Legislature:
Category:
Reset
Active:

Financial Incentives for the Audiovisual industry — għoti ta' inċentivi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4339, 4896, 5647 u 5844 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont dettaljat ta’ kull inċentiv li ngħata taħt il-Financial Incentives for the Audiovisual Industry: Cash Rebate mill-2006 sal-2022 s’issa? Għal kull proġett, jista’ jinkludi l-isem tal-proġett, l-isem tal-kumpanija li bbenefikat mill-cash rebate, l-ammont li ngħata mill-Gvern bħala Cash Rebate, l-ispiża diretta tal-film f’Malta u l-ispiża indiretta (fuq riżorsi jew servizzi mill-UE) li kienet eliġibbli għal cash rebate?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Financial Incentives for the Audiovisual Industry — Korrispondenza

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5865, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, u l-mistoqsijiet parlamentari 4340 u 5646, li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Turiżmu u li issa ġew referuti lilu, u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha li għaddiet bejn il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-tibdil li tħabbar aktar kmieni din is-sena fil-Financial Incentives for the Audiovisual Industry: Cash Rebate? Jista’ jippubblika wkoll l-approvazzjoni li ngħatat mill-Kummissjoni Ewropea?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-iskema Financial Incentives for the Audiovisual Industry: Cash Rebate hija implimentata skond il-parametri applikabbli tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat, kif emendat. Hekk kif stabbilit f’dan ir-Regolament, kull għajnuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati fih, kemm dawk ġenerali u kif ukoll dawk speċifiċi għall-kategoriji rilevanti ta' għajnuna, għandha tkun eżentata mir-rekwiżit ta' notifika lil Kummissjoni skond l-Artikolu 108(3) tat-Trattat. F’dawn il-każijiet l-iStati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni, l-informazzjoni fil-qosor dwar il-miżura ta' għajnuna konċernata li hija eżentata skond dan ir-Regolament fil-format standardizzat stabbilit fl-istess Regolament. Din l-informazzjoni tiġi sussegwentament ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Kopja ta’ din il-pubblikazzjoni dwar l-iskema Financial Incentives for the Audiovisual Industry: Cash Rebate qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji – każijiet fl-2022

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ daħal għand l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji matul l-2022, xahar b’xahar, kemm minnhom ġew riżolti u kemm fadal pendenti?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-2022, l-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji rreġistra 151 ilment formali, kif ġej: Jannar: 12; Frar: 13; Marzu: 14; April: 9; Mejju: 12; Ġunju: 24; Lulju: 17; Awwissu: 5; Settembru: 11; Ottubru: 16; Novembru: 10; u Diċembru: 8. Mill-każijiet li daħlu fis-sena 2022, 108 każ kien baqa’ pendenti fl-aħħar tas-sena. Ma’ dawn wieħed iżid 638 enquiry u każijiet minuri li ġew riżolti fl-istess żmien li daħlu.

Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji – każijiet fl-2021

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ daħal għand l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji matul l-2021, xahar b’xahar, kemm minnhom ġew riżolti u kemm kien hemm minnhom pendenti sal-aħħar tal-2021?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-2021, l-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji rreġistra 167 ilment formali, kif ġej: Jannar: 16; Frar: 14; Marzu: 8; April: 16; Mejju: 18; Ġunju: 9; Lulju: 22; Awwissu: 15; Settembru: 10; Ottubru: 10; Novembru: 13; u Diċembru: 16. Mill-każijiet li daħlu fis-sena 2021, 98 każ kien baqa’ pendenti fl-aħħar tas-sena peress li wħud minnhom daħlu fl-aħħar xhur tas-sena. Ma’ dawn wieħed iżid 814-il enquiry u każijiet minuri li ġew riżolti fl-istess żmien li daħlu.

Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji – każijiet fl-2020

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ daħal għand l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji matul l-2020, xahar b’xahar, kemm minnhom ġew riżolti u kemm kien hemm minnhom pendenti sal-aħħar tal-2020?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-2020, l-Uffiċċju tal-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji rreġistra 145 ilment formali, kif ġej: Jannar: 13; Frar: 15; Marzu: 6; April: 11; Mejju: 2; Ġunju: 12; Lulju: 14; Awwissu: 12; Settembru: 13; Ottubru: 18; Novembru: 10 u Diċembru: 19. Mill-każijiet li daħlu fis-sena 2020, 81 każ kien baqa’ pendenti fl-aħħar tas-sena peress li wħud minnhom daħlu fl-aħħar xhur tas-sena. Ma’ dawn wieħed iżid 1084 enquiry u każijiet minuri li ġew riżolti fl-istess żmien li daħlu.

L-Imġarr, il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar – servizzi tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta’ servizzi tal-elettriku (arloġġi tad-dawl), skont il-kategoriji differenti ta’ servizzi, li hemm fl-Imġarr, fil-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar, rispettivament?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Naxxar – servizz tal-elettriku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hu l-konsum globali tal-elettriku li jintuża ġewwa n-Naxxar? Liema huma dawk id-distribution centres, substations eċċ. li jagħtu s-servizz tal-elettriku ġewwa n-Naxxar? Tista’ tgħid fejn jinsabu s-substations tal-elettriku fil-lokalità tan-Naxxar? Minn liema distribution centres tirċievi s-supply kull substation fin-Naxxar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsum tal-elettriku mis-substations tan-Naxxar is-sena li għaddiet kien ta’ 47,646MWh. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bil-lista tas-substations li l-Enemalta għandha fin-Naxxar u ma' liema Ċentri ta’ Distribuzzjoni dawn jinsabu mqabbda.

San Pawl il-Baħar – Telgħet ix-Xemxija – tiswija tal-moll

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-moll li jinsab taħt it-triq prinċipali tax-Xemxija, jiġifieri Telgħet ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, jiġi rranġat qabel jitkisser iktar, hekk kif bħalissa dan diġà fih ħafna ħsara?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ħal Qormi – Triq il-Furnar – tindif regolari

Question

Jista’ l-Ministru jara hux possibbli li Triq il-Furnar, f’Ħal Qormi, ikollha tindif iktar regolari matul il-ġimgħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li minħabba l-fatt li dawn it-toroq jakkomodaw diversi garaxxijiet tax-xogħol, il-knis ta’ dawn it-toroq isir regolarment kull nhar ta’ Sibt.

Ħal Qormi – Triq ir-Ragħaj – tindif regolari

Question

Jista’ l-Ministru jara hux possibbli li Triq ir-Ragħaj, f’Ħal Qormi, ikollha tindif iktar regolari matul il-ġimgħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li minħabba l-fatt li dawn it-toroq jakkomodaw diversi garaxxijiet tax-xogħol, il-knis ta’ dawn it-toroq isir regolarment kull nhar ta’ Sibt.

Ħal Qormi – Triq Armal – tindif regolari

Question

Jista’ l-Ministru jara hux possibbli li Triq Armal, f’Ħal Qormi, ikollha tindif iktar regolari matul il-ġimgħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li minħabba l-fatt li dawn it-toroq jakkomodaw diversi garaxxijiet tax-xogħol, il-knis ta’ dawn it-toroq isir regolarment kull nhar ta’ Sibt.

