Mellieħa – Żona tal-Għoljiet tal-Mellieħa – talbiet għal ħruġ ta’ tenders
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6502 u jgħid jekk fl-aħħar 30 sena kienx hemm talbiet oħra għal ħruġ ta’ tenders fuq art fil-Mellieħa fiż-żona magħrufa bħala l-Għoljiet tal-Mellieħa - Mellieħa Heights, art li bħalissa inħarġet sejħa għall-offerti fuqha - Avviż Numru 8- Sit tal-Qortin - mill-Awtorità tal-Artijiet?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni provduta lili mill-Awtorita hija li din hija l-ewwel darba li ħarġet sejħa għal tenders fuq l-art indikata mill-Onor. Interpellant. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja t-talba tat-tender hekk kif maħruġ mill l-Awtorità.
Logħob tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa – rappreżentazzjoni minn atleti li mhumiex ta’ nazzjonalità Maltija
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx atleti, li mhumiex ta’ nazzjonalità Maltija, li qegħdin fil-proċess li jintgħażlu, jew diġà ġew magħżula, biex jipparteċipaw f’isem Malta fil-Logħob tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa li ġejjin u li għalhekk se jieħdu post l-atleti ta’ nazzjonalità Maltija?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern ma jindaħalx f’tali għażla.
Logħob tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa – atleti li mhumiex ta’ nazzjonalità Maltija
Question
Jekk hemm atleti, li mhumiex ta’ nazzjonalità Maltija, li qegħdin fil-proċess li jintgħażlu jew li diġà ġew magħżula biex jirrappreżentaw lil Malta fil-Logħob tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa li ġejjin, jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa ta’ dawn l-atleti , in-nazzjonalità tagħhom u d-dixxiplini li se jkunu qed jipparteċipaw fihom?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali għall-akkwist tal-yacht tal-qlugħ "Viva Malta", li tnieda fil-21 ta' Diċembru 2022?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Il-Yacht Viva Malta kien mixtri minn Yachting Malta li hija joint venture bejn il-Gvern u r-Royal Malta Yacht Club. Din l-entità taqa’ taħt il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali.
Peress li l-yacht tal-qlugħ "Viva Malta" huwa yacht tekniku u kkumplikat ħafna biex jitħaddem, jista' l-Ministru jispjega r-raġuni għall-akkwist ta' yacht tal-qlugħ daqshekk ikkumplikat u tekniku?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant Ii l-Yacht ġie mixtri mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, għalhekk aħjar jekk il-mistoqsija tiġi diretta lil dak il-Ministeru.
Yacht tal-qlugħ — Tiġrijiet li se jkun qed jipparteċipa fihom
Question
Jista' l-Ministru jgħid f'liema tiġrijiet, kemm fil-Mediterran kif ukoll barra mill-Mediterran, se jkun qed jipparteċipa l-yacht tal-qlugħ "Viva Malta"? Jista’ jgħid f'liema dati se jkunu qed isiru dawn it-tiġrijiet, kemm se jkun kull ħlas ta' parteċipazzjoni għal kull tiġrija u meta se tkun l-ewwel tiġrija li fiha se jkun qed jieħu sehem dan il-yacht tal-qlugħ?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-programm tat-tlielaq ser ikun iffissat mill-Federazzjoni Maltija tal-Ibburdjar wara konsultazzjoni ma’ SportMalta. Hemm ħsieb li l-Yacht jieħu sehem f’disa’ tlielaq kull sena.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-baħrin tal-yacht tal-qlugħ "Viva Malta" hux se jkunu kollha Maltin jew kollha barranin jew jekk hux se jkunu kemm Maltin kif ukoll barranin?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-iskop tal-Yacht huwa li jagħti opportunità lill-baħħara Maltin jikkompetu fi tlielaq internazzjonali, peró jista’ jagħti l-każ li l-Federazzjoni titlob xi baħħara barranin jipparteċipaw f’xi tlielaq biex iħarrġu l-atleti tagħna.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk jistax jagħti l-awtorizzazzjoni biex tinfetaħ il-Communal Clinic f’Marsakala għat-teħid tad-demm (Phlebotomy) kull nhar ta' Sibt filgħodu minbarra matul il-ġimgħa, peress li ħafna persuni jaħdmu matul il-ġimgħa u hemm domanda biex jibdew jinqdew is-Sibt?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi teħid tad-demm bl-appuntament ġewwa l-Klinika fil-Komunità ta’ Marsaskala huwa diġà disponibbli u appuntament huwa ta’ anqas minn ħimistax-il ġurnata.
