Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bord tal-Appell għall-blue sticker – persuni li ma jkunux eleġibbli għall-Blue Badge

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’inhu l-metodu li bih il-Bord tal-Appell għall-blue sticker jevalwa l-appelli li jirċievi wara li persuna tkun ġiet informata li mhijiex eleġibbli għall-Blue Badge?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Bord tal-Appelli tal-Blue Badge huwa bord awtonomu taħt is-CRPD bħala regolatur. Huwa maħtur skont dak li jipprovdi l-artikolu 10 tal-Att biex jipprovdi għal Konċessjonijiet ta’ Parkeġġjar għal Persuni b’Diżabilità, Kap. 560 tal-Liġijiet ta’ Malta. Il-metodu addottat minn dan il-bord huwa dak li ġej; Persuna illi ġiet infurmata li mhijiex eliġibbli għall-Blue Badge u li tippreżenta appell skont ma hu pprovdut fis-subartikolu 9(3) tal-Att biex jipprovdi għal Konċessjonijiet ta’ Parkeġġjar għal Persuni b’Diżabilità, Kap. 560 tal-Liġijiet ta’ Malta, tiġi mistiedna sabiex tressaq il-każ tagħha quddiem il-bord u biex tippreżenta l-informazzjoni kollha illi hi tħoss illi tista’ ssostni l-każ tagħha. Minbarra illi l-bord ikollu fil-pussess tiegħu il-fajl tal-persuna, li jinkludi l-informazzjoni ppreżentata mill-persuna fl-applikazzjoni oriġinali, hija tingħata l-opportunità illi tressaq l-informazzjoni (inkluż dokumentazzjoni) kollha li għandha (anke dik illi kisbet wara li ġiet evalwata fl-ewwel istanza) sabiex tagħmel il-każ tagħha u tispjega għalfejn fl-opinjoni tagħha hi għandha tingħata l-Blue Badge. F’każ illi l-persuna tiddikjara illi għandha informazzjoni illi iżda ma tkunx ġabitha magħha, tingħata l-opportunità illi tippreżentaha f’seduta oħra u d-deċiżjoni tal-bord tiġi posposta għal dik is-seduta. Ġaladarba l-bord ikollu l-informazzjoni kollha, il-persuna tkun ressqet il-każ tagħha u tkun wieġbet għall-mistoqsijiet li jistgħu jsiru mill-membri tal-bord, il-persuna tiġi mistiedna tħalli l-kamra. Il-bord imbagħad jiddiskuti internament il-każ u tittieħed deċiżjoni. Is-Segretarju tal-bord iħejji l-ittra li għandha tintbagħat bid-deċiżjoni tal-bord, din tiġi ffirmata miċ-Ċerpersin tal-bord u tintbagħt bil-posta lill-persuna li tkun ressqet l-appell.

Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali – talbiet pendenti għall-kustodja ta’ proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba għandha pendenti quddiemha s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għall-kustodja ta' xi proprjetà? Għal liema bini saret din it-talba u mingħand min saret? Fiex wasal il-proċess sabiex tkun konkluża kull waħda minn dawn it-talbiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali li l-istess Sovrintendenza taf b’ħamsa u erbgħin (45) talba għall-kustodja ta’ proprjetajiet ikkunsidrati bħala patrimonju. Infurmat li dawn ġew ipproċessati min-naħa tas-Sovrintendenza u ntbagħtu lill-Awtorità tal-Artijiet. Infurmat li dawn it-talbiet huma: · Din l-Art Ħelwa o Il-Kappella ta’ San Mikiel is-Sanċir, Rabat o Australian Bungalow , Luqa o Il-Batterija tal-Qbajjar/ It-Torri tal-Qolla l-Bajda, Żebbuġ (Għawdex) o Razzett tax-Xitan, Mellieħa o Il-Batterija ta’ Wied Musa/ Il-Palazz l-Aħmar, Mellieħa · Fondazzjoni Wirt Artna o Saluting Battery & Lascaris War HQ Complex, Valletta (tiġdid u estenzjoni) · Ramblers Association of Malta o Il-Mitħna l-Qadima, Mosta · Gabriel Caruana Foundation o Il-Mitħna ta’ Ganu Windmill (magħrufa wkoll bħala Il-Mitħna tal-Maħlut), Birkirkara Infurmat ukoll illi s-siti/proprjetajiet imsemmija hawn taħt se jiġu proċessati taħt entrustment agreement bejn is-Sovrintendenza u Heritage Malta minflok guardianship deed: o It-Tempji ta’ Ħal Tarxien, Tarxien o Fortizza Delimara, Marsaxlokk o Banjijiet Rumani, Mġarr (Malta) o Il-Berġa ta’ Provinċja (Il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija) o Għar Dalam, Birżebbuġa o Il-kumpless Arkeoloġiku Tas-Siġg, Marsaxlokk o Il-Palazz Vilhena (Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali), Mdina o It-Tempji ta’ Ħaġrat, Mġarr (Malta) o It-Tempji Ta’ Skorba, Mġarr (Malta) o L-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, Paola o It-Templji ta’ Kordin III, Paola o It-Tempji ta’ Ħaġar Qim, Qrendi o It-Tempji tal-Imnajdra, Qrendi o Domus Romana, Rabat (Malta) o Il-Katakombi ta’ San Pawl, Rabat (Malta) o Il-Katakombi ta’ Santu Wistin, Rabat (Malta) o Il-Katakombi tal-Abbatija tad-Dejr, Rabat (Malta) o Il-Palazz tal-Granmastru, Valletta o L-Armerija fil-Palazz tal-Granmastru, Valletta o Bastjun ta’ Vendome (eks-Mużew tal-Gwerra), Valletta o Il-Palazz tal-Inkwiżitur, Birgu o Il-Forti Sant’ Anġlu, Birgu o L-Ifran Navali, (Il-Mużew Marittimu ta’ Malta), Birgu o Il-Mużew tal-Arkeoloġija t’Għawdex, Cittadella o It-Tempji ta’ Ġgantija o Gran Castello Historic House, Citadella o Il-Ħabs il-Qadim, Cittadella o Il-Kappella tal-Madonna tal-Pilar, Valletta o It-Tempji ta’ Borġ in-Nadur, Birżebbuġa o Il-Katakombi ta’ Bistra, Mosta o Ħaġra ta’ Sansuna, Qala o Il-Mitħna Ta’ Kola, Xagħra o L-Armerija u l-Mużew tan-Natura (inkluż l-uffiċini), Cittadella o Fugass o Il-Berġa tal-Italja (MUŻA), Valletta o Torri tal-Kaptan, Naxxar o Torri San Luċjan, Marsaxlokk Intant infurmat illi s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturi qiegħda tipproċessa talba ta’ tiġdid tal-kustodja ta’ xi proprjetajiet mingħand Din l-Art Ħelwa, li tinkludi: · It-Torri l-Aħmar, Mellieħa · It-Torri ta’ Wignacourt, San Pawl il-Baħar · It-Torri tad-Dwejra, San Lawrenz · It-Torri ta’ Santa Marija, Kemmuna · Il-Batterija ta’ Santa Marija, Kemmuna · It-Torri Mamo, Marsascala · It-Torri ta Xutu, Qrendi · It-Torri tal-Għallis, Baħar iċ-Ċagħaq, Naxxar · It-Torri ta’ Qaliet Marku, Baħar iċ-Ċagħaq, Naxxar · Msida Bastion Garden of Rest , Floriana Intant infurmat ukoll li s-Sovrintendenza pproċessat ukoll talba għat-tiġdid tal-kustodja tal-Kappella tal-Vitorja, Valletta, mingħand Din l-Art Ħelwa. Din tinsab fl-aħħar stadji u s-Sovrintendenza qed tistenna risposta mingħand in-Nutar tal-Gvern.

