Legislature:
Category:
Reset
Active:

Enemalta — rapporti ta' undervoltage jew overvoltage

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il rapport ta' undervoltage jew overvoltage rċeviet l-Enemalta mill-1 ta' Jannar tal-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u telenka wkoll il-lokalitajiet minn fejn saru r-rapporti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-20 ta’ Frar 2023, saru lill-Enemalta 1540 rapport dwar vultaġġ għoli li minnhom ġew riżolti 1180 rapport u saru 3258 rapport dwar vultaġġ baxx li minnhom ġew riżolti 2418 -il rapport. Dawn huma mifruxa f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Bħalissa l-Enemalta għaddejja bi proġett ta’ 90 miljun ewro mifrux fuq sitt snin biex tindirizza l-problema ta’ varjazzjoni ta' vultaġġi. Fl-ewwel sena diġà saru ħafna xogħlijiet li kienu jinkludu fost oħrajn żieda ta’ 48 substations, tisħiħ fit-tliet Ċentri ta’ Distribuzzjoni, 80 feeders ġdid u tibdil ta’ mitt kilometru ta’ linji tal-elettriku. (Korrezzjoni: Ara dokument PL 1472 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra nhar it-Tnejn 13 ta' Marzu 2023 f'Seduta 98)

Awtorità tad-Djar – postijiet allokati lil persuni single

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5428 dwar allokazzjoni tad-djar lil persuni li huma single, jista’ l-Ministru jelenka fid-dettall minn liema stock ingħataw dawn l-1,989 akkomodazzjoni? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu minn binjiet tal-Gvern (housing estates) u kemm kienu mill-skema 'Kiri' jew minn l-iskema li ħarġet wara din l-iskema? Jista’ jgħid ukoll f'liema lokalitajiet kienu dawn?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jinnota l-informazzjoni mitluba fit-tabella t’hawn taħt: Lokalità allokata Proprjetà tal-Gvern Proprjetà tal-Privat mikrija mill-Gvern Total Attard 2 23 25 Bahar iċ-Ċagħaq 0 1 1 Balzan 1 0 1 Birkirkara 17 112 129 Birzebbuġa 1 22 23 Blata l-Bajda 0 7 7 Buġibba 0 13 13 Burmarrad 0 5 5 Cospicua 86 69 155 Fgura 7 26 33 Floriana 39 0 39 Fontana Għawdex 0 1 1 Għajnsielem Ghawdex 0 15 15 Għarb Għawdex 0 2 2 Għasri Għawdex 0 1 1 Għaxaq 1 12 13 Gudja 0 2 2 Gwardamanġa 0 1 1 Gżira 11 35 46 Ħamrun 27 12 39 Kalkara 4 1 5 Kerċem Għawdex 0 6 6 Kirkop 3 47 50 Luqa 3 5 8 Marsa 17 2 19 Marsalforn Għawdex 0 35 35 Marsaxlokk 1 1 2 Mellieħa 7 9 16 Mġarr 3 2 5 Mosta 2 2 4 Mqabba 0 2 2 Mrieħel 3 0 3 Msida 19 159 178 Mtarfa 1 0 1 Munxar Għawdex 0 5 5 Nadur Għawdex 0 6 6 Naxxar 1 1 2 Paola 36 31 67 Paceville 1 0 1 Pembroke 8 0 8 Pieta' 4 0 4 Qala Għawdex 0 11 11 Qawra 1 54 55 Qormi 11 56 67 Qrendi 0 57 57 Rabat 4 35 39 Rabat Għawdex 6 23 29 San Ġwann 20 12 32 San Lawrenz Għawdex 0 7 7 Salina 0 1 1 Sannat Għawdex 0 3 3 Senglea 19 3 22 Siġġiewi 4 92 96 Sliema 0 3 3 St Julians 7 2 9 St Paul's Bay 1 96 97 Sta Luċija 32 0 32 Sta Venera 3 44 47 Ta' Xbiex 2 1 3 Tarxien 19 41 60 Valletta 124 0 124 Vittoriosa 31 0 31 Wied il-Għajn 0 16 16 Xagħra Għawdex 0 18 18 Xewkija Għawdex 0 1 1 Xgħajra 0 3 3 Xlendi Għawdex 0 9 9 Żabbar 3 29 32 Żebbuġ 11 12 23 Żejtun 6 10 16 Żurrieq 3 65 68 612 1377 1989

Mina mis-Swieqi/Pembroke għal Paceville

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5429 u għall-proġett tal-mina taħt l-art mis-Swieqi/Pembroke għal Paceville, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-kundizzjonijiet kollha mogħtija mill-Awtorità tal-Ippjanar għal żvilupp lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub sar disponibbli għall-pubbliku fit-23 ta’ Ġunju 2021. Dan id-dokument li qiegħed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra jinkludi l-kundizzjonijiet kollha mogħtija mill-Awtorità tal-Ippjanar, kif ukoll kundizzjonijiet hekk kif imposti u infurzati minn entitajiet oħra dwar il-kumpanija msemmija.

E-scooters — regolarizzazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5937 fejn il-Ministru qal li s-sewwieqa tal-e-scooters għandhom jużaw veloċità ta’ 10km fis-siegħa, jista’ l-Ministru jgħid jekk din il-veloċità hijiex ta’ periklu għal dawk li jimxu, peress li persuna normali timxi bejn 3km u 4km fis-siegħa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wasalna għal din il-veloċità massima ta' għaxar kilometri fis-siegħa (għal sewqan f’mogħdijiet tar-riġel, inkluż dawk mhux riżervati esklussivament għall-mixi, promenades, żoni pedonali u mogħdijiet għar-roti) wara studju dettaljat li sar fejn anke rajna dak li ġie lleġiżlat barra minn xtutna.

Anzjani — sigurtà

Question

Fid-dawl li l-Ministeru jinsisti fuq anzjanità attiva, jista’ l-Ministru jgħid kif jistgħu l-anzjani jagħmlu dan u joħorġu jimxu meta diversi bankini pubbliċi huma meħuda minn imwejjed u siġġijiet u boroz tal-iskart, filwaqt li fil-promenades m'hemmx sigurtà minħabba diversi abbużi minn dawk li jużaw l-e-scooters, fejn mhux l-ewwel darba li anzjani jintlaqtu minn dawn l-istess e-scooters? X’ser jagħmel biex l-anzjani jkollhom serħan tal-moħħ u aċċessibbiltà?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull ilment li jiġi mgħoddi lill-Ministeru tagħna jiġi mgħoddi lid-Dipartimenti kkonċernati meta dan ma jaqax taħt d-dekasteru tagħna.

San Ġiljan u Tas-Sliema — Tneħħija ta’ E-Scooters ipparkjati ħażin

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6052, peress li l-LESA taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħu, jista' l-Ministru jwieġeb din il-mistoqsija u jgħid kemm uffiċjali tal-LESA ħarġu multi għaliex e-scooters kienu pparkjati ħażin? Kemm ġew imneħħija minn fuq il-promenades ġewwa San Ġiljan u Tas-Sliema?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-ammont ta’ taħrikiet għal escooters ġewwa San Ġiljan kien 958 fis-sena 2021 u 2049 fis-sena 2022, u ġewwa tas-Sliema 1210 fis-sena 2021 u 2175 fis-sena 2022.

Building Construction Agency – periti mqabbda biex jirrevedu l-method statements

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4092 u 5154 u jgħid min huma l-periti u/jew ditti tal-periti li huma mqabbdin mill-Building Construction Authority (BCA) sabiex jirrevedu l-method statements li jiġu sottomessi u jekk humiex imqabbdin permezz ta’ direct orders jew b’mod ieħor, kif ukoll ir-rata ta’ remunerazzjoni tagħhom?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif se jingħata f’seduta oħra.

Awtorità tal-Artijiet – rapporti dwar imwejjed u siġġijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fl-2022 kemm-il rapport sar mill-pubbliku jew entitajiet pubbliċi oħrajn lill-Awtorità tal-Artijiet fuq imwejjed u siġġijiet?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2022, l-Awtorità tal-Artijiet irċeviet total ta’ 23 rapport fuq imwejjed u siġġijiet.

MCCAA – passi kontra l-abbuż fil-prezzijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ħadet jew ser tieħu l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) biex jitwaqqfu abbużi fejn kummerċjanti jew negozji qed jgħollu l-prezzijiet tal-ikel u prodotti oħrajn u li allura qegħdin jikkawżaw biex ħafna prodotti tal-ikel jogħlew?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt il-liġijiet li tamministra l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, abbuż fil-prezzijiet jirriżulta biss meta ż-żieda fil-prezzijiet ikun riżultat ta’ ftehim antikompettitiv bejn in-negozji, fejn żewġ kumpaniji jew aktar jiftiehmu biex jgħollu l-prezzijiet jew meta ż-żieda ssir minn kumpanija li qiegħda f’pożizzjoni dominanti u din tabbuża minn dik il-pożizzjoni fejn timponi prezzijiet li jitqiesu eċċessivi. Mill-monitoraġġ tal-prezzijiet fis-suq ta’ numru ta’ prodotti tal-ikel li tagħmel l-Awtorità, ma hemmx indikazzjoni ta’ ksur potenzjali tal-liġi, f’dan ir-rigward.

Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur – medja ta' każijiet li jinstemgħu minn arbitru

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hija l-medja ta’ każijiet li kull arbitru tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur jisma’ fis-sena?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull Arbitru tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur jisma’ medja ta’ 95 każ fis-sena. Din il-medja hija bbażata fuq is-sena 2022.

