Legislature:
Category:
Reset
Active:

Medical School

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk u meta se terġa' tibda tiffunzjona l-Medical School jew jekk hux se jkun hemm premises ġodda?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

FMS — impjegati

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm impjegati fuq il-payroll tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS) u huma deployed fil-Ministeru tiegħu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi m’hemm l-ebda impjegati li jaħdmu l-Ministeru għas-Saħħa fuq il-payroll tal-FMS.

Benefiċċji Soċjali

Question

B’referenza għall-benefiċċju soċjali ta’ €100 li wiegħed il-Gvern li se jiġu depożitati fil-kont tal-bank tal-individwi li huma dovuti jirċevuhom, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-kriterji li permezz tagħhom intgħażlu l-persuni li kellhom jirċievu dan il-benefiċċju soċjali? Jista’ jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li rċevew dan il-benefiċċju soċjali? Jista’ jgħid kemm kien hemm persuni li appellaw għaliex ma rċevewx dan il-benefiċċju soċjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema wieħed mid-diversi benefiċċji, li ġew introdotti minn din l-amministrazzjoni, qed jirreferi.

Work Time Regulations – leave annwali għall-impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jipprovdi lista tabulata ta' dritt għal leave annwali għall-impjegati, skont id-direttivi tal-Unjoni Ewropea u l-Liġi Maltija, imqassma mill-Ordni dwar il-"Work Time Regulations”?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dak li qed jitlob għalih joħroġ mil-liġi skont kif inhu stipulat fl-Artikolu 8 tar-Regolamenti dwar l-Organizzazzjoni tal-Ħin tax-Xogħol (L.S. 452.87). Dawn ir-Regolamenti jipprovdu li kull ħaddiem huwa intitolat għal leave bi ħlas kull sena li minn tal-anqas ikun ekwivalenti f’għadd ta’ sigħat għal erba’ ġimgħat u tnejn u tletin siegħa mkejjel fuq il-bażi ta’ ġimgħa ta’ erbgħin siegħa xogħol, u fuq ġurnata ta’ tmien sigħat xogħol. Infakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li mill-Ewwel ta’ Jannar 2021, fil-każ ta’ impjegati whole-time, meta festa nazzjonali jew btala pubblika taħbat fil-ġurnata tas-Sibt jew tal-Ħadd jew f’ġurnata ta’ mistrieħ tal-ġimgħa li għaliha impjegat ikollu jedd, dak l-impjegat ikollu dritt għal ġurnata oħra ta’ leave għal vaganza matul dik l-istess sena kalendarja. Dan ġie introdott sabiex jintradd lura dak li Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien seraq mill-ħaddiema u b’hekk jiżdied il-ħin mal-familja biex titjieb il-kwalità tal-ħajja u jissaħħaħ il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u dik privata.

DIER – lista/tabella ta’ reati

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista/i f'tabella tar-reati kollha identifikati mid-Dipartiment għall-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) skont it-tip, b'referenza għall-artikolu speċifiku fil-liġi miksura kif ukoll multa applikabbli, imqassma fis-sena bejn l-2013 u l-2022, li tinkludi wkoll analisi tan-numru ta’ kull tip fis-sena li ġew riżolti b’mod amikevoli, imħarrka, immultati, ħabs, li għadhom pendenti u kwalunkwe status ieħor, kif ukoll it-total f’ewro f’multi imposti u t-total effettivament miġbur, u t-total f’ewro f’arretrati dovuti lill-impjegati u t-total attwalment miġbur, imqassam ukoll separatament skont it-tip għal kull sena bejn l-2013 u l-2022?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 5857.