Mellieħa – espressjoni ta’ interess għall-bini tal-Cavallerizza

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti l-espressjoni ta' interess għall-bini msemmi Cavallerizza, magħruf ukoll bħala Ir-Razzett tax-Xjaten, Mellieħa? Mingħand min ġiet sottomessa u meta? X'inhi r-raġuni għala din it-talba għadha pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi l-espressjoni ta’ interess għall-Cavallerizza, magħruf ukoll bhala r-Razzet tax-Xjaten, kienet f’forma ta’ talba għal kustodja tal-proprjetà mingħand Din l-Art Ħelwa li saret fit-13 ta’ Mejju, 2021. Intant infurmat ukoll li s-Sovrintendenza ipproċessat din it-talba u għaddietha lill-Awtorità tal-Artijiet għall-ipproċessar min-naħa tal-istess Awtorità.

Mellieħa – kuntrattur li laqat cables ta’ vultaġġ għoli waqt xogħlijiet

Question

Fil-każ tal-qtugħ ta' dawl tal-gżira Għawdxija li seħħ nhar il-Ħamis, 16 ta' Frar 2023, li dwaru l-Enemalta nnotifikat lill-pubbliku li "kuntrattur li kien qed jaħdem għal terzi fil-Mellieħa laqat il-cables ta' vultaġġ għoli li jissupplixxu lil Għawdex", tista' l-Ministru tgħid: a. jekk l-Enemalta kenitx informata qabel bdew dawn ix-xogħlijiet; b. kienx hemm clearance li l-kuntrattur jista' jibda x-xogħol u min ta din il-clearance; ċ. kienx hemm approvazzjoni mill-Enemalta biex ix-xogħol jinbeda; d. ġewx immarkati r-rotot tal-cables tas-servizzi kollha fuq il-post qabel ma beda x-xogħol; e. kienx hemm superviżjoni mill-Enemalta waqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet qrib linji ta' 33kV li fuqhom tiddependi għalkollox il-gżira ta' Għawdex; u f. x'miżuri effettivi se jittieħdu biex xi ħaġa bħal din ma tirrepetix ruħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li bħalma ġara f’dan il-każ, il-prassi hija li l-entità terza li għaliha jkunu ser isiru x-xogħlijiet tinforma lill-Enemalta u l-Enemalta tintalab pjanta li turi r-rotta tal-cables tas-servizzi tagħha fuq il-post. L-Enemalta tagħmel wkoll marki fit-toroq biex tindika fejn ikunu għaddejjin il-cables. Hija l-entità li tkun ser tagħmel ix-xogħlijiet u/jew l-kuntrattur tagħha li jridu jaraw li ma ssirx ħsara fil-cables tal-Enemalta. F’dan il-kuntest, u fid-dawl tal-ħafna interventi li jkunu għaddejjin simultanjament madwar Malta, mhux prattiku, u fil-fatt qatt ma kienet il-prassi, li l-ħaddiema tal-Enemalta jkunu fuq il-post. Infurmata wkoll li l-kuntrattur li jkun tqabbad mill-entità inkwistjoni sabiex jagħmel ix-xogħlijiet għandu r-responsabbilta’ li jara li ma ssirx ħsara. F’dan il-każ partikolari l-kuntrattur, kif inhu normalment permissibbli, issottokuntratta lil ħaddieħor ix-xogħlijiet meħtieġa. Meta jkun hemm ħsarat bħal dawn l-EneMalta tfittex biex tirkupra l-ispejjeż involuti.

