Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skema ‘Nikru biex nassistu’ - Kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt sar fl-iskema ‘Nikru biex nassistu’ minn Ottubru 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?  Jista’ jgħid ukoll f’liema lokalità jinsabu?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Awtorità tad-Djar - Żjarat fl-uffiċini

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna żaret l-uffiċini tal-Awtorità tad-Djar matul is-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2024 sa t-3 ta’ Novembru 2025, żaru lill-Awtorità tad-Djar total ta’ 50,019 persuna.

Għawdex – Immodernizzar tal-Pitkalija - Spiża

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ispejjeż li saru sabiex tiġi mmodernizzata l-Pitkalija f’Għawdex, matul din il-leġiżlatura u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b'sena?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari nru 32323.

Kollaborazzjoni ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea fuq pazjenti li jivvjaġġaw jew jgħixu barra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed ikun hemm kollaborazzjoni ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea sabiex Malta tkun parti min-network Ewropew ta’ skambju ta’ health records għall-pazjenti li jivvjaġġaw jew jgħixu barra?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li Malta ilha tipparteċipa b'mod volontarju fil-Cross-Border eHealth Services sa minn Diċembru 2019. Aktar informazzjoni hija disponibbli fuq l-portal https://crossborderhealth.gov.mt/crossborder-ehealth-services/. Bħalissa ukoll l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva qiegħed jipparteċipa fil-kummitat tal-Unjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni tal-atti tar-regolament dwar l-Ispazju tad-Data dwar is-Saħħa hekk magħruf bħala EHDS. Qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-website msemmija.

Electronic Health Records (EHR) – aċċess għall-pazjenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex il-pazjenti jingħataw aċċess għar-riżultati mediċi, preskrizzjonijiet u l-appuntamenti kollha online permezz tal-Electronic Health Records (EHR)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fuq il-portal, my Health, ir-riżultati mediċi, preskrizzjonijiet u l-appuntamenti diġa huma disponibbli lill-pazjent, ir-rapprezentat tiegħu/tagħha (fejn hu applikabli), kif ukoll it-tabib permezz tal-kunsess tal-pazjent.

Electronic Health Records (EHR) – professjonisti tas-saħħa mħarrġa

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm hu n-numru ta’ professjonisti tas-saħħa li ġew imħarrġa biex jużaw b’mod effettiv is-sistema Electronic Health Records (EHR) u kemm hu l-perċentwal ta’ uptake s’issa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li t-tobba kollha li jużaw is-sistema tal-IT tas-saħħa huma mħarrġa fl-użu ta’ dawn is-sistemi sabiex iwettqu x-xogħol kliniku tagħhom u din is-sistema qed jintużaw b'mod sħiħ.

Electronic Health Records (EHR) – problemi ta’ interoperability bejn is-sistemi differenti tal-Isptarijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx problemi ta’ interoperability fl-Electronic Health Records (EHR) bejn is-sistemi differenti tal-isptarijiet (L-Isptar Mater Dei, l-Isptar Karin Grech, l-Isptar Mount Carmel u l-Primary Health Care) u kif dawn qed jiġu solvuti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fil-maġġoranza tas-sistemi kliniċi, dawn jaqbdu mal-Health Data Exchange Engine li mbagħad dawn jiġu mibgħuta bħala messaġġi lejn sistemi oħrajn permezz tal-użu tal-HL7 standards. Għaddej programm ta' modernizzazzjoni tal-infrastrutura teknoloġika hekk kif deskrit fl-strateġija nazzjonali tas-saħħa diġitali u tad-dejta tas-saħħa.

Electronic Health Records (EHR) – baġit allokat għall-introduzzjoni u manutenzjoni tas-sistema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-baġit allokat għall-introduzzjoni u l-manutenzjoni tas-sistema Electronic Health Records (EHR) u kemm minn dan il-baġit diġà ntefaq?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fl-2019 saret sejħa pubblika u l-valur tal-offerta magħżula tinsab fid-dominju pubbliku fuq l-e-PPS.

Persuni bl-HIV

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ġew dijanjostikati bl-HIV fl-2024 u fl-2025 rispettivament?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għar-rigward tas-sena 2024 tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29218. Sat-28 ta’ Novembru 2025, ġew dijanjostikati 125 persuna.

Impjiegi - Impatt tal-AI u teknoloġiji ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ impjiegi li skont l-estimi tal-Gvern, mistennija jiġu spostati (displaced) minħabba l-introduzzjoni tal-Intelliġenza Artifiċjali u/jew teknoloġiji ġodda? Jista’ jgħid ukoll: i.    f’liema setturi se jseħħ dan l-impatt; ii.   x’inhi l-pjanifikazzjoni tal-Gvern biex dawn il-ħaddiema jiġu re-skilled għal impjiegi ta’ valur miżjud u iii.  f’liema settur ser jiġu re-trained?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat, u għalhekk ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant, li proprju fl-20 ta’ Novembru l-Gvern nieda dokument ta’ konsultazzjoni dwar l-aġġornament tal-istrateġija għall-intelliġenza artifiċjali. Fost il-miżuri proposti u msemmija hemm dawk marbuta mal-moniteraġġ ta’ ċaċliq anke fis-suq tax-xogħol minħabba l-intelliġenza artifiċjali. Il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) qal ukoll fi studju minn tiegħu li madwar 30% tas-suq tax-xogħol f’Malta jista’ jkun hemm spostament fih. Il-Gvern minn naħa tiegħu qed jara opportunità kbira fejn tidħol l-intelliġenza artifiċjali u kien għalhekk li fil-budget għas-sena d-dieħla ta inċentivi b’saħħithom biex jiżdied l-investiment fl-intelliġenza artifiċjali anke mis-settur privat. Dwar it-taħriġ u l-iskilling hemm diversi inizjattivi mifruxa, li ma jaqgħux biss taħt dan il-Ministeru. Pajjiżna llum ma jidħolx għal din ir-realtà bil-biża’ li jista’ jintilef ix-xogħol, iżda jidħol għaliha billi jara opportunità f’oqsma fejn l-intelliġenza artifiċjali tista’ tikkumplimenta l-work force tagħna u għalhekk nkomplu t-tranżizzjoni diġitali. Dan nistgħu nagħmluh b’ottimiżmu għax illum għandna l-inqas rata ta’ qgħad li qatt kellna u l-enfasi hija kif se nżidu l-kwalità fl-oqsma diversi, anke permezz tal-Envision 2050.
Leg 14 PQ #32589 Sitting 420 - 10/12/2025 16:30 2025-12-10 Oral · Final From: CHRIS SAID (Partit Nazzjonalista) To: Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar

Għawdex - Ta’ Xħajma - Proġett tas-Solar flowers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jkun ir-rwol tal-Ministeru tiegħu fil-proġett magħruf bħala ‘solar flowers’ li tpoġġew f’Ta Xħajma, Għawdex, issa li dan tlesta u ġie inawgurat? Jista’ jgħid ukoll jekk 'is-solar flowers' f'dawn l-aħħar ġimgħat u fil-preżent humiex qed jaħdmu kollha b'mod regolari u jiġġeneraw l-enerġija ta' kuljum?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn s-‘solar flowers’, li qegħdin jaħdmu kollha, huma mgħammra b’sistema teknoloġika intelliġenti. Permezz ta’ din is-sistema, meta jkun hemm buffuri ta’ riħ li jaqbżu ċertu limitu, dawn is-‘solar flowers’ jiċċaqalqu f’qagħda orizzontali jew jingħalqu għal kollox. B’hekk dawn is-‘solar flowers’ ma jġarrbux ħsarat.

Sistema ta’ sigurta – protezzjoni ta’ data medika ta’ pazjenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar x’sistema ta’ sigurtà u encryption qed tintuża biex tiġi protetta d-data medika tal-pazjenti kontra cyberattacks jew aċċess mhux awtorizzat?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li s-sistemi vertikali tas-settur tas-Saħħa, inklużi dawk kliniċi u amministrattivi, huma meħtieġa jaderixxu mal-politiki ta’ sigurtà stabbiliti fil-qafas tal-GMICT, li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-data u l-konformità ma’ standards nazzjonali. B’konformità mar-rwol tagħha, il-MITA hija responsabbli għall-pjattaformi u s-servizzi orizzontali tal-Gvern, bħall-hosting, l-identità u l-infrastruttura komuni. Fejn is-sistemi tas-Saħħa jagħmlu użu minn dawn is-servizzi orizzontali, dawn ikunu protetti skont l-għola livelli ta’ sigurtà, b’kontrolli u proċeduri allinjati mal-politiki GMICT u l-prattiki ta’ sigurtà tal-MITA.

Electornic Health Records (EHR) integrazzjoni tal-isptarijiet private u l-professjonisti mediċi barra mis-servizz pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-sistema Electronic Health Records (EHR) hijiex integrata mal-isptarijiet privati u l-professjonisti mediċi barra mis-servizz pubbliku, sabiex tiġi żgurata kontinwità tal-kura?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-integrazzjoni tar-Rekord Nazzjonali Elettroniku tas-Saħħa mal-isptarijiet privati għadha fil-proċess ta’ żvilupp. Dan jeħtieġ xogħol kemm mill-Ministeru tas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva kif ukoll minn kull sptar privat. L-integrazzjoni hija possibbli permezz tal-użu tal-istandards FHIR. L-ewwel prijorita hija li jiġu kompluti r-rekords diġitali permezz tad-dejta mis-servizzi tas-saħħa publiċi, dan għaliex il-maġġoranza tas-servizzi tas-saħħa huma provduti mill-gvern. Mal-privat għadna fi stadju bikri. Minkejja dan, it-tobba kollha privati għandhom aċċess għall-funzjoni tat-tabib fi ħdan il-portal myHealth flimkien mas-servizz 'cross-border eHealth' li ilhom disponibbli sa mill-2019.

Skejjel – Għajnuniet għal studenti b’kondizzjoni newroloġika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-iskejjel privati u tal-Knisja jingħatawx għajnuniet finanzjarji jew xi tip ta’ għajnuna oħra sabiex ikunu jistgħu joffru riżorsi speċjali lil studenti li jkollhom kundizzjoni newroloġika ta’ tagħlim (Specific Learning Difficulty – SpLD) bħad-dyslexia?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar snin, l-Istat nieda inizjattiva għall-provvista ta’ Reader Pens lil studenti b’dyslexia jew kundizzjonijiet simili. Kif muri hawn taħt, matul din is-sena skolastika hemm total ta’ 174 student li se jibbenefikaw mir-Reader Pens fl-iskejjel tal-Knisja. ·    Year 11 – 61 student ·    Year 10 – 72 student ·    Year 9 – 41 student (imwielda fl-2012) huma eliġibbli japplikaw għall-pen bejn Diċembru 2025 u Jannar 2026 Barra minn hekk, l-Istat qed jopera skema annwali ta’ għotjiet għal Skejjel Non-State, magħrufa bħala Assistenza lill-Iskejjel tal-Knisja u Indipendenti relatata ma’ Infiq Kapitali fl-Implimentazzjoni ta’ Riformi Edukattivi. Skejjel tal-Knisja li jippreżentaw proġetti li jtejbu l-esperjenza edukattiva tal-istudenti, li jistgħu jinkludu wkoll riżorsi li jgħinu studenti b’kundizzjoni ta’ tagħlim newroloġika (Diżabilità Speċifika fit-Tagħlim, SpLD), bħad-dyslexia — jistgħu jibbenefikaw minn rimbors ta’ 15.25% tal-ispejjeż li jkunu saru biex jiġi ffinanzjat il-proġett.

Disponibbiltà tal-braille lil hinn mis-snin bikrin

Question

Fid-dawl tal-evidenza xjentifika qawwija li turi kemm il-braille huwa essenzjali għal-litteriżmu, l-indipendenza u l-opportunitajiet fil-ħajja ta’ persuni b’nuqqas ta’ vista jew għomja, jista’ l-Ministru jispjega għaliex it-tagħlim tal-braille m’għadux disponibbli lil hinn mis-snin bikrin tal-edukazzjoni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Il-FITA u l-għalliema tal-Visually Impaired jikkollaboraw flimkien sabiex jipprovdu sapport lill-istudenti b’nuqqas ta’ vista. Hemm madwar 100 tifel u tifla li għandhom nuqqas ta’ vista parzjali jew totali. Hemm xi studenti li jattendu skejjel tal-Gvern li talbu s-sapport u wrew interess fil-qasam tal-Braille filfatt dawn l-istudenti jieħdu l-korsijiet tal-Braille li jiġu offruti wara l-ħin tal-iskola. Il-Braille huwa introdott fl-ewwel snin bikrin tal-edukazzjoni minħabba l-fatt li dan huwa l-mezz primarju li minnu l-istudenti jibbenefikaw, filfatt fl-iskejjel tal-Istat l-istudenti li qegħdin fil-klassijiet bikrin jitgħallmu jiktbu u jaqraw bl-użu tal-Braille għax jgħinhom fl-iżvilupp tal-moħħ. Madankollu, ladarba l-istudenti jimxu ’l quddiem fis-sistema edukattiva, l-għażliet ta’ tagħlim jiġu adattati skont il-ħiliet u l-kapaċità, il-progress u l-metodi tagħhom l-aktar effettivi għalihom sabiex ikomplu mal-kurrikulu fil-klassi ma' sħabhom bl-użu bħal touch typing, l-użu ta’ software assistance, tactile resources, oġġetti konkreti, u teknoloġiji assistivi li jiġu rrakkomandati wara assessjar tekniku u edukattiv flimkien mal-FITA, il-Malta Trust Foundation u l-għalliema tal-Visual Impairment. Dawn il-metodi, f’ħafna każijiet, qed ikunu aktar effiċjenti għall-kontenut edukattiv speċjalment fl-iskejjel sekondarji.

Lezzjonijiet tal-braille barra l-ħinijiet tal-iskola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Foundation for Information Technology Accessibility (FITA) jew xi entità oħra, tipprovdix lezzjonijiet tal-braille barra l-ħinijiet tal-iskola, biex tiġi żgurata inklużjoni vera u sabiex l-istudenti b’nuqqas ta’ vista jew għomja ma jkollhomx jitilfu lezzjonijiet oħra, sitwazzjoni li tista’ titqies bħala diskriminazzjoni indiretta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-FITA tassisti u tgħin fejn ikun hemm bżonn. Infurmat li tippromwovi inklussività fejn jidħlu nies b’diżabilità u individwi ta’ eta avvanzata sabiex jiġu mgħejjuna jtejbu l-istil ta’ ħajja tagħhom. Infurmat ukoll li l-FITA bdew jipprintjaw kotba tal-braille bil-Malti.

Rapport tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2024 - Kunsilli Lokali - Finanzjament

Question

Fid-dawl tar-Rapport tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2024, fejn f’paġna 36 hemm referenza għall-fatt li kumitat imwaqqaf apposta biex jistudja l-formula tal-finanzjament tal-kunsilli lokali, kien ħareġ ir-rapport tiegħu f’Diċembru 2023, iżda baqgħu ma ġewx implimentati, jista’ l-Ministru jgħid x’qed iwassal għal dan id-dewmien? Jista’ wkoll iqiegħed kopja ta’ dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 matul Novembru 2025, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 matul Novembru 2025, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.