Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija – rapporti dwar każijiet ta’ ħasil ta’ flus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ ħasil ta’ flus irrapportati fis-snin 2018, 2019, 2021 u 2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-każijiet ta’ ħasil ta’ flus irrapportati huma kif jidher fit-tabella riprodotta hawn taħt: Sena Ammont 2006 1 2007 0 2008 0 2009 0 2010 0 2011 0 2012 3 2013 2 2014 2 2015 17 2016 30 2017 23 2018 64 2019 85 2020 138 2021 202 2022 139

Santa Luċija – Triq il-Ġnien – Appartamenti ta’ Block 3

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-appartamenti ta’ Block 3, Triq il-Ġnien, Santa Luċija humiex se jiġu kkurati aħjar u ssirilhom il-manutenzjoni neċessarja interna u esterna?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull sena l-Awtorità tad-Djar tfassal programm ta’ riġenerazzjoni li jikkomprendi madwar 60 blokk f’lokalitajiet u Oqsma tad-Djar differenti u dan sabiex dawn il-binjiet, inkluż il-binja li qed issir referenza għaliha, jingħataw dehra aktar ġdida u ntejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti li jgħixu fihom.

Fgura – Triq Kottoner — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul din is-sena humiex se jsiru x-xogħlijiet neċessarji sabiex Triq Kottoner, il-Fgura tiġi rranġata mill-ġdid?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta varat proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali, fosthom dak tal-Fgura, fejn talbithom jagħtu lista ta’ toroq li għandhom bżonn xogħol infrastrutturali u li huma ta’ prijorità għal-lokalità tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jsiru fis-snin li ġejjn. Dan skont skeda dettaljata li għadha qed tiġi diskussa u miftiehma magħhom.

Marsa – Triq Aldo Moro – waqfien fit-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm investigazzjoni jew rapport preparat wara li kien hemm waqfien fit-traffiku nhar it-Tnejn 6 ta’ Frar 2023 mit-3.30.p.m sas-6.30.p.m fi Triq Aldo Moro, il-Marsa u t-toroq l-oħrajn? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu sabiex it-traffiku li weħel f’diversi partijiet tal-gżira, l-iktar fin-naħa t’isfel, jiġu mċaqilqa fuq toroq oħrajn?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f'seduta oħra.

Marsa – Triq Aldo Moro – waqfien fit-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm investigazzjoni jew rapport preparat wara li kien hemm waqfien fit-traffiku nhar it-Tnejn 6 ta’ Frar 2023 mit-3.30.p.m sas-6.30.p.m fi Triq Aldo Moro, il-Marsa u t-toroq l-oħrajn? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu sabiex it-traffiku li weħel f’diversi partijiet tal-gżira, l-iktar fin-naħa t’isfel, jiġu mċaqilqa fuq toroq oħrajn?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi dwar l-inċident li qed jirreferi għalih l-Onor. Membru, li seħħ nhar it-Tnejn 6 ta’ Frar 2023 waranofsinhar fi Triq Aldo Moro, il-Marsa, il-pulizija mill-għassa tal-Ħamrun ġew infurmati li kien hemm makkinarju li waqa’ waqt li kien qed jiġi trasportat u kien qed jostakola t-triq. Dawn mill-ewwel marru fuq il-post biex jevalwaw is-sitwazzjoni u jikkontrollaw it-traffiku waqt li raw li tingħalaq it-triq biex jiġi evitat kull periklu. Infurmat illi jassistu kien hemm ukoll uffiċjali minn TM u mil-LESA biex għenu fil-kontroll tat-traffiku. Minħabba li kien hemm tixrid ta’ żejt fl-istess triq, taw l-għajnuna tagħhom membri tal-Protezzjoni Ċivili. Dawn neħħew il-periklu biex sussegwentament setgħet tinfetaħ it-triq għan-normal. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija nitolbok tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Raħal Ġdid – Pjazza Antoine de Paule

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1390, 1657, 2056, 2928, 4461, 5066 u 5165, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda jsir ix-xogħol neċessarju fil-Pjazza Antoine de Paule, Raħal Ġdid u li almenu sal-aħħar tal-leġiżlatura preżenti dan se jiġi konkluż?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4461.