DIER – lista/tabella ta’ reati

Question

Jista' l-Prim Ministru jipprovdi lista/i f'tabella tar-reati kollha identifikati mid-Dipartiment għall-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) skont it-tip, b'referenza għall-artikolu speċifiku fil-liġi miksura kif ukoll multa applikabbli, imqassma fis-sena bejn l-2013 u l-2022, li tinkludi wkoll analisi tan-numru ta’ kull tip fis-sena li ġew riżolti b’mod amikevoli, imħarrka, immultati, ħabs, li għadhom pendenti u kwalunkwe status ieħor, kif ukoll it-total f’ewro f’multi imposti u t-total effettivament miġbur, u t-total f’ewro f’arretrati dovuti lill-impjegati u t-total attwalment miġbur, imqassam ukoll separatament skont it-tip għal kull sena bejn l-2013 u l-2022?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi tax-xogħol, apparti l-Liġi primarja, tinkludi wkoll 'il fuq minn 100 Avviż Legali u li kollha jinkludu reati b’multi u pieni differenti.Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar il-Klassifikazzjoni tal-irregolaritajiet l-aktar komuni mill-2013 sal-2022 u informazzjoni dwar każi li ġew riżolti amikevolment, każi mħarrka, każi immultati, każi li weħlu l-ħabs, każi li għadhom pendenti kull sena, it-total f’Ewro f’multi imposti, it-total f’Ewro f’multi miġbura, it-total f’Ewro f’arretrati dovuti, u t-total f’Ewro attwalment miġbur mill-2013 sal-2022.

Proċedura DIER

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-proċeduri u l-perjodi ta' żmien segwiti mid-Dipartiment għall-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) meta: 1. jidentifika li min iħaddem kiser liġi; 2. jiċħad dritt identiku b'mod ġenerali u ikun reċidiv, kemm jekk impjegat jagħmel talba jew le; u 3. jekk impjegat jiffirmax jew le l-istqarrija finali tad-DIER?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li każ li fih min iħaddem ikun kiser il-liġi jiġi identifikat b’żewġ modi li huma: - jew persuna tirrapporta ksur ta’ liġi mad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impieg (DIER) li jkun jinvolvi pagi jew intitolamenti statutorji mhux imħallsa jew mhux imħallsa korrettament jew ksur ta’ liġi tax-xogħol fuq drittijiet mhux monetarji; inkella - meta jkun hemm rapport lid-Dipartiment, li jista’ jkun anonimu, jew permezz ta’ investigazzjoni ġenerika li d-Dipartiment ikun qed jorganizza abbażi ta’ risk assessment. Dawn il-każi wkoll jistgħu jinvolvu ksur ta’ liġi li jinvolvi drittijiet kemm monetarji kif ukoll drittijiet oħra bħal leave annwali, kuntratti tax-xogħol, ħinijiet ta’ xogħol etc. F’każijiet ta’ reati li ma jinvolvux drittijiet monetarji iżda ksur ta’ liġi tax-xogħol, l-ispettur inkarigat mill-każ jinnotifika l-impjegatur dwar in-nuqqasijiet u jkompli jaħdem fuq il-każ sabiex min iħaddem jirregola ruħu. Jekk dan ma jsirx, il-każ jiġi riferut lill-pulizija ( Prosekutur) li jressaq il-każ il-Qorti. Meta l-każ jinvolvi pagi jew intitolamenti statutorji mhux imħallsa jew mhux imħallsa korrettement, il-persuna tintalab tippreżenta dokumenti neċessarji sabiex jibda l-proċess biex jiġu stabbiliti l-fatti, u eventwalment jinħadem l-ammont ta’ pagi dovuti lill-impjegat jew ex impjegat. Min iħaddem jingħata ċans sabiex iwieġeb għal din il-claim. F’dan l-istadju l-impjegatur jista’: jew jikkontesta l-claim u jressaq il-verżjoni tiegħu flimkien ma’ provi, jew iħallas lill-impjegat il-pagi dovuti skont il-liġi. F’din il-fażi l-uffiċjal inkarigat mill-każ jieħu konjizzjoni tal-verżjonijiet imressqa miż-żewġ partijiet u mill-provi sottomessi, u jaġġorna l-claim sakemm il-każ jiġi solvut. Xi drabi dawn il-każi jilħqu l-istadju fejn id-Dipartiment ikollu jmexxi l-każ għall-qorti, u dan għaliex l-impjegatur jew jibqa’ ma jirregolarizzax ruħu, jew ma jkunx irrisponda għall-claim/s mibgħuta mid-Dipartiment. F’tali każi dawn jintbagħtu lill-Puluzija (Prosekutur) li jressqu l-każ il-Qorti. Ninforma lill-Onor. Interpellant li reati taħt l-EIRA għandhom preskrizzjoni ta’ sena. Ninsab infurmat li dwar it-tieni punt tal-mistoqsija tal-Onor. Interpellant, il-proċeduri huma simili bħal dawk imsemmija aktar 'il fuq. Dwar it-tielet punt tal-mistoqsija, jekk bi “stqarrija finali” l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-iStatement of Account, id-Dipartiment ma jkunx f’pożizzjoni li joħroġ il-claim jekk l-iStatement of Account ma jkunx ikkonfermat mill-persuna li tkun fetħet il-każ tagħha nnifisha. L-ewwel Statement of Account li jinħareġ mhux neċessarjament ikun finali, u dan għaliex mill-investigazzjoni tad-Dipartiment jistgħu jirriżultaw fatti li jwasslu għal tibdil u aġġornament tal-iStatement of Account. Matul dan il-proċess il-claimant jinżamm aġġornat u jiġi informat dwar dak li jkun qed jirriżulta mill-investigazzjoni u kif allura jkunu qed jinbidlu l-parametri tal-claim fid-dawl tal-liġijiet applikabbli.

Servizz Pubbliku — Proċedura dwar ksur tad-drittijiet tal-impjieg

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-proċedura u l-perjodu ta' żmien segwit mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u d-diversi Ministeri, f'kull wieħed mill-każijiet li ġejjin separatament meta jsir jaf, kif ukoll jidentifika ruħu, ksur tad-drittijiet tal-impjieg, inklużi iżda mhux limitati għal atti ta' diskriminazzjoni tal-impjegati taċ-Ċivil, inkluż tqassim f'tabella skont it-tip, kif ukoll azzjoni meħuda, kull sena bejn l-2013 u l-2022?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li fil-każijiet kollha elenkati, fis-Servizz Pubbliku japplikaw il-provvedimenti tad-diversi Manwali, policies u regolamenti relatati li jistipulaw il-proċeduri u ż-żmien li fih għandha tittieħed l-azzjoni. Uffiċjali Pubbliċi jistgħu jitolbu gwida jew informazzjoni mill-One-Stop-Shop għall-Uffiċjali Pubbliċi, kif ukoll iressqu ilment quddiem il-Grievances Board rigward allegati inġustizzji fil-konfront tagħhom.

Rekwiżiti legali fil-karta tal-paga tal-edukatur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema mir-rekwiżiti legali minimi li ġejjin, skont il-L.S.452.116, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2019, huma inklużi, u liema mhumiex inklużi, fil-karta tal-paga (payslip) tal-Edukatur, sa Diċembru 2022 mill-Ministeru għall-Edukazzjoni: 1. l-isem tal-prinċipal; 2. l-isem tal-impjegat; 3. l-indirizz tal-prinċipal; 4. it-titolu tal-pożizzjoni tal-impjegat; 5. is-somma totali tal-pagi mħallsa; 6. il-breakdown tas-somma totali tal-pagi mħallsa; 7. il-perjodu li fir-rigward tiegħu l-kontenut tiegħu jirrelata; 8. in-numru ta’ sigħat normali maħduma; 9. in-numru ta’ sigħat imħallsa bħala overtime; 10. in-numru ta’ sigħat imħallsa b’rata speċjali; 11. in-numru ta’ sigħat ta’ leave annwali li ttieħdu; 12. il-bilanċ ta’ leave li jkun fadal; 13. il-pagi bażiċi riċevuti; 14. breakdown ta’ kwalunkwe bonuses u allowances; u 15. kwalunkwe tnaqqis effettwat, inkluż kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali, taxxa u oħrajn?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Qormi Health Centre – x-ray machine

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk f'Jannar l-x-ray machine tal-Qormi Health Centre kenitx qed tiffunzjona kuljum u kemm-il eżami ta' x-ray sar?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 5948.

Birkirkara — Ċentru tas-Saħħa – xogħol

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f'liema stat wasal ix-xogħol fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara u meta se jkun lest biex jilqa' l-pazjenti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 5593.

Kura lil nisa li jkunu tilfu t-tarbija

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk nisa li jkunu tilfu t-tarbija tagħhom waqt it-tqala u dawk in-nisa li jkunu qed jistennew jew kellhom tarbija jiġux ikkurati fl-istess swali fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dawk in-nisa li jkunu tilfu t-tarbija tagħhom waqt it-tqala u dawk in-nisa li jkunu qed jistennew jew kellhom tarbija, fejn hu possibbli ma jingħatawx kura fl-istess swali.

Imġarr – Triq Sir Harry Luke — xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm xi żvilupp fuq it-Triq Sir Harry Luke, l-Imġarr, u x-xogħlijiet li hemm bżonn isiru min-naħa tal-Ministeru tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li waqt li Infrastructure Malta se tkun għaddejja bix-xogħlijiet fit-triq imsemmija, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tibdel il-mains tal-ilma u d-drenaġġ. Bl-istess mod hemm ukoll qbil sabiex l-Enemalta tgħaddi żewġ feeders waqt li jkunu għaddejjin ix-xogħlijiet.

Imġarr – Triq Sir Harry Luke — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żvilupp fuq it-Triq Sir Harry Luke, l-Imġarr, u x-xogħlijiet li hemm bżonn isiru min-naħa tal-Ministeru tiegħu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta varat proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali, fosthom dak tal-Imġarr, fejn talbithom jagħtu lista ta’ toroq li għandhom bżonn xogħol infrastrutturali u li huma ta’ prijorità għal lokalità tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jsiru fis-snin li ġejjn. Dan skont skeda dettaljata li qed tiġi diskussa u maqbula magħhom. Infatti, Triq Sir Harry Luke hija waħda mit-toroq li tinsab fil-lista tal-prijoritajiet.

Ministru għal Għawdex — karozza uffiċjali u s-second car tiegħu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-għamla tal-karozza uffiċjali kif ukoll tas-second car tiegħu? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għall-għażla tal-karozzi uffiċjali li juża hu u min rebaħ dan it-tender? Jekk ma nħareġ l-ebda tender, jista' jgħid: a) mingħand min inxtraw u kemm ġew jiswew il-karozza uffiċjali u s-second car tiegħu; u/jew b) kemm qed jinkrew kuljum il-karozza uffiċjali u s-second car tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Il-vettura uffiċjali tal-Ministru għal Għawdex, hija tal-għamla BMW 520 D Saloon. Din hija l-unika vettura uffiċjali tal-Ministru, peress li dan ma għandux second car. Preżentement, il-vettura qed tinkera għal €10,220 fis-sena.

Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza — karozza uffiċjali u s-second car tiegħu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-għamla tal-karozza uffiċjali kif ukoll tas-second car tiegħu? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għall-għażla tal-karozzi uffiċjali li juża hu u min rebaħ dan it-tender? Jekk ma nħareġ l-ebda tender, jista' jgħid: a) mingħand min inxtraw u kemm ġew jiswew il-karozza uffiċjali u s-second car tiegħu; u/jew b) kemm qed jinkrew kuljum il-karozza uffiċjali u s-second car tiegħu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-karozza li taqa’ fil-portafoll tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza hi tat-tip Mercedes, mikrija mingħand Burmarrad Commercials għal 28 Ewro kuljum. Il-Ministru ma jagħmilx użu minn second car.

Ministru għat-Turiżmu — karozza uffiċjali u s-second car tiegħu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-għamla tal-karozza uffiċjali kif ukoll tas-second car tiegħu? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għall-għażla tal-karozzi uffiċjali li juża hu u min rebaħ dan it-tender? Jekk ma nħareġ l-ebda tender, jista' jgħid: a) mingħand min inxtraw u kemm ġew jiswew il-karozza uffiċjali u s-second car tiegħu; u/jew b) kemm qed jinkrew kuljum il-karozza uffiċjali u s-second car tiegħu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-karozza uffiċjali tiegħi hija Mercedes-Benz EQC 400 li hija mikrija mingħand Burmarrad Commercials għal €33.67-il ġurnata. Il-karozza ntgħażlet wara li nġabru 3 stimi minn fornituri differenti. Ninfurmaha wkoll li m’għandi l-ebda second car.