B’rabta mal-Aġenzija Legal Aid Malta, jista’ l-Ministru jgħid:
a. kemm ġew riferuti klijenti għal kawżi ċivili u kriminali bejn l-2018 u l-2021;
b. x’kienet ir-rata ta’ suċċess għal dawn il-każijiet li nqatgħu f’dan il-perjodu u jekk m’hemmx informazzjoni dwar dan, għaliex ma tinġabarx;
ċ. x’inhi l-proċedura jekk il-klijent ma jkunx kuntent bis-servizz legali li qed jingħata;
d. x’jiġri jekk l-avukat ma jkunx irid jirrinunzja mill-każ;
e. jekk hemmx kodiċi ta’ kondotta għall-avukati tal-għajnuna legali; jekk le għaliex le, u jekk iva x’jiġri meta dan jinkiser;
f. kemm hemm avukati li joffru s-servizz permezz tal-Uffiċċju tal-Għajnuna Legali; u
g. kemm jitħallsu fix-xahar dawn l-avukati?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-klijenti assistiti bl-għajnuna legali għas-snin mitluba huma hija kif tidher fit-tabella t’hawn taħt:
Ċivil:
Sena – assenjazzjonijiet
2018 - 338
2019 - 246
2020 - 129
2021 - 265
Kriminal:
Sena - assenjazzjonijiet
2018 - 597
2019 - 652
2020 - 626
2021 - 538
Ir-rata ta’ suċċess għal każijiet li nqatgħu ma tinġabarx peress li l-volum ta’ xogħol relatat għall-ġbir ta’ tali informazzjoni mhux qed tinġabar; iżda fil-preżent l-Aġenzija qed tikkrea sistema diġitali fejn l-Avukati jkunu jistgħu jgħaddu l-informazzjoni meħtieġa attwali.
Meta klijent ma jkunx kuntent bis-servizz li jingħata mill-avukat tal-Għajnuna Legali jista’ jirrikorri fl-uffiċini tal-Għajnuna Legali fejn jimla formola apposta u jieħu ġurament dwar il-fatti li nkunu ntqalu fil-formularju. Il-klijent jingħata wkoll twissija li jekk l-ilment ma jkunx veru jistgħu jittieħdu proċeduri ulterjuri kontrih/a. L-ilment jgħaddi għand il-management tal-Aġenzija fejn jitlob lill-avukat tal-għajnuna legali assenjat informazzjoni dwar il-każ partikolari. Meta l-management tal-Għajnuna Legali ma jkunx kuntent bir-risposta li ngħata mill-avukat, tinħareġ twissija informali lill-avukat assenjat fejn jintalab jirregola ruħu u jinfurmah li l-ilment jista’ jitmexxa lill-Kamra tal-Avukati jekk ikun meħtieġ. Meta jirriżulta li l-avukat tal-Għajnuna Legali jista’ jkollu kunflitt aggravanti mal-klijent, l-avukat jinforma lill-Aġenzija li ħa jkun qed jiġi ppreżentat rikors biex jitlob lill-Qorti biex jiġi sostitwit b’avukat tal-Għajnuna Legali li jkun immissu t-turn skont ir-roster tar-Reġistratur tal-Qorti. Ir-Reġistratur tal-Qorti Ċivili jinforma lill-Aġenzija bl-eżitu tad-digriet li jkun ħareġ.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali mhux obbligat li jirrinunzja l-każ assenjat lilu fl-interess tad-drittijiet kemm tiegħu u wkoll fl-interess legali tal-klijent u fil-fatt l-artikolu 924 tal-Kap. 12 tal-Liġijiet ta’ Malta jirreferi għall-piena għall-avukat jew prokuratur legali li jirrifjuta jagħti l-għajnuna tiegħu bla raġuni tajba. Meta ‘għal raġuni tajba’ (art. 918 tal-Kap. 12 tal-Liġijiet ta’ Malta) il-parti tkun trid titlob li l-avukat assenjat jiġi sostitwit, it-talba ssir lill-Qorti mill-Avukat għall-Għajnuna Legali assenjat lilu/lilha jew tramite l-Avukat għall-Għajnuna Legali assenjat mal-Aġenzija.