Naxxar – Disability Hub – allokazzjoni ta’ fondi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif inhu ppjanat li jintefqu t-€300,000 allokati għad-Disability Hub fin-Naxxar għal din is-sena?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà spjegat fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3655, l-ammont hu disponibbli għal bdil fid-disinn u l-kunċett tal-proġett li, fost affarijiet oħrajn, irid jirrispetta l-obbligi tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – taħriġ lill-ħaddiema dwar terremoti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5947, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex kien jikkonsisti kull wieħed mit-taħriġ imsemmi fit-tweġiba? Għal kull taħriġ li sar, kemm kien hemm persuni li ħadu sehem f’kull waħda mill-inizjattivi involuti? Għal kull taħriġ li sar, kemm għad hemm persuni li ħadu sehem f'dan it-taħriġ u għadhom impjegati mal-Protezzjoni Ċivili? Meta hu mistenni li jkun hemm programm ieħor ta’ taħriġ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-membri kollha tal-forza jieħdu taħriġ ta kif wieħed jaħdem meta jkun hemm kollass ta bini u kif wieħed għandu iqatta materjal u jqalleb qalb it-tifrik. Id-Dipartiment ikollu ukoll taħriġ speċjali għal tagħmir u għodda partikulari bħal drones, klieb, cameras u microphones għal taħt it-tifrik. Finalment isiru ukoll eżercizzji ta’ taħriġ li jkunu jissimulaw dan il-fatt u tingħata preferenza għal sezzjoni USAR (Urban Search and Rescue) għal dan it-taħriġ, peress li din is-sezzjoni tispeccjalizza f’dan it-tip ta’ xogħol, kif ukoll jingħata dan it-taħrig lil pumpiera oħra skond l-esiġenzi tas-servizz. · Ezercizzju ma THW (Germanja) 2010. 25 ruħ – Intbagħtu l-voluntiera tad-Dipartiment · Ezercizzju Twist 2013 30 ruħ – Intbgħatet is-sezzjoni USAR / voluntiera kif ukoll xi Uffiċjali tad-Dipartiment · Ezercizzju Simit 2015 120 ruħ – Kien sar gewwa Għawdex u Tramuntana ta’ Malta. Gew involuti il-pumpiera kollha ta 2 xiftijiet minn 3 u sezzjoni voluntiera · Ezercizzju Simit Tharsy 2022 25 ruħ – Sezzjoni USAR + membri minn Hal Far · Ezercizzju ma UK ISAR 2016. 25 ruħ – Sezzjoni USAR + voluntiera · Ezerċizzju PACES 2019 10 rwieħ – Ufficjali mid-Dipartiment · Dawn minbarra diversi ezercizzji zgħar oħra fejn ipparteċipajna b’osservaturi, jew oħrajn li saru lokali mid-DPĊ sabiex jiġu mħarrġa teams lokali. Rigward irtirar mill- 2013 kien hemm persuna waħda li irtirat mis-sezzjoni USAR, filwaqt li kien hemm xi 29 oħra li irtiraw mill-istazzjonijiet. Hemm il-ħsieb li ssir applikazzjoni oħra mal-UE rigward eżerċizzju ieħor din id-darba fuq skala nazzjonali.

Dipartiment tal-Protezzjoni ċivili — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema fi ħdan id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili? Minn dawn il-ħaddiema kemm-il persuna ħadet taħriġ dwar l-eventwalità ta' terremoti jew tsunami f’pajjiżna? Xi rwol għandhom dawn il-ħaddiema fi ħdan il-Protezzjoni Ċivili?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu fi ħdanu 283 impjegati li minnhom; · 22 minnhom iservu fl’Amministrazzjoni · 261 iservu fil-Forza Minn dawn il-261 kollha jieħdu taħriġ ta’ kif wieħed jaħdem meta jkun hemm kollass ta bini u kif wieħed għandu iqatta materjal u jqalleb qalb it-tifrik. Id-Dipartiment ikollu ukoll taħriġ speċjali għal tagħmir u għodda partikulari bħal drones, klieb, cameras u microphones għal taħt it-tifrik. Finalment isiru ukoll eżercizzji ta’ taħriġ li jkunu jissimulaw dan il-fatt u tingħata preferenża għal sezzjoni USAR (Urban Search and Rescue) għal dan it-taħriġ, peress li din is-sezzjoni tispeċċjalizza f’dan it-tip ta’ xogħol, kif ukoll jingħata dan it-taħrig lil pumpiera oħra skond l-esiġenżi tas-servizz. F’aħħar isir ukoll taħriġ ta kif tim għandu iġib ruħu barra minn Malta u kif l-ufficjali għandu jikkomunika mal-pajjiz affetwat, mal-EU u ma kulturi differenti. Dan it-taħriġ jingħata mill EU Civil Protection Mechanism u jsir lill Team Leaders, Deputy Team Leaders u oħrajn li jkunu jaqdu rwol specifiku f’dan it-tim.