Mellieħa – kuntrattur li laqat cables ta’ vultaġġ għoli waqt xogħlijiet

Question

Fil-każ tal-qtugħ ta' dawl tal-gżira Għawdxija li seħħ nhar il-Ħamis, 16 ta' Frar 2023, li dwaru l-Enemalta nnotifikat lill-pubbliku li "kuntrattur li kien qed jaħdem għal terzi fil-Mellieħa laqat il-cables ta' vultaġġ għoli li jissupplixxu lil Għawdex", jista' l-Ministru jgħid: a. jekk l-Enemalta kenitx informata qabel bdew dawn ix-xogħlijiet; b. kienx hemm clearance li l-kuntrattur jista' jibda x-xogħol u min ta din il-clearance; ċ. kienx hemm approvazzjoni mill-Enemalta biex ix-xogħol jinbeda; d. ġewx immarkati r-rotot tal-cables tas-servizzi kollha fuq il-post qabel ma beda x-xogħol; e. kienx hemm superviżjoni mill-Enemalta waqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet qrib linji ta' 33kV li fuqhom tiddependi għalkollox il-gżira ta' Għawdex; u f. x'miżuri effettivi se jittieħdu biex xi ħaġa bħal din ma tirrepetix ruħha?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Skola Primarja ta’ Ħal Għaxaq — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-manutenzjoni fl-iskola primarja ta' Ħal Għaxaq u meta huwa ppjanat li dan ix-xogħol jitlesta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fl-iskola msemmija, apparti li ser isir xogħol ta’ tisbieħ, qed jinbena wkoll sular ġdid. Dawn ix-xogħlijiet mistennija jkunu lesti matul ix-xhur li ġejjin sabiex b’hekk tiftaħ għas-sena skolastika l-ġdida.

Proġett ta’ Childcare ħdejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-proġett ta' childcare għall-użu tal-impjegati fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-proġett imsemmi għadu għaddej.

Skejjel tal-Istat — Rapporti fuq membri tal-SLT

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura, jekk hemm, ta' meta jidħlu rapporti fuq membri tal-SLT tal-iskejjel tal-Istat? Jista' jgħid ukoll min jinvestiga tali rapporti?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali rapporti jiġu evalwati fuq livell ta’ skola u kulleġġ, u jekk ikun hemm il-ħtieġa, jiġu referuti lid-Dipartiment għas-Servizzi Edukattivi.

Ministeru għat-Turiżmu – persuna li sservi bħala CEO ta’ żewġ entitajiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6366, fid-dawl li l-Ministru ma poġġiex fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-persuna, li d-dettalji dwarha ntbagħtu separatament mal-istess mistoqsija, li sservi bħala CEO tal-ITS u tal-MCC, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-impjieg ta’ din il-persuna maż-żewġ entitajiet indikati u dan kif ġie mitlub jagħmel fil-mistoqsija oriġinali?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sajf tal-2014 l-ITS kienet ħarġet sejħa pubblika għal post ta’ CEO, għal liema sejħa l-persuna msemmija ġie klassifikat fit-tieni post mill-Bord tal-Għażla. F’Marzu 2015, huwa ġie maħtur bħala interim Executive Director wara r-riżenja tas-CEO ta’ dak iż-żmien (li kien inħatar fl-2014). Wara riżultati eċċellenti, huwa baqa’ jiġi kkonfermat bħala CEO tal-ITS minn bordijiet sussegwenti. Fir-rigward tal-ħatra tiegħu bħala CEO ġewwa Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, ninforma lill-Onor. Interpellant li fi Frar 2015 saret sejħa pubblika li għaliha urew interess u ġew intervistati 30 kandidat. Il-persuna msemmija ġie magħżul mill-Bord tal-Għażla wara proċedura ta’ selezzjoni rigoruża. Filwaqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti, ninforma lill-Onor. Intepellant li l-kundizzjonijiet tax-xogħol huma mfassla skont il-Grading Structure tal-ITS u tal-MCC rispettivament.

MTA — Impjegat

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6302, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx allowances, benefiċċji u perkaċċi oħra (inkluż karozza, mobile eċċ), apparti mis-salarju bażiku, u jekk iva dawn x'inhuma u għal kemm jammontaw?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6302, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija għandha wkoll: 20% management allowance, communication allowance, car allowance, u performance bonus sa massimu ta’ 15% tas-salarju bażiku.