Il-kodiċi ta’ kondotta għall-avukati tal-Għajnuna Legali huwa l-istess bħalma jinstab fil-Code of Ethics and Conduct for Advocates maħruġ mill-Kamra tal-Avukati peress li l-Avukati għall-Għajnuna Legali għandhom l-istess warrant tal-professjoni legali. L-Avukati għall-Għajnuna Legali huma avukati li jagħtu s-servizz tagħhom b’kuntratt lill-Aġenzija wara sejħa li tkun saret. Meta ma jiġux osservati r-regoli tal-Kodiċi huma jistgħu jiġu riferuti lill-Kamra tal-Avukati u l-każ tagħhom jista’ jitmexxa lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja. F’kull kuntratt ma’ kull Avukat għall-Għajnuna Legali għandhom klawsola li tirreferi dwar dan.
L-Aġenzija Għajnuna Legali Malta kienet ħarġet sejħa fl-aħħar kwart tas-sena 2020 fejn kien ġie stabbilit li kellha bżonn:
1. Għoxrin (20) avukat għall-Għajnuna Legali f’Malta
2. Tliet (3) avukati għall-Għajnuna Legali f’Għawdex
3. Tliet (3) avukati assenjati għall-pariri lill-klijenti ta’ vjolenza domestika
Permezz tas-sejħa li nħarġet fis-sena 2020, l-Avukati jitħallsu kif ġej:
1. Avukati għall-Għajnuna Legali f’Malta u Għawdex jitħallsu €10,000 fis-sena u €180 fis-sena bħala kumpens għall-mezzi ta’ kommunikazzjoni
2. Avukati għall-Għajnuna Legali għall-pariri lill-klijenti ta’ vjolenza domestika tramite l-użu tat-telefown jitħallsu €7,800 fis-sena.
Child Protection Services – tfal fuq il-lista ta’ stennija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal fuq il-waiting list taċ-Child Protection Services?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li din is-sena, sal-lum, id-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Minuri irċieva 2185 rapport.
Dawn ir-rapporti kollha jiġu eżaminati preliminarjament, u anke dawk il-każijiet illi jidhru fuq il-“waiting list” ikunu ġew assessjati sabiex ikun stabbilit jekk: (a) il-każ ikunx qiegħed jippreżenta problemi jew riskji lejn minuri; u (b) x’inhu l-livell ta’ riskju preżenti fil-ħajja tal-minuri. Dan ifisser illi kemm-il darba każ jippreżenta riskji imminenti, serji u letali, il-professjonisti jaħdmu immedjatament sabiex ikun ikkontrollat ir-riskju.
Għaldaqstant it-terminoloġija “waiting list” tindika lista ta’ każijiet illi ġew assessjati bħala riskju baxx u wara li s-sitwazzjoni tal-minuri ġiet ikkontrollata. F’dawn il-każijiet id-Direttorat ikun qiegħed ukoll jgħin lill-familji, partikolarment il-ġenituri, biex itejjbu l-qagħda tagħhom. Minn dawn hemm 315-il kas. Dawn il-każijiet xorta jibqgħu jiġu mmonitorjati mid-Direttorat biex jekk ikun hemm deterjorament fil-qagħda tal-minuri l-każ jiġi allokat u jiskattaw azzjonijiet oħra skont kif provduti mil-liġi (Kap. 602).