San Pawl il-Baħar — Xemxija - Moll tal-Veċċja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5987 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 959 fejn ingħad li d-dawl fuq il-moll tal-Veċċja, Xemxija, San Pawl il-Baħar, hu responsabilità tal-Kunsill Lokali, jista’ l-Ministru jara li dan il-moll, li fih hemm numru ta’ arbli bil-fanali, ikun mixgħul kollu fil-ħinijiet meħtieġa, speċjalment billejl? X’inhi r-raġuni għala dan il-moll issa ilu b’diversi arbli mitfijin għal numru ta’ xhur?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-istess Kunsill ser jara li jkun hemm kordinament meħtieġ sabiex kwalsiasi nuqqas li jista’ jkun hemm, jiġi indirizzat skont il-każ.

ACTU — Impjegati

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5942, tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-pjan biex jiġu ngaġġati iktar ħaddiema sabiex it-Taqsima tal-Aċċess għall-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija (ACTU) jkollha l-full complement?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa interess ta’ Aġenzija Sapport li din it-taqsima jkollha fi ħdanha n-numru ta’ professjonisti (Occupational Therapists u Speech and Language Therapists) adegwati biex tintlaħaq id-domanda tal-assessjar. Fl-aħħar xhur saret ħidma biex jiġu attirati iżjed professjonisti lejn l-ACTU, kif ukoll saret ħidma biex jitjiebu l-kundizzjonijiet u l-pakkett finanzjarju ta’ dawn il-professjonisti. Issir ħidma kontinwa wkoll ma’ studenti li jkunu qed jistudjaw għal Speech Therapists u anke Occupational Therapists, biex jiżdied l-interess b’mod speċifiku f’dan il-qasam tal-aċċess għall-komunikazzjoni u t-teknoloġija assistiva. L-ingaġġ ta’ iżjed terapisti jiddependi minn kemm jiggradwaw terapisti u kemm minnhom ikunu interessati li jaħdmu f’dan il-qasam speċifiku.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – miżuri favur l-ambjent

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'miżuri favur l-ambjent ħadet fid-dekasteru tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma favur l-ambjent hija prijorità ewlenija tal-Ministeru tiegħi u tal-Gvern inġenerali. Il-miżuri mwettqa huma bosta u jvarjaw; fost l-oħrajn dawn jinkludu miżuri relatati mat-tibdil fil-klima, it-tħaddir, ir-riabilitazzjoni ta’ siti protetti, l-immaniġġar tal-iskart, l-effiċjenza f’infrastrutturi varji, mhux l-inqas fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ilma, l-investimenti f’oqsma ta’ enerġija aktar nadifa, l-intrapriża, s-sostenibbiltà, u l-baħar. F’dan il-kuntest nistieden lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu. Sadanittant nirreferih ukoll għall-pubblikazzjoni dwar it-twettiq li ħareġ is-Servizz Pubbliku f’Ottubru li għadda; għalkemm ma tirreferix għal ħidma kollha li wettaq il-Ministeru, f’din il-pubblikazzjoni wieħed jista’ jsib sommarju tal-miżuri ewlenin li twettqu.

Tfal adottati minn Aġenziji tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tifel u tifla ġew adottati mill-Fondazzjoni tas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, FSWS - Direttorat għall-Kura Alternattiva - Servizzi ta' Adozzjoni (Aġenzija APPOĠĠ) fir-rigward ta' adozzjonijiet minn pajjiżi barra minn Malta (Intercountry Adoptions), mis-sena 2019 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda, maqsuma sena b'sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li diġà tajtu għall-mistoqsija parlamentari numru 4587.

Tfal Adottati minn Aġenziji privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tifel u tifla ġew adottati minn aġenziji privati fir-rigward ta' adozzjonijiet minn pajjiżi barra minn Malta (Intercountry Adoptions), mis-sena 2019 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda, maqsuma sena b'sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpallent sabiex jirreferi għat-tweġiba li diġà tajt, għall-mistoqsija parlamentari tiegħu stess, numru 4588.

Mosta — Plots Santa Margerita

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3919, jista’ l-Ministru jgħid meta se jsiru l-kuntratti tal-plots li ngħataw taħt il-Home Ownership Scheme, Issue tal-1987, hekk kif jidher li ċerti plots għadhom mhux esproprjati (Plot fiż-żona ta’ Santa Margerità fil-Mosta li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament)? Jista’ l-Ministru jgħid xi tkun il-pożizzjoni tal-eredi ta’ koppja li jiġu nieqsa mingħajr dan il-kuntratt fis-seħħ?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jgħaddi din il-mistoqsija lill-entità kkonċernata.

Taqsima tal-Kultura responsabbli għal Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3928 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u issa ġiet referuta lilu u jgħid kemm hemm staff fit-taqsima tal-kultura li huma responsabbli għal Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-taqsima tal-kultura hemm 11-il impjegat.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — ħaddiema b’diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati b'diżabilità fil-Ministeru tagħha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-terminu ‘persuna b’diżabilità’ huwa wieħed vast u mhux limitat għall-diżabilità fiżika biss. Għal fini ta’ protezzjoni tad-data personali tali informazzjoni ma tistax tiġi provduta.

Sptar Mater Dei – Insulina out of stock

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kienx hemm xi tip ta' insulina out of stock fl-Isptar Mater Dei bejn l-1 ta' Jannar 2022 u d-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jagħti liema żmien u kemm damet out of stock?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-insulina kienet in-stock fiż-żmien imsemmi minnu fl-Isptar Mater Dei.

Allied Health Professionals – għoti ta’ scrubs temporanji sakemm jinxtraw uniformijiet ġodda

Question

Fid-dawl li ma nxtrawx uniformijiet ġodda għall-Allied Health Professionals, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux se jingħataw scrubs temporanji sakemm jinxtraw l-uniformijiet il-ġodda?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħda tiġi diskussa l-possibbiltà li jingħataw scrubs temporanji sakemm jinxtraw l-uniformijiet il-ġodda.

Sptar Mater Dei – Pubblikazzjoni ta’ menu tal-ikel li jingħata fis-swali

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jippubblika sample ta' menu tal-ikel li ngħata fis-swali tal-Isptar Mater Dei bejn it-8 u t-22 ta' Jannar 2023?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-menu kif mitlub minnu.

Mosta – Ċentru tas-Saħħa – servizz tat-tabib

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien il-ħin medju ta’ stennija għas-servizz tat-tabib fiċ-Ċentru tas-Saħħa, il-Mosta fix-xhur ta’ Diċembru 2022 u Jannar 2023 sakemm titwieġeb din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Diċembru, il-ħin medju ta' stennija għas-servizz tat-tabib fic-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta kien ta’ madwar sagħtejn u għoxrin minuta. Filwaqt li matul Jannar 2023 kien ta’ madwar sagħtejn.

Mosta – Ċentru tas-Saħħa – servizz tat-tabib

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien il-ħin medju ta’ stennija għas-servizz ta’ tabib fiċ-Ċentru tas-Saħħa, il-Mosta fix-xhur ta’ Diċembru 2021 u Jannar 2022?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Diċembru 2021, il-ħin medju ta' stennija għas-servizz tat-tabib fic-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta kien ta’ madwar tliet sigħat u ħmistax-il minuta . Filwaqt li matul Jannar 2022 kien ta’ madwar sagħtejn u nofs.