu kien hemm każ wieħed li kien meħtieġ li jittieħdu passi, u dan qiegħed fil-proċess li jitressaq il-Qorti. Barra minn hekk, kien hemm diversi każi fejn sidien ta’ bastimenti ġew imwiddba mingħajr ma kien hemm il-bżonn li jittieħdu passi ulterjuri.
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3811 u 4899 u jgħid kemm kien hemm u preżentement kemm hemm jaħdmu ħaddiema Għawdxin Malta f'dipartimenti, awtoritajiet, aġenziji u entitajiet governattivi, sena b’sena, mis-sena 2021 sal-lum? Jista' jgħid ukoll preżentement dawn il-ħaddiema ma' liema entità qed jaħdmu u xi grad huma?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub rigward l-ħaddiema li jidher li għandhom indirizzz fuq Għawdex huwa kif ġej:
Sena
Servizz Pubbliku
Awtoritajiet, Aġenziji u Entitajiet Governattivi li huma fid-dekasteru tal-Prim Ministru
2021
1,401
7
2022
1,621
8
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4913 u jgħid fejn hemm għases tal-Pulizija fil-lokalitajiet f'Għawdex u kemm minn dawn qegħdin ikunu miftuħin għall-pubbliku u kemm le? Fil-każ tal-għassa tal-Pulizija tan-Nadur li kienet tinsab fi Pjazza San Pietru u San Pawl, jista' jgħid jekk din hux se terġa’ tinfetaħ għall-pubbliku u jekk le, għaliex? Jista' jgħid jekk il-Korp tal-Pulizija għaddiex lura l-binja ta' din l-għassa lis-sidien, peress li din kienet fil-kera u jekk iva, fejn hu l-ħsieb li ssir l-għassa ġdida fin-Nadur?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nitlob lill-Onor. membru sabiex jagħmel referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5671. Il-Korp tal-Pulizija jħallas kera għall-għassa tan-Nadur, u tinfetah skont l-esiġenzi tas-servizz.
Għawdex – Skejjel Primarji ta’ Kerċem, Żebbuġ, Għarb u diversi skejjel oħra – xogħol ta’ tisbiħ u modernizzar
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3647, 4088 u 4866 u jgħid matul is-sena 2022 sal-lum kemm kienet in-nefqa:
a. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja ta' Kerċem;
b. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja taż-Żebbuġ;
ċ. fuq it-tisbiħ u modernizzar tal-Iskola Primarja tal-Għarb; u
d. fuq it-tisbiħ ta' diversi faċċati ta' diversi skejjel f'Għawdex?
F'kull każ, jista' jagħti data meta se jkun lest ix-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 4866.
B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2811, 3428, 3643, 3822 u 4862, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija kollha u jgħid:
a. min hi l-persuna li fil-preżent tpoġġiet tmexxi din it-taqsima u xi kwalifiċi għandha;
b. ma’ liema dipartiment suppost hija impjegata din il-persuna;
ċ. b'mod speċifiku kemm hemm Animal Welfare Officers f'din it-taqsima; u
d. xi grad għandhom it-tliet ħaddiema klerikali li hemm f'din it-taqsima.
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din is-sezzjoni qatt ma kien hemm u lanqas hemm uffiċjali li għandhom xi grad maniġerjali u kif ingħad fid-diversi risposti li ngħataw, din is-sezzjoni taqa’ taħt ir-responsabiltà diretta tad-direttur EkoGħawdex. Il-mistoqsijiet l-oħra ġew imwieġba ampjament fid-diversi risposti li ngħataw.
Port tal-Imġarr Għawdex – proġett għal triq ġdida bejn il-Port u Triq il-Madonna ta’ Lourdes
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 20759 u 22730 tat-13-il Leġiżlatura dwar il-proġett propost fil-Baġit 2019 għal triq ġdida bejn il-Port tal-Imġarr Għawdex u Triq il-Madonna ta' Lourdes f'Għajnsielem (triq alternattiva għall-Port tal-Imġarr), jista’ jgħid fiex waslu u meta bdew "il-konsultazzjonijiet pubbliċi mill-GRDA sabiex jiġu wkoll diskussi l-effetti ambjentali li tali proġett jista’ jikkawża"?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq għadha ma saritx.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4091 u ċjoè: B’konnessjoni mal-istudji li ġew ippubblikati fuq il-Metro, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar:
a. il-mod u d-data tal-individwi/ditta/soċjetà/għaqda li ġie/ġew ingaġġati jagħmlu l-istess studju; u
b. il-kopja tat-termini ta’ riferimenti/ingaġġar tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u/jew xi kumpaniji/ditta/individwi hekk ingaġġati?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw fondi lill-NGO San Umberto biex tkun tista' torganizza esibizzjoni fl-iskejjel tal-Gvern ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll minn liema line-up/fond ittieħdu dawn il-flus?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Inerpellant li l-Fond għall-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (Conservation of Wild Birds Fund) hu marbut ma' regolament 31 tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (L.S. 549.42) li jiġi ppubblikat kull sentejn. Dan il-Fond juża flus mil-vot tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi, flus li jinġabru mil-multi u miżati relatati mal-liċenzji tal-kaċċa u nsib. Minn dan il-Fond tingħata għajnuna finanzjarja, sa massimu ta' €100,000, lill-għaqdiet mhux governattivi, li jkunu konformi mal-Att dwar l-Organizzazzjonijiet Volontarji (Kap. 492), biex ikunu jistgħu jwettqu attivitajiet, proġetti, programmi u skemi relatati mal-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi. Kull proġett jingħata sa massimu ta’ €20,000. Il-proġett ‘School Exhibitions’ kien wieħed mill-proġetti li ngħata l-fondi mis-sejħa li ġiet ippubblikata fl-2021 skont il-kuntratt ‘Conservation of Wild Birds Funding Scheme Grant Agreement No. 1/2021’. Dan il-Fond jissussidja sa 80% tal-ammont totali ta’ kull proġett, għalhekk mill-ammont totali ta’ €9,936, li hu l-ammont totali li ġie dikjarat li se jiswa dan il-proġett, ‘School Exhibitions’ ħa jingħata l-ammont totali ta €7,948. Skont il-linji gwida tal-Fond, 50% tal-ammont dovut jingħata hekk kif jiġi ffirmat il-kuntratt, u l-50% l-oħra jingħataw meta il-proġett ikun konkluż. L-ammont finali jingħata biss meta l-Organizzazzjoni Volontarja tippreżenta l-irċevuti relatati mal-proġett u rapport finali. S’issa l-proġett ‘School Exhibitions’ li jinkludi wirjiet fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex, ingħata l-ammont ta’ €3,974. Skont l-irċevuti li se jiġu preżentati mill-Kaċċaturi San Ubertu wara li jiġi konkluż il-proġett f’Ġunju, huma se jingħataw il-50% l-oħra dovuti.
Ninformak ukoll li fl-istess approvazzjoni tal-proġett tal KSU ġew approvati u mogħtija fondi għal dawn il-proġetti
1.
Barn Owl Re-Introduction Phase IV
implimentat mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK).
2.
Turtle Doves Captive-breeding for Release into the Wild
Phase II
implimentat mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK).
3.
Tracking Mediterranean Gulls and Yellow-legged Gulls
implimentat min-BirdLife Malta (BLM)
4.
Making Malta Greener
implimentat min Kaċċaturi san Ubertu (KSU)
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5155, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-membri tal-bord tal-Malta Government Investment (MGI), li fir-rapport tal-Awditur Ġenerali nstab li ħadu ħlasijiet żejda mhux awtorizzati, hux se jagħtu lura dawn il-ħlasijiet lill-MGI fid-dawl li dawn kienu ħlasijiet irregolari?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’għandix x’in¿id mat-tweġiba li diġa’ tajt għall-Mistoqsija Parliamentari Numru 5155.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – konsulenti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5152, jista’ l-Ministru jgħid x’qed ifisser bil-kelma “SPU”?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kliem SPU jirreferi għall-iStrategic and Priorities Unit kif joħroġ mill-Manwal, li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser jieħu biex e-scooters li jintużaw fuq il-promenade, li huwa l-uniku post fejn ir-residenti jistgħu jimxu, ma jispiċċawx iweġġgħu lir-residenti li jkunu qed jimxu, b’mod partikolari dawk anzjani u tfal?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-liġi sussidjarja 499.67 hija preċiża fejn jidħol sewqan fuq il-promenades u veloċità:
"... veloċità massima ta’ għaxar kilometri fis-siegħa għal sewqan f’mogħdijiet tar-riġel, inkluż dawk mhux riżervati esklussivament għall-mixi, promenades, żoni pedonali u mogħdijiet għar-roti.". Hawnhekk qed nitkellmu fuq veloċità ta' ftit iktar minn kemm wieħed jimxi b'pass kemxejn mgħaġġel"..
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħol qiegħed isir fi Triq Brittanja, Raħal Ġdid ?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fi Triq Brittanja f’Raħal Ġdid, l-Enemalta qed tgħaddi cables ġodda mis-substation ta’ Triq is-Sultana biex issaħħaħ id-distribuzzjoni għall-konsumaturi ta’ dawk in-naħat. Waqt dawn ix-xogħlijiet, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet l-opportunità biex tibdel il-mains tal-ilma, tinstalla servizzi ġodda għar-residenti u tagħmel xogħol ta’ rinovar fuq il-manholes tad-drenaġġ.
Awtorità tal-Artijiet – kuntratt għal għoti ta’ konċessjoni fil-Bajja ta’ Little Armier
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta’ konċessjoni li ngħatat mill-Awtorità tal-Artijiet fil-Bajja ta’ Little Armier għat-tliet lidos li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
MFSA – lista ta’ promozzjonijiet u t-titlu tal-impjiegi
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-promozzjonijiet kollha, inkluż it-titlu tal-impjieg, li saru fi ħdan l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji bejn April tal-2013 u l-ġurnata li fiha titwieġeb din il-mistoqsija? Kemm hu l-pakkett finanzjarju, inkluż il-perkaċċi għall-imsemmija impjiegi?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex m'hemmx Ambaxxatur fl-Ambaxxata Maltija fil-Qatar? Jista' jgħid kemm ilu ma jkun hemm ambaxxatur ta' Malta fl-Ambaxxata Maltija fil-Qatar?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa Malta hija rappreżentata minn Charge d’Affairs ġewwa Doha, il-Qatar. Is-sena li għaddiet Malta kellha Ambaxxatur residenti fil-Qatar u tul din is-sena se tkun qed tappunta Ambaxxatur ġdid.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ambaxxaturi li mhumiex career diplomats?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-Ambaxxaturi Residenti hemm 13 li huma diplomatiċi tal-karriera u 20 li mhumiex diplomatiċi tal-karriera. Filwaqt li mill-Ambaxxaturi mhux residenti hemm 2 li kienu diplomatiċi tal-karriera u 29 li mhumiex diplomatiċi tal-karriera.