Ftehim bilaterali ma’ pajjiżi li mhumiex membri tal-UE
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-pajjiżi li mhumiex stati membri tal-Unjoni Ewropea u li l-Istat Malti għandu ftehim bilaterali magħhom? Meta kien iffirmat dan il-ftehim u x’kien l-iskop li għalih ġie ffirmat? Jista’ jgħid liema minn dan il-ftehim kien emendat mill-2004 ’l hawn u liema ma kienx emendat u jagħti r-raġunijiet rispettivi?
Response (BORG, IAN)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehimiet kollha li Malta għandha ma’ pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea huma elenkati fis-sezzjoni ‘Trattati’ fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ. F’din is-sezzjoni wieħed isib ukoll kopja diġitali tal-ftehimiet infushom, kif ukoll dettalji bħalma huma d-data meta d-dokument ġie ffirmat.
Dawk il-ftehimiet relatati ma’ setturi ta’ kompetenza tal-Unjoni Ewropea, li kellhom jiġu abrogati jew emendati wara d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2004, huma wkoll elenkati f’din il-paġna fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ.
Il-pajjiżi mhux membri tal-UE li Malta iffirmat Ftehim magħhom huma:
It-Turkija; l-Albanija; l-Kosovo; l-Maċedonja ta' Fuq; is-Serbja; l-Montenegro; l-Bosnja u Ħerzegovina; n-Norveġja; l-Liechtenstein; l-Iżlanda; l-Iżvizzera; ir-Renju Unit; Andorra; San Marino; Monako; is-Santa Sede; l-Ordni Sovran Militari u Ospitalier ta’ San Ġwann ta’ Ġerusalemm ta’ Rodi u ta’ Malta.
Alġerija; Angola; Anguilla; Antigua u Barbuda; Arġentina; Armenia; Aruba; Ażerbajġan; Baħamas; Baħrejn; Bangladexx; Barbados; Belarus; Beliże; Benin; Bermuda; Botswana; Bra¿il; Brunei; Burkina Faso; Burundi; Kambodja; Kamerun; Kanada; Kabo Verde; Gżejjer Cayman; Ċili; Ċina; Kolombja; Kongo; Gżejjer Cook; Kosta Rika; Kuba; Djibouti; Repubblika Dominikana; Eġittu; El Salvador; Eritrea; Etijopja; Fiġi; Il-Gambja; Ġeorgia; Gana; Gwatemala; Ginea; Ħonduras; Indja; Iraq; Iran; Iżrael; Kosta tal-Avorju; Ġamajka; Ġappun; Ġordan; Kenja; Kiribati; Kuwajt; Kyrgyzstan; Latvja; Lebanon; Leżoto; Liberja; Libja; Madagaskar; Malawi; Malasja; Mawrizju; Messiku; Mikroneżja; Moldova; Molgolja; Marokk; Możambik; Mjanmar; Nauru; New Zealand; Niġer; Niġerja; Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea; Oman; Pakistan; Palau; Palestina; Paragwaj; Peru; Filippini; Qatar; Russja; Rwanda; Saint Kitts u Nevis; Saint Martin; Saint Vincent u Grenadines; Samoa; Sao Tome u Principe; Arabja Sawdita; Senegal; Seychelles; Sierra Leon; Singapor; Gżejjer Solomon; Somalja; L-Afrika t’Isfel; Repubblika tal-Korea; Sri Lanka; Sudan; Sważiland; Sirja; Taġikistan; Tanzanija; Tajlandja; Togo; Timor Leste; Tonga; Tuneżija; Turkmenistan; Uganda; Ukrajna; Emirati Għarab Magħquda; l-iStati Uniti tal-Amerika; Urugwaj; Uzbekistan; Vanwatu; Vjetnam; Zambja.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4199, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid x’qed isir minħabba nuqqas ta’ riżorsi fiċ-Child Development Assessment Unit (CDAU), speċjalment fejn jidħlu early interventions?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 4204.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4200, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid xi kemm idum biex jingħata l-psychological report lill-ġenituri biex dawn jaraw jekk uliedhom hux se jkollhom għajnuna ta’ LSE jew jekk hux se jkun LSE shared jew one-to-one? Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju minn dan id-dewmien esaġerat u jekk iva, x’qed isir?
Healthcare professionals speċjalizzati fuq diżabilitajiet komuni
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm healthcare professionals speċjalizzati fuq diżabiltajiet komuni?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport hija Aġenzija speċjalizzata fuq il-qasam soċjali tal-persuni b'diżabilità u għalhekk tħaddem numru ta’ Occupational u Speech Therapists. Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat dwar dak li għandu x’jaqsam mal-aspett mediku.
Healthcare professionals speċjalizzati fuq acquired disabilities
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm healthcare professionals speċjalizzati fuq acquired disabilities bħall-kundizzjonijiet tal-Fibromyalgia, Parkinson's u ALS fost oħrajn?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5256.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-impjieg tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, inkluż dokumenti addizzjonali għall-kuntratt, jindika x’perkaċċi, benefiċċji, allowances u salarji ħadet tul dawn l-aħħar ħames snin u jipprovdi wkoll kopja tal-assenjazzjoni jew kuntratt tagħha mal-aġenzija Infrastruttura Malta, inkluż il-grad tagħha?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata ġiet assenjata r-role ta’ Senior Manager fi ħdan Infrastructure Malta minn Settemberu 2022. Il-kuntratt tagħha huwa simili għal dak li l-istess persuna kellha fl-entità oriġinarja.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-impjieg tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, inkluż dokumenti addizzjonali għall-kuntratt, tindika x’perkaċċi, benefiċċji, allowances u salarji ħadet tul dawn l-aħħar ħames snin u tipprovdi wkoll kopja tal-assenjazzjoni jew kuntratt tagħha mal-aġenzija Infrastruttura Malta, inkluż il-grad tagħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li l-persuna li rrefera għaliha separatament kellha mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Fi tmiem dan il-kuntratt din il-persuna waqgħet fuq il-grad ta’ Managing Professional u sussegwentement bdiet taqdi dmirijiet ma’ Infrastracture Malta taħt “loan agreement”. Dan il-ftehim, li qed inpoġġih ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra, jipprovdi biex il-persuna tieħu leave mingħajr ħlas mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sakemm iddum taqdi dmirijietha ma’ Infrastructure Malta.
Fir-rigward ta’ kwalunkwe kuntratt li l-persuna għandha ma’ Infrastructure Malta, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Skejjel li ma għandhomx servizz ta' lift jew turġien ta' emerġenza f'każ ta' nirien
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentar 4944 u 5120 u jaġġorna lill-Kamra u jgħid kemm-il skola m’għandhiex is-servizz tal-lift u turġien ta’ emerġenza f’każ ta’ nirien? Jista’ jagħti din l-informazzjoni mhux għall-iskola b’mod ġenerali iżda anke kull blokka fejn hu relevanti?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskejjel kollha li nbnew mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) mis-sena 2013 ’il quddiem huma kollha konformi mar-regolamenti.
Minbarra hekk, jien infurmat li minn 109 skejjel, 21 m’għandhomx servizz ta’ lift u 25 m’għandhomx turġien ta’ emerġenza. Minkejja dan, diġà jinsabu għaddejjin diskussjonijiet mal-istess entità biex jittieħdu l-passi neċessarji ħalli kull skola tkun mgħammra b’servizz ta’ lift u/jew taraġ ta’ emerġenza, fejn meħtieġ u possibbli.