Ħal Qormi – Proġett biex tissaqqaf parti mill-Wied

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kien l-iskop li partijiet mill-wied ta’ Ħal Qormi ma ġewx imsaqqfa fil-proġett li għaddej bħalissa kif muri fir-ritratti li qegħdin jiġu annessi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li hemm partijiet mhux imsaqqfa sabiex ikun hemm aċċess għal xogħlijiet ta' tindif u manutenzjoni wara li jitlesta l-proġett.

Rabat/Ħ’Attard – Triq il-Belt Valletta – ilmenti u rapporti dwar qtugħ ta’ dawl

Question

Tista' l-Ministru telenka r-rapporti u lmenti li daħlu dwar qtugħ ta' dawl fi Triq il-Belt Valletta, bejn ir-Rabat u Ħ'Attard, mill-1 ta' Settembru 2022 sa meta qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija (data, ħin, u b'liema mezz sar ir-rapport jew ilment)? Tista' wkoll tgħid meta sar kull intervent li sar biex id-dawl f'din it-triq jitranġa mill-1 ta' Settembru 2022 sa meta qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Skola Primarja tal-Imġarr – ħtieġa ta’ manutenzjoni

Question

Jista' jgħid il-Ministru jekk huwiex infurmat dwar l-istat ħażin tat-toilets tal-iskola primarja fl-Imġarr, tant li t-tfal qegħdin jirrifjutaw li jinqdew fihom? Huwa infurmat il-Ministru dwar klassijiet fl-istess skola li kellhom l-ilma jċarċar mal-ħitan fejn għaddejjin il-wires tal-interective whiteboards u sal-lum ma kien hemm ebda intervent dwar dan?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward it-toilets fl-iskola msemmija, il-problema ġiet riżolta immedjatament. Rigward id-dħul ta' ilma, qed tittieħed l-azzjoni neċessarja biex isiru t-tiswijiet neċessarji.

Skola Primarja tal-Imġarr – ħin tal-break

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jaqbilx li fl-iskola Primarja tal-Imġarr il-brejk tat-tfal huwa biss ta' kwarta, meta għandna l-obbligu li nippromwovu l-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel u meta f'Malta l-problema tal-obesità hija waħda kbira?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħinijiet tal-break fl-iskola msemmija huma skont il-prassi bħal kull skola oħra f’Malta u f’Għawdex.

Skola Primarja tal-Imġarr – tqassim ta’ frott u ħaxix

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma tqassamx frott u ħaxix lit-tfal fl-iskola primarja tal-Imġarr? Jista' jgħid jekk iċ-ċirkolari dwar tqassim ta’ frott u ħaxix waslitx għand il-ġenituri tat-tfal li jattendu l-iskola?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Skola Primarja tal-Imġarr – Relievers għal tfal tal-Kindergarten

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn fl-iskola primarja tal-Imġarr ma titħaddimx l-istess prassi li hemm fi skejjel oħra fil-Kulleġġ San Nikola, fejn meta t-tfal tal-kindergarten jitqassmu, jintbagħtu relievers biex jagħmlu dan?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’kull skola titħaddem l-istess prassi.

Marsaskala u Ħal Għaxaq – toroq bla dawl

Question

B’referenza għad-dawl maqtugħ f'diversi toroq madwar Marsaskala u Ħal Għaxaq, tista’ l-Ministru tgħid meta s-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ dawl f’numru ta’ toroq madwar dawn il-lokalitajiet se tiġi għan-normal?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onorevoli Intepellant jindika t-toroq li qed jirreferi għalihom.

Pulizija – rapporti ta’ serq f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il serqa ġiet rapportata f'Għawdex mill-1 ta' Jannar ta' din is-sena sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid f'liema rħula ġew imwettqa dawn is-serqiet? Kemm minn dawn ġew solvuti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar.