Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni – korrispondenza mibgħuta lil periti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’hini r-raġuni li korrispondenza mibgħuta mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) lil periti fir-rigward ta’ method statements u korrispondenza oħra relatata, tkun anonima u ħadd ma qiegħed jerfa’ r-responsabbiltà ta’ tali korrispondenza?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li korrispondenza mibgħuta mill-portal tal-BCA dejjem ikollha l-isem tal-uffiċjal li qed jibgħatha, dan minħabba n-natura amministrattiva tal-korrispondenza. Korrispondenza oħra li tintbagħat mis-sistema CRM tkun mingħajr l-isem tal-uffiċjal minħabba li l-uffiċjal tal-Awtorità jkun qed iwassal il-messaġġ tal-assessur.
Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni – ħruġ ta’ clearances
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’termini ta’ skadenzi hemm minn meta jiġi sottomess method statement mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) sa meta toħroġ il-’clearance’ neċessarja? Hemm xi tip ta’ relazzjoni fid-dewmien ta’ ħruġ ta’ clearances mal-kobor tal-proġett meta ġieli proġetti kbar tinħarġilhom clearance fi tlett ijiem ta’ xogħol (3 working days) u proġetti żgħar ġieli jdumu ġimgħat jistennew li toħroġilhom il-clearance?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jeżistu l-ebda termini ta’ skadenzi minn meta jiġi sottomess method statement lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni sa meta toħroġ il-clearance neċessarja. Lanqas issir distinzjoni bejn proġett kbir u proġett żgħir fi ħruġ ta’ clearance. L-Awtorità tagħmel l-almu tagħha sabiex tapprova fl-inqas żmien possibbli. Ħafna drabi l-kawża tad-dewmien biex joħroġ clearance tkun minħabba li l-method statement li ġie pprovdut lill-Awtorità ma jkunx konformi mal-liġi u b’hekk l-Awtorità titlob lill-perit konċernat sabiex jemenda l-method statement. Drabi oħra tkun minħabba li l-Awtorità titlob xi dokumentazzjoni oħra li toħroġ mil-liġi u l-periti konċernat iddum ma jibgħat risposta.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kompetenzi għandhom l-assessors tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) li jassesjaw il-method statements ta’ diversi proġetti peress li qed jitolbu informazzjoni mingħand periti li tkun diġà sottomessa fil-method statements u korrispondenza oħra relatata u b’hekk ikunu qed itawlu ż-żmien biex toħroġ il-clearance neċessarja bla bżonn? X’hini r-raġuni li kull korrispondenza minn dawn l-assessors tkun anonima u mhux iffirmata biex b’hekk ikun hemm it-trasparenza neċessarja?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-assessuri tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni kellhom il-Warrant biex jippratikaw ta’ Perit flimkien ma’ sentejn esperjenza relevanti minn meta rċevew il-warrant; kif kien mitlub mill-istess Awtorità meta ħarġet is-sejħa tal-assessuri u ġew ingaġġati. Għat-tieni parti tal-mistoqsija tiegħek ġentilment ninfurmak li l-assessuri ma jibgħatu l-ebda korrispondenza.
Ir-Rabat – Provvista tal-Elettriku fin-naħa tal-Wied tal-Isqof
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6174, tista' l-Ministru tara li tiġi riżolta l-problema tal-provvista tal-elettriku tar-residenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Enemalta marru fuq il-post kull meta l-persuna inkwistjoni għamlet rapport u li l-Enemalta għamlet it-tiswijiet u l-interventi meħtieġa.
Applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija naturalizzata
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija naturalizzata (by naturalisation) irċieva l-Ministeru għall-Intern jew l-entità rilevanti f’dawn l-aħħar ħames snin (mhux b’referenza għal persuni li ngħataw ċittadinanza għax kienu miżżewġin lil ċittadini Maltin)? Minn liema nazzjonalità dawn il-persuni kienu ġejjin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li matul il-perjodu 1/1/2018 – 31/12/2022 kien hemm 3,627 applikazzjoni għal ċittadinanza Maltija b’naturalizzazzjoni taħt l-artikoli 10 u 11 tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188).
Proċess tal-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija naturalizzata
Question
Ġaladarba l-liġi tagħmel referenza għad-diskrezzjoni tal-Ministru biex tingħata ċittadinanza Maltija naturalizzata, li nifhem li din tkun infurmata, jista’ l-Ministru jgħid fuq liema bażi ċ-ċittadinanza tintlaqa’ u fuq liema tiġi rrifjutata? Hemm sistema trasparenti ta’ kif dawn l-applikazzjonijiet jiġu pproċessati? Jekk iva, kif taħdem? Hemm sistema ta’ appell? Kemm hu ż-żmien medju minn meta ssir l-applikazzjoni sad-deċiżjoni finali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li kull talba għan-naturalizzazzjoni taħt l-artikoli 10 u 11 tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap. 188) tiġi kkunsidrata, kif dejjem sar minn meta ġie fis-seħħ dan l-Att fl-1965, fuq il-mertu tal-każ, wara li jsiru l-verifiki meħtieġa u jiġi stabbiliti li l-kriterji stipulati fl-istess Att u l-liġijiet sussidjarji tiegħu huma milħuqa. Sakemm ma jkunx hemm xi ċirkostanzi eċċezzjonali, iż-żmien medju hu ta’ madwar sitt xhur.
Peress li l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, Kap. 188, jagħmel referenza għall-għoti taċ-ċittadinanza għal persuni li taw “servizz eċċezzjonali” lir-Repubblika ta' Malta, jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċittadinanzi fuq din il-bażi f'dawn l-aħħar ħames snin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li gew approvati 9 applikazzjonijiet fuq mertu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Ligijiet Sussidjarja tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap 188).
Naxxar – bini ta’ distribution centre tal-elettriku
Question
B'referenza għall-applikazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar bir-referenza PA/03172/22 għall-bini ta' distribution centre tal-elettriku fin-Naxxar, tista' l-Ministru tgħid jekk kinux ikkonsidrati siti oħrajn għal dan id-distribution centre? Jekk iva, liema kienu u x'inhi r-raġuni għala ma ntgħażlux?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li deċiżjoni dwar bini ta’ Ċentru ta’ Distribuzzjoni tittieħed fuq diversi kunsiderazzjoni tekniċi. Kif ġie spjegat f’PQ 6268, in-Naxxar għandu 35 substation kollha li huma mqabbda ma' tliet ċentri tad-distribuzzjoni tal-Mosta, Buġibba u St Andrews. In-Naxxar huwa teknikament l-aktar post ideali li ġie identifikat biex jinbena Ċentru ta’ Distribuzzjoni ġdid li jkun jaqdi prinċipalment lil-lokalità u lokalitajiet iżgħar fil-qrib.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6171, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikolutra, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid x'azzjonijiet ħa dwar kompetizzjoni li seħħet nhar is-Sibt, 4 ta' Frar 2023, fejn għadd ta' summien li ġew imfaqqsa u trabbew fil-magħluq, ġew mitluqin u numru ta' kaċċaturi flimkien mal-klieb tagħhom setgħu joqtluhom? Jista' jispjega kif din l-attività setgħet issir ladarba l-Att dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali, Kap. 439 tal-Liġijiet ta' Malta, speċifikament jipprojbixxi dan u jsostni dan li ġej:
"8.(2) L-ebda annimal m'għandu jiġi mġiegħel isofri uġigħ, tbatija jew dwejjaq mingħajr bżonn jew jiġi soġġett għal attivitajiet li ma jkunux fin-natura tiegħu. L-ebda annimal ma jista’ jiġi abbandunat.".
Jista' jgħid din il-kompetizzjoni kif setgħet tiġi aċċettata li ssir jekk dawk is-summien ġew mitluqa u abbandunati?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Inerpellant li l-attività li saret nhar l-4 ta’ Jannar 2023 ma kinitx tinvolvi l-abbandun ta’ annimali, iżda r-rilaxx u kaċċa fuq summien imrobbi fil-magħluq għall-iskop ta’ taħriġ ta’ klieb tal-kaċċa. It-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) awtorizzat dan l-avveniment skont it-termini tar-Regolament 18(1)(a) tar-Regolamenti dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar Selvaġġi (S.L. 549.42).
Konvenzjoni Ramsar – projbizzjoni dwar l-użu ta’ sparar biċ-ċomb
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta u Għawdex hux se jaderixxu mal-Konvenzjoni Ramsar (bħall-bqija tal-Ewropa) li tipprojbixxi l-użu ta' sparar biċ-ċomb peress li dan jikkawża problemi tossiċi kbar kemm fl-għasafar kif ukoll fil-kreaturi kollha li possibbilment jixorbu minn dan l-ilma, f’artijiet pubbliċi u privati li huma mistagħdra (wetlands) jew li għandhom għadajjar sew jekk huma naturali kif ukoll jekk huma artifiċjali?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern diġà qed jissalvagwardja l-għan tal-Konvenzjoni. Dan għaliex iż-żewġ siti ta’ artijiet mistagħdra u l-madwar tagħhom designati taħt il-Konvenzjoni Ramsar huma santwarji tal-għasafar fejn il-kaċċa hija projbita, kif ukoll il-fatt li l-kaċċa minn fuq l-art hija projbita f'50m minn bajjiet protetti u anki minn fuq il-baħar f'distanza ta' inqas minn 3km mill-kosta.
Konvenzjoni Ramsar – projbizzjoni dwar l-użu ta’ sparar biċ-ċomb
Question
Jista l-Ministru jgħid jekk Malta u Għawdex hux se jaderixxu mal-Konvenzjoni Ramsar (bħall-bqija tal-Ewropa) li tipprojbixxi l-użu ta' sparar biċ-ċomb peress li dan jikkawża problemi tossiċi kbar, kemm fl-għasafar kif ukoll fil-kreaturi kollha li possibbilment jixorbu minn dan l-ilma, f’artijiet pubbliċi u privati li huma mistagħdra (wetlands) jew li għandhom għadajjar sew jekk huma naturali kif ukoll jekk huma artifiċjali?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Awtorità tal-Ippjanar – approvazzjoni ta’ permessi fuq art ODZ
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6117 u jgħid kemm-il permess ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar fuq art ODZ matul is-sena 2022?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li aktar minn 67% tal-permessi maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar, kif indikat minnu fl-2022, saru għal skop ta’ biedja jew sajd, faċilitajiet rikreattivi jew sportivi, għal servizzi komunitarji u mediċi, għall-immaniġġar tal-iskart u f’alterazzjonijiet fuq bini diġà eżistenti, li jinsab kompletament jew għandu biċċa mill-art ’il barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ).