Siġġiewi — Triq is-Siġġiewi - xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5982, jista’ l-Ministru jgħid x’kien jinvolvi x-xogħol li sar fi Triq is-Siġġiewi, fis-Siġġiewi, fi Frar u Marzu 2022 u kemm ġie jiswa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li sar fi Triq is-Siġġiewi, Siġġiewi kien jinkludi bdil ta’ soqfa ta’ ‘manholes’ eżistenti li kienu sfrundaw, kif ukoll tqaxxir u bdil tal-wiċċ tat-triq billi ngħata asfalt ġdid. Dawn ix-xogħlijiet ammontaw għal €393,109.40 (VAT mhux inkluż).

Taxxi mħallsa minn ħaddiema barranin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5893 u jgħid kemm tħallsu taxxi minn ħaddiema barranin li jgħixu Malta f’dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ taxxa fuq dħul imħallsa minn ħaddiema barranin li jgħixu Malta, sena b’sena mill-2012 sa 2021, kien kif ġej: Sena Taxxa (Euro) 2012 47,577,840 2013 54,361,310 2014 68,619,697 2015 83,017,819 2016 111,749,313 2017 130,472,541 2018 162,071,724 2019 193,259,720 2020 216,387,178 2021 250,194,797 L-ammonti msemmija jinkludu taxxa fuq perkaċċi relatati ma’ impjieg.

Kunsilli Lokali – ħlas ta’ dawl mill-produzzjoni tal-pannelli solari

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm qed jitħallsu lura l-kunsilli għal kull unit ta' dawl li qed jipproduċu mill-pannelli solari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-rata mħallsa lill-kunsilli lokali għall-elettriku esportat lejn il-grid tiddependi fuq liema arranġament ikunu daħlu fih meta installaw l-installazzjoni pannelli solari.

Pulizija – rapporti dwar każijiet ta’ serq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ serq irrapportati fis-snin 2018, 2019, 2021 u 2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ każijiet ta’ serq, irrappurtati lill-Pulizija huwa kif jidher fit-tabella riprodotta hawn taħt: Sena Ammont 2008 8127 2009 6843 2010 7769 2011 8520 2012 8690 2013 8469 2014 8198 2015 8653 2016 8821 2017 8255 2018 6528 2019 6631 2020 4578 2021 4478 2022 4612

Pulizija – rapporti dwar każijiet ta’ vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ vjolenza domestika rrapportati fis-snin 2018, 2019, 2021 u 2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi r-rapporti ta' vjolenza domestika kienu kif jidhru fit-tabella riprodotta hawn taħt. F’Ottubru 2020 twaqqfet Taqsima ta’ kontra l-Vjolenza Domestika u l-vjolenza a bażi tal-ġeneru fejn għall-ewwel darba vittmi ta' vjolenza domestika u vjolenza a bażi tal-ġeneru bdew jirċievu servizz minn uffiċjali mħarrġa għal dan l-għan. Dan kien akkumpanjat minn kampanja sabiex vittmi jersqu 'l quddiem u jirrappurtaw. Sena Ammont 2008 450 2009 543 2010 659 2011 848 2012 1028 2013 1024 2014 1048 2015 1205 2016 1272 2017 1257 2018 1341 2019 1325 2020 1645 2021 1741 2022 1830