Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel Speċjalizzati għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Gvern għandux pjan li jiftaħ iktar skejjel speċjalizzati għal persuni b'diżabilità (Resource Centres)? Jekk iva, jista' jagħti informazzjoni dwar dan?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li għalissa m’hemmx ħsieb li jinfetħu aktar skejjel speċjalizzati għal persuni b'diżabilità.

San Pawl il-Baħar – Toroq Prinċipali – miżuri ta’ sigurtà

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fit-triq prinċipali ta' San Pawl il-Baħar, Triq San Pawl, minn ħdejn ir-roundabout (li tagħti għax-Xatt il-Pwales u Triq Għajn Tuffieħa) sal-Veċċja, jkun hemm miżuri xierqa ta' sigurtà bħal zebra crossings eċċ.?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-triq msemmija hija triq li taqa' taht ir-responsabiltà tal-kunsill lokali ta’ San Pawl u li l-Awtorità m’għandha l-ebda applikazzjoni pendenti jew complaints fir-rigward ta’ nuqqas ta’ sigurtà mill-istess kunsill jew mir-residenti. Madanakollu l-Awtorità ser tkun qiegħda tikkomunika mal-kunsill fir-rigward ta’ dan is-suġġett.

Ministeru għat-Turiżmu — applikazzjonijiet pendenti għal-lokalitajiet tal-Imġarr, il-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema applikazzjonijiet pendenti għandu l-Ministeru jew xi entità li taqa' taħtu, quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għal-lokalitajiet tal-Imġarr, Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar? Jista' jagħti taghrif dwar liema permessi validi tal-Awtorità tal-Ippjanar għandu kemm il-Ministeru kif ukoll l-awtoritajiet/entitajiet li jaqgħu taħtu? F'kull każ x'inhu x-xogħol involut?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-segwenti huma l-applikazzjonijiet pendenti li għandhom l-entitajiet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar: · applikazzjoni biex jitneħħa t-taraġ tal-konkos eżistenti li jinsab fiż-żona tat-Tunnara l-Mellieħa (aċċessibbli minn Triq il-Marfa) u jerġa’ jinbena mill-ġdid kif inhu. Dan minħabba l-ħsarat li sofra matul iż-żmien. · Applikazzjoni għall-installazzjoni ta’ dawl fuq il-faċċata tal-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar. Intant, is-segwenti huma l-permessi validi: · applikazzjoni biex jiżżarmaw u jitneħħew elementi perikolużi eżistenti u r-rikostruzzjoni tal-istess elementi bħal dawk eżistenti fl-istore li d-Diviżjoni tat-Tindif għandha ġewwa l-Armier; · Tisbiħ tal-pjazza – Misraħ il-Parroċċa, Triq Salvinu Vella u Triq l-Inkurunazzjoni, Mellieħa; · Restawr tal-Istatwa tar-Ruħ, Mellieħa; · Tisbiħ ġewwa s-Salt Pans, Dawret il-Gżejjer, San Pawl il-Baħar; · Tisbiħ tal-Belvedere fi Triq San Franġisk ma’ Triq San Publiju, San Pawl il-Baħar; · Tisbiħ tas-sit li jinsab fi Triq il-Luzzu, f’żona pubblika ġewwa San Pawl il-Baħar; · Tisbiħ tal-Pjazza ta’ Buġibba; · Installazzjoni ta’ digital kiosk u smart bench fil-Pjazza ta’ Buġibba; · Restawr tal-Istatwa ta’ Għajn Rażul, San Pawl il-Baħar.

Sptar Mater Dei – ART Clinic – post vakat

Question

Jista' jgħid l-Prim Ministru jgħid għalfejn inħarġet espressjoni ta' interess għall-post li reċentement spiċċa vakat fl-inkarigu ta' responsible person tal-ART Clinic (Assisted Reproductive Technology) fl-Isptar Mater Dei u ma saritx sejħa pubblika normali ġewwa l-Isptar Mater Dei? Ma jaħsibx li sejħa pubblika tattira aktar persuni adatti għal din il-kariga importanti?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Sptar Mater Dei – ART Clinic – post vakat

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn inħarġet espressjoni ta' interess għall-post li reċentement spiċċa vakat fl-inkarigu ta' responsible person tal-ART Clinic (Assisted Reproductive Technology) fl-Isptar Mater Dei u ma saritx sejħa pubblika normali ġewwa l-Isptar Mater Dei? Ma jaħsibx li sejħa pubblika tattira aktar persuni adatti għal din il-kariga importanti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-post ta' Responsible Person tal-ART Clinic ser jimtela bi proċess kompetittiv intern.

Rabat – Triq Ġorġ Borg Olivier – ċitazzjonijiet lil sewwieqa ta’ inġenji kbar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet, matul is-snin 2021 u 2022 u matul din is-sena sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fi Triq Ġorġ Borg Olivier (Buschetto Road), fir-Rabat, minn uffiċjali tal-LESA u mill-Pulizija lil sewwieqa ta' inġenji kbar li għaddew minn din it-triq kontra r-regolamenti tat-traffiku?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6387 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Studenti Barranin – assessjar tal-livell lingwistiku Malti u Ingliż

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3208 u jgħid b'liema kriterji qed ikunu assessjati studenti barranin sabiex ikun stabbilit il-livell lingwistiku fil-Malti u fl-Ingliż qabel jiddaħħlu fil-mainstream classes jew le? Dan it-tip ta' assessjar qiegħed isir online jew le?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan l-assessjar isir b’sistema apposta kemm online u kif ukoll wiċċ imb wiċċ.

Mekkaniżmu tal-MATSEC

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3203 u jgħid jekk hemmx mekkaniżmu stabbilit mill-MATSEC, li permezz tiegħu t-30% mill-marka totali għall-eżamijiet tal-O’Level, li jinkisbu matul l-aħħar tliet snin tas-sekondarja u li se jibdew japplikaw mis-sena skolastika li jmiss (2023-2024), sabiex il-marki jkunu standardizzati bejn l-Iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u tal-Privat? Jekk hemm, min se jkun qiegħed jissorveljah?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istakeholders neċessarji kollha qablu li t-30% tal-marki fis-SEC għandhom jiġu minn xogħol mogħti u kkoreġut mill-għalliema stess. Mhu se jkun hemm l-ebda tip ta’ restrizzjoni fuq x’tip ta’ xogħol ser jingħata għaliex l-għalliem innifsu jista’ jagħraf il-bżonnijiet speċifiċi tal-istudenti tiegħu.

Palazz ta’ San Anton – plakki li hemm fil-Kappella

Question

Jista’ l-Ministru jelenka lista ta' plakki li hemm fil-Kappella li tinsab fil-Palazz ta’ Sant’Anton li juru min tgħammed u min iżżewweġ fl-istess kappella?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif jaf kulħadd, il-Palazz ta' Sant'Anton huwa fir-responsabbiltà tal-Uffiċċju tal-President.

MICAS – sejħa internazzjonali għal direttur artistiku

Question

Fid-dawl li f’Marzu 2022 il-Malta International Contemporary Art Space (MICAS) ħareġ sejħa internazzjonali għal direttur artistiku, jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna biex tieħu dan ir-rwol intgħażlitx u jekk iva, x’inhi r-remunerazzjoni li se tingħata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-proċess tas-sejħa kkonċernat għadu ma ngħalaqx.

MICAS – remunerazzjoni tad-direttur artistiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-remunerazzjoni tad-direttur artistiku l-ġdid hix se tkun koperta mill-fondi tal-Gvern li jingħataw lill-Malta International Contemporary Art Space (MICAS) jew hux se tkun koperta mill-fondi ġenerati mill-attivitajiet li jorganizza l-MICAS, fosthom il-MICAS Gala?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li r-remunerazzjoni tad-direttur tal-programm artistiku l-ġdid se tkun parti mill-ispiża għall-operat tal-MICAS.

Gżira – Triq D’Argens – problema ta’ għargħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandha l-Aġenzija għal Infrastruttura Malta biex tissolva darba għal dejjem il-problema ta' għargħar ikkawżata mill-ilma tax-xita fi Triq D'Argens, il-Gżira?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6401 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Gżira – Triq D’Argens – bus shelter “Imperu”

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jerġa' jiġi istallat il-bus shelter li kien istallat fil-bus stop bl-isem "Imperu" fi Triq D'Argens, il-Gżira u li waqa' kawża tal-maltemp?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’rrferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6402 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Reklamar dwar il-Baġit 2023 — Infiq

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont sħiħ u dettaljat tan-nefqa li saret għal reklamar dwar il-Baġit għas-sena 2023, inkluż nefqa għal reklami f'gazzetti, f'siti soċjali bħal Facebook, Twitter u permezz ta' Google kif ukoll fuq l-istazzjonijiet lokali tat-televiżjoni u tar-radju? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għall-ħlas dwar l-imsemmija reklami?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirrerefi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3619.

Fgura – Triq Hompesch — qtugħ fil-provvista tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tara li tissewwa l-ħsara li qed tikkawża qtugħ spiss ta' dawl fi Triq Hompesch, bejn Triq is-Sur u Triq San Tumas in-naħa tal-Knisja Parrokkjali, fil-Fgura, li qed twassal biex spiss din il-parti tat-triq, inkluż iz-zuntier tal-knisja, ikunu fi dlam ċappa, b'periklu għall-anzjani li jiffrekwentaw il-knisja filgħaxija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li żviluppat ħsara fil-feeder cable taħt l-art li jissupplixxi l-linji tal-elettriku tat-triq. Dawn it-tiswijiet tlestew nhar l-Erbgħa 15 ta’ Frar 2023.

Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi – direct orders

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5772, jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders MHUX lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament IŻDA kemm ingħataw direct orders mill-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi matul il-perjodu li l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, kienet Kap Eżekuttiv? Jista’ jipprovdi l-lista ta’dawn id-direct orders u l-valur tal-istess?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-informazzjoni qed tinġabar.

Domestic Violence Unit – Membri tal-Korp

Question

Fid-data meta tkun qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija, jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ pulizija li jaħdmu fi ħdan il-Unit tal-Vjolenza Domestika u r-ranks relattivi tal-istess pulizija li jaħdmu fi ħdan din il-unit? In vista tal-każijiet ta’ vjolenza domestika, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi s-sitwazzjoni fid-Dipartiment tal-Vjolenza Domestika?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi numru ta’ pulizija li jaħdmu fi ħdan it-Taqsima tal-Vjolenza Domestika u dettalji dwar il-gradi relattivi tagħhom jidhru fit-tabella hawn taħt. Dawn l-uffiċjali huma dedikati u mħarrġa f’dan ix-xogħol, biex jassistu lill-pubbliku meta dawn jiġu bżonn is-servizzi tagħhom. Infurmat li minn meta twaqqfet din it-Taqsima, żdiedu b’mod konsiderevoli n-numru ta’ rapporti dwar dan il-pjaga tas-soċjetà. Minn meta twaqqfet din it-taqsima fis-sena 2020 fuq parir ta’ diversi professjonisti u anke l-GREVIO kien hemm ukoll żieda fl-ammont ta’ uffiċċjali f’din it-taqsima. Taqsima dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Assistent Kummissarju 1 Supretendent 1 Spetturi 5 Surġenti 11 Kuntistabbli 22 Kuntistabbli ta’ riserva 3 Mpjegati Ċivili 1 Total 44