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tat-tip ta’ żviluppi li ġew approvati f’dan ir-rigward matul is-sena li għaddiet.
Mellieħa – Żona tal-Għoljiet tal-Mellieħa – valur tal-art
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif inħadem il-prezz tal-valur tal-art li tinsab fiż-żona tal-Għoljiet tal-Mellieħa (Mellieħa Heights), fil-Mellieħa, li ħarġet b’tender mill-Awtorità tal-Artijiet (Avviż Numru 8 - Sit tal-Qortin) u kemm hu indikat allura l-istess valur?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-prezz tal-valur tal-art inħadem bil-valutazzjoni skont l-artikolu 79 tal-Att dwar Artijiet tal-Gvern, Kap. 573. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija l-informazzjoni diġà hija pubblika u tinsab fuq l-istess avviż li qed jelenka l-istess Onor. Interpellant.
Mellieħa – Żona tal-Għoljiet tal-Mellieħa – tender
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha relatati mal-ħruġ tat-tender li nħareġ mill-Awtorità tal-Artijiet (Avviż Numru 8 - Sit tal-Qortin ) relatat ma’ art fil-Mellieħa f’żona magħrufa bħala l-Għoljiet tal-Mellieħa (Mellieħa Heights)?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-dokumenti relatati mal-ħrug tat-tender huma diġà pubbliċi u aċċessibbli għal kulħadd fuq il-website tal-Awtorità.
Mellieħa – Żona tal-Għoljiet tal-Mellieħa – għoti ta’ art għall-Project Green
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jirtira t-tender ‘Avviż Numru 8 - Sit tal-Qortin fil-Mellieħa’ sabiex jidħol bħala parti mill-inizjattiva tal-Gvern mnedija minn Project Green u minflok din l-art, li tinsab fiż-żona magħrufa bħala l-Għoljiet tal-Mellieħa (Mellieħa Heights), tispiċċa f’aktar bini bla rażan, tingħata għat-tgawdija tal-ġid komuni fi spazju miftuħ?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sit inkwistjoni ilu pjanat għall-iżvilupp mill-Iskemi Temporanji tal-1988, bl-iżvilupp residenzjali jiġi stabbilit bil-pjan lokali 2006.
Il-Ministru jinforma wkoll lill-Onor. Interpellant illi fl-inħawi tal-Qortin hemm tal-inqas sitt żoni pjanati bħala żoni miftuħin għall-pubbliku.
Rigward il-mistoqsija tal-Project Green, nitolbok tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Mellieħa – Żona tal-Għoljiet tal-Mellieħa – talbiet għal ħruġ ta’ tenders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar 30 sena kienx hemm talbiet oħra għal ħruġ ta’ tenders fuq art fil-Mellieħa fiż-żona magħrufa bħala l-Għoljiet tal-Mellieħa - Mellieħa Heights, art li bħalissa inħarġet sejħa għall-offerti fuqha - Avviż Numru 8- Sit tal-Qortin - mill-Awtorità tal-Artijiet?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.
Mellieħa – Żona tal-Għoljiet tal-Mellieħa – oġġezzjonjiet għal tender
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux konxju/infurmat mit-talbiet/oġġezzjonijiet varji li qed jagħmlu numru kbir ta’ residenti li joqogħdu fiż-żona tal-Għoljiet tal-Mellieħa dwar il-ħruġ tat-tender ‘Avviż Numru 8 - Sit tal-Qortin’ mill-Awtorità tal-Artijiet fil-Mellieħa, liema tender ser ikun ifisser aktar bini bla rażan f’din iż-żona fil-Mellieħa?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministru huwa konxju minn dawn l-oġġezzjonijet.
Kerċem, Għawdex – Għadira ta’ San Rafflu — xogħlijiet
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 3368, 4095 u 6355, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fl-Għadira ta’ San Rafflu fil-limiti ta’ Kerċem? Jista’ jgħid liema awtorità hija inkarigata sabiex iżżomm l-ambjent tal-istess għadira nadif?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-uffiċjali tal-Ministeru marrux sabiex jeżaminaw l-istat li tinsab fih il-Pjazza Antoine de Paule, Raħal Ġdid, in vista tal-fatt li hemm ħafna traffiku li jgħaddi minnha u din jidher li għadha m’għaddietx lura f’idejn il-Kunsill Lokali?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-uffiċjali tal-Ministeru marrux jaraw it-tappiera li hemm fil-bidu ta’ Triq Ninu Cremona, Raħal Ġdid billi qiegħda tagħti fastidju bil-ħoss kull darba li jgħaddu l-karozzi minn fuqha?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6516 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.