Għawdex — Spezzjonijiet fl-2022

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5710 u jgħid kemm saru spezzjonijiet ta’ infurzar mill-Awtorità tal-Artijiet f’Għawdex matul is-sena 2022, indikati xahar b’xahar u skont il-lokalità?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ spezzjonijiet ta’ infurzar mill-Awtorità tal-Artijiet f’Għawdex matul is-sena 2022 jammontaw għall-133. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-ispezzjonijit li saru xahar b’xahar u skont il-lokalità.

Sejħa għall-post ta’ Emergency Ambulance Responder

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk dan l-aħħar sarux sejħiet għal post of Emergency Ambulance Responder? Kemm applikaw persuni? Meta għalqet l-applikazzjoni? Kemm riedu jimtlew postijiet? Jista’ jgħid sarux eżamijiet jew interviews? Min għamel l-interviews? Min ħatar il-Bord tal-Għażla?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-applikazzjonijiet għalqu fil-11 ta’ Novembru u applikaw 154 persuna. L-intervisti għadhom għaddejjin. Il-bord tal-għazla ġie appuntat skont it-termini tal-proċeduri uffiċjali li jinstabu fuq il-‘ Manual on Industrial Relations and the Selection and Appointment Process under Delegated Authority in The Malta Public Service’.

Skejjel tal-Knisja – Laboratory Technicians — promozzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5267, jista' l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet biex il-Laboratory Technicians fl-Iskejjel tal-Knisja jingħataw il-promozzjonijiet ta' ATO, TO, STO u PTO bħall-Iskejjel tal-Gvern?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet biex jiġi stabbilit kif jistgħu jingħataw dawn il-promozzjonijiet minħabba li l-gradi ta’ TO, STO u PTO għal-iskejjel tal-istat huma pożizzjonijiet fejn l-uffiċċjali jservu f’numru ta’ skejjel jew saħansitra l-iskejjel kollha taħt l-istess employer filwaqt li dan mhux il-każ fl-iskejjel tal-Knisja.

Għawdex — ftuħ tas-CDAU

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6258 dwar il-ftuħ ta’ Child Development Assessment Unit (CDAU) ġewwa Għawdex, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet bejnu u l-Ministri kkonċernati l-oħra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejjin diskussjonijiet mal-Ministeru għas-Saħħa u għall-Edukazzjoni.

Awtorità tal-Artijiet – skema pilota tal-għoti ta’ ċens temporanju

Question

Fid-dawl li l-Awtorità tal-Artijiet toffri diversi skemi li jgawdu minnhom diversi intrapriżi privati u sidien ta’ ħwienet fejn skema partikolari hi l-iskema pilota tal-għoti ta’ ċens temporanju lill-kerrejja jew l-operaturi tal-ħwienet li huma proprjetà tal-Gvern fil-Belt Valletta, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm negozji li diġà bbenefikaw mill-iskema? Peress li l-Gvern kellu wkoll jestendi din l-iskema għal lokalitajiet differenti madwar Malta, jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet se tkun qed tinfetaħ din l-iskema u jekk l-iskema hux se terġa’ tiġi estiża fil-Belt Valletta?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum kien hemm 40 benefiċjarju. Il-pjan hu li l-iskema issa tiġi estiża mal-pajjiż kollu, inkluż il-Belt Valletta.

Tqassim u użu tal-fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jispjega f’aktar dettall kif se jitqassmu u jintużaw il-fondi Ewropej li jammontaw għal €2.2 biljun fis-snin li ġejjin, b’mod partikolari kif dawn se jolqtu b’mod dirett lill-familji Maltin u Għawdxin?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Żejtun – Triq Ħal Tarxien –ħitan imwaqqa’ bil-maltemp

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk hux possibbli li xi ħitan li waqgħu minħabba l-maltemp ta’ xi ġranet ilu fi Triq Ħal Tarxien, iż-Żejtun jiġu rranġati minħabba li huma ta’ periklu għas-sewwieqa li jgħaddu minn din it-triq?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fejn kien meħtieġ, id-Dipartiment tax-Xogħlijet Pubbliċi ħa ħsieb ineħħi kull ostaklu li seta’ kien hemm għat-traffiku.

Rabat/Marsalforn, Għawdex – Triq Marsalforn – applikazzjoni għal fondi Ewropej

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk applikax għal Fondi Ewropej għar-rikostruzzjoni ta’ Triq Marsalforn, mir-Rabat għal Marsalforn?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kostruzzjoni ta’ din it-triq ser isiru minn fondi lokali. Ix-xogħol għadu ma bediex minħabba appell li għaddej quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.

Gozo Innovation Hub – kumpaniji privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kumpaniji privati ġewwa l-Gozo Innovation Hub? Kemm iħaddmu persuni dawn il-kumpaniji?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħataw fil-mistoqsijiet parlamentari numri 2509 u 6469 .