Pjan għal żewġ hubs li jaħdmu fuq il-każijiet tal-vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ġie abbandunat il-pjan li jkun hemm żewġ hubs f’Malta li jirċievu u jaħdmu fuq il-każijiet tal-vjolenza domestika?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi mhux minnu li ġie abbandunat il-pjan li jkun hemm żewġ hubs f’Malta li ser jiffukaw u jaħdmu fuq il-każijiet ta’ vjolenza domestika. Fil-fatt qed isir xogħol għal hub li sar fl-Għassa tal-Pulizija f’Sta Luċija, li ser tkun waħda minn dawn il-hubs għal vittmi ta’ vjolenza domestika. Ukoll ser jitħabbar it-tieni hub fi żmien qasir.

DASH Risk Assessment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fil-każ ta’risk assessments id-DASH Risk Assessment qed jintuża għal kulħadd, anke għal abbuż minn ulied fuq ġenituri jew aħwa fuq aħwa, meta l-mistoqsijiet huma speċifikament indirizzati għall-partners u miżżewġin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Kapitolu 581 tal-Liġijiet ta’ Malta li hu l-Att dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u Vjolenza Domestika, jinkorporha fih kull tip ta’ abbuż li jseħħ f’ambjent domestiku. Il-Liġi ma tittrattax biss vjolenza bejn partners jew miżżewġin, iżda tiġbor kull tip ta’ vjolenza domestika. Għaldaqstant, id-Domestic Violence Risk Assessment Service fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) jiġu mitluba jagħmlu ir-risk assessment ma’ dawk il-vittmi li jkunu qed jirrapurtaw lill- pulizija. Fil-każijiet li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, ir-risk assessors jieħdu l-fatturi li kollha qed jikkontribwixxu għar-riskju li l-persuna li tkun qegħda tirraporta tkun fih. Dawn il- fatturi joħorġu wkoll mir-risk assessment tad-DASH. Dawn il-fatturi jingħataw l-importanza massima u jiġu enfassizzati sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-vittmi kkonċernati. Ninforma lill-Onor. Interpellant li, t-taħriġ f’dan il-qasam huwa kontinwu u skont il-ħtiġijiet ġodda emerġenti li jkunu qed jiġu rrappurtati lis-servizz tal-Vjolenza Domestika fi ħdan l-FSWS. F’ dan il-kuntest, realtà pjuttost ġdida li ġiet innutata hija dik tal-vjolenza tat-tfal fuq il-ġenituri, l-hekk imsejħa child to parent violence. Hawn l-FSWS ħadet ħsieb illi tħarreġ lill-ħaddiema tas-sezzjoni taċ-Child to Parent Violence Service u anke ġew mħarrġa dwar metidoloġija oħra biex jiġu assessjati dawn il-kazijiet.

Xogħol ta’ risk assessments

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex hemm ħaddiema li jagħmlu DASH risk assessments li l-unika background ta’ studju tagħhom huwa fil-healthcare (MCAST), meta jrid ikun hemm minimu ta’ konoxxenza fil-psikoloġija jew suġġetti umanistiċi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mhuwiex infurmat sewwa dwar il-background ta’ studju tal- ħaddiema li jagħmlu DASH risk assessments. Infatti, kif qed ikun elenkat hawn taħt, il-kwalifiki ta’ 13-il risk assessors li jagħmlu DASH Risk Assessments huma: · B.A. Youth Work 1 persuna · Master’s in Spirituality 1 persuns · B.Psy. (Hons) 5 persuni · B.A. in Health and Social Care Management 3 persuni · B.A. Criminology 1 persuna · B.A. Psychology & Criminology 1 persuna · B.A.; M.A. in Teaching & Learning 1 persuna Nixtieq ukoll ninforma lill-Onor. Interpellant li, 2 mill-ħaddiema jinsabu wkoll fl-aħħar fażi tal-istudji tagħhom fil-Master’s in Forensic Psychology. Għal dan is-servizz, tintalab b’mod partikolari kwalifika fis-suġġetti umanistiċi.