Legislature:
Category:
Reset
Active:

Inċidenti fuq siti ta’ kostruzzjoni – pulizija preżenti waqt li jkunu għaddejjin inkjesti maġisterjali

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6493, jista’ l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub, u ċjoè kemm u fejn hemm siti ta' kostruzzjoni li dwarhom għaddejjin inkjesti maġisterjali u li għandhom pulizija għassa magħhom? Liema huma s-siti kollha li magħhom bħalissa hemm għassa ta' pulizija?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi din l-ordni tkun fid-diskrezzjoni tal-Maġistrat Inkwerenti. Infurmat li preżentament hemm tliet siti li għandhom xi tip ta' għassa li huma f'Raħal Ġdid, Santa Venera u San Pawl il-Baħar.

Pulizija għassa ma’ siti ta’ kostruzzjoni li dwarhom tkun għaddejja inkjesta maġisterjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm, u liema huma s-siti li l-maġistrat li kien qed jagħmel, jew għadu għaddej b'inkjesta fuq inċidenti li seħħew fuq siti ta' kostruzzjoni fil-fatt ordna li jkun hemm għassa ta' pulizija mal-istess sit, u dan għaliex skont it-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6493, huma l-maġistrati inkwerenti li jordnaw jew le li jkun hemm għassa ta' pulizija ma’ tali siti li dwarhom tkun qed issir (jew saret) l-inkjesta maġisterjali?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li in vista tal-artikolu 518 tal-Kodiċi Kriminali l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.

Marsaxlokk – Triq Lambordi limiti ta’ Delimara

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk tistax titkompla Triq Lambordi limiti ta’ Delimara, Marsaxlokk, li tiġi qrib ukoll Kamra tan-Nar, sa Triq Xrobb l-Għaġin, minħabba li s’issa nofsha biss saret?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġà sar xogħol struttruali f’parti mit-triq imsemmija u bħalissa għaddej ukoll xogħol ta’ resurfacing wara li sar xogħol minn entitajiet oħra. Madanakollu, Infrastructure Malta għaddejja b’taħdidiet mal-Kunsilli Lokali kollha biex isir pjan ta’ toroq residenzjali u rurali li se jkunu qed isiru f’kull lokalità, inkluż f’Masaxlokk, matul is-snin li ġejjin. Dawn id-diskussjonijiet għadhom ma ġewx konklużi.

Fgura – Triq il-Kampanella – xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1198, 5700 u 6522, tista’ l-Ministru tara li x-xogħlijiet indikati u li jinsabu fl-aħħar parti ta’ Triq il-Kampanella, Fgura, fid-direzzjoni ta’ Raħal Ġdid, ma jdumux ma jsiru?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet għadhom għaddejjin u l-Korporazzjoni qed tiżgura li jsiru mingħajr dewmien.

Għawdex – Kerċem — Għadira ta’ San Rafflu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6356, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta’ monitoraġġ tal-Għadira ta’ San Rafflu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif indikat fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6356, il-monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma u l-ekoloġija fl-Għadira ta’ San Rafflu huwa għaddej bħalissa. Għaldaqstant, ir-rapport marbut ma’ dan il-monitoraġġ ikun jista’ jiġi ppreżentat meta tiġi konkluża l-evalwazzjoni ta’ din l-informazzjoni.

Raħal Ġdid – Triq Kordin – manutenzjoni ta’ appartamenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6351, jista’ l-Ministru jikkonsidra li ssir il-manutenzjoni fuq il-parti esterna tal-appartamenti fi Triq Kordin, Paola?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'għandi xejn xi nżid mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6351.

Għajnuna lil gazzetti minħabba l-pandemija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-gazzetti li ngħataw xi forma ta’ għajnuna minħabba l-effetti tal-pandemija u jekk il-gazzetta, li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, hijiex tirċievi wkoll dan?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kulleġġ ta’ Santa Margerita – exclusions f’dawn l-aħħar sitt snin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6652 u jgħid kemm ingħataw exclusions lill-istudenti fil-Kulleġġ ta’ Santa Margerita tul dawn l-aħħar sitt snin, possibbilment maqsuma sena b’sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Turisti li niżlu f’pajjiżna tul dawn l-aħħar għaxar snin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm turisti li waslu f’pajjiżna bil-baħar tul dawn l-aħħar għaxar snin sena b’sena?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skont it-tabella hawn taħt. Dawn iċ-ċifri huma tal-viżitaturi kollha li ġew Malta bil-baħar li jkunu qattgħu minn tal-inqas lejl fil-pajjiż, u għalhekk jiġu meqjusa bħala turisti, kemm għal skopijiet ta’ vaganza kif ukoll għal skopijiet ta’ negozju. Il-figuri ma jinkludux passiġġieri li ġew Malta permezz ta’ cruise liners u li ma qattgħux lejl fil-pajjiż (same-day visitors). SENANUMRU TA' TURISTI 201352,363 201473,189 201561,460 201670,497 201787,997 201882,234 201969,861 202019,525 202133,456 202298,831

MCAST — Studenti tal-kors ta' Environment Science and Sustainable Technologies - stipendi

Question

Billi studenti li qed jagħmlu kors ta’ Environmental Science and Sustainable Technologies fl-MCAST ilhom ma jirċievu stipendju mill-2021, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew jirċievu l-istipendju u jekk hux se jingħata b’lura mill-2021?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudenti kollha għal dan il-kors huma intitolati għall-istipendju u min kien intitolat ħadu.

Immigrations Appeals Board — każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm każi pendenti quddiem l-Immigration Appeals Board? Jista’ jgħid kemm daħlu każi quddiem l-Immigration Appeals Board sena b’sena fl-aħħar ħames snin? Jista’ jgħid kemm inqatgħu każi quddiem l-Immigration Appeals Board sena b’sena fl-aħħar ħames snin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-każijiet li daħlu quddiem l-Immigration Appeals Board u ġew deċiżi u li hemm pendenti huma indikati fit-tabella t’hawn taħt. 2019 2020 2021 2022 Każijiet Deċiżi Pendenti Każijiet Deċiżi Pendenti Każijiet Deċiżi Pendenti Każijiet Deċiżi Pendenti 2634 2508 126 2408 2318 90 2209 1976 233 5382 4378 1004 (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 1506 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'seduta 100 tal-14 ta' Marzu 2023)

Vittmi ta’ vjolenza domestika li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni vittmi ta’ vjolenza domestika li għadhom qed jistennew akkomodazzjoni soċjali? Kemm ilhom li applikaw għal dan is-servizz?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tingħata f’seduta oħra.

Manutenzjoni ta’ proprjetajiet – miżuri ħodor

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri green qed jieħu bħala manutenzjoni tal-proprjetajiet tiegħu?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar qed taħdem fuq proġett pilota ta’ retrofitting fi blokka t’appartamenti f’Ħaż-Żabbar fejn ser jiġu installati diversi miżuri li jiffrankaw l-enerġija.

Ħ’Attard – Central link – tkomplija tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol mill-pont ta' Ħ'Attard u r-roundabout li kien parti mix-xogħol li sar fuq is-Central link?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pont fi Triq il-Linja, Ħ’Attard, se jitwessa’ sabiex jitneħħa l-bottleneck eżistenti li hemm f’din iż-żona. Meta jintemm it-twessigħ ta’ dan il-pont, l-aħħar saffi ta’ asfalt jistgħu jsiru fil-parti ta’ Triq il-Linja li tmiss ma’ Triq l-Imdina. Sabiex jitwessa’ l-pont jeħtieġ li jingħalaq għat-traffiku għal numru ta’ ġimgħat biex ikun jista’ jsir ix-xogħol meħtieġ. Biex isir dan, ir-rotot alternattivi jridu jkunu lesti mix-xogħol li jkun għaddej fihom u jkunu miftuħa b’wiċċ ta’ asfalt adekwat biex ikunu jistgħu jintużaw.

Ħ’Attard – Xogħlijiet ta’ toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq f’Ħ'Attard li għandhom jiġu rranġati, jew għandu jsir xi xogħol fuqhom, tul l-2023?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aġenzija tinsab f’diskussjonijiet attivi mal-kunsilli lokali kollha, fosthom dak ta’Ħ’Attard u hemm pjan sabiex din l-akwata tgawdi minn proġetti infrastrutturali. Dawn id-diskussjonijiet għadhom ma ġewx konklużi.

Ħ’Attard – Xogħlijiet ta’ toroq

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma t-toroq f’Ħ'Attard li għandhom jiġu rranġati, jew għandu jsir xi xogħol fuqhom, tul l-2023?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li, fil-preżent, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża m’għandhomx ħsieb li jagħmlu xogħlijiet f’toroq f’Ħ’Attard matul l-2023. Dwar xogħlijiet oħra infrastrutturali tat-toroq, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Segretarjat Privat tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karozza hemm fis-Segretarjat Privat tiegħu u x’inhi l-għamla tagħhom? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għall-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu? Jekk ma nħarġet l-ebda tender, jista' jgħid: a) mingħand min inxtraw u kemm ġew jiswew il-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu; jew b) kemm qed jinkrew kuljum il-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu u mingħand min?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żewġ karozzi li, skont il-Manwal, jintużaw mis-segretarjat privat huma kif jidhru fit-tabella ta’ hawn taħt: Għamla Mixtrija/Mikrija Data Tender/Direct Order Ditta Prezz (VAT eskluża) Toyota Auris Mixtrija 2015 Direct Order Michael Debono Ltd. €14,246.01 Citroen C4 Cactus Mixtrija 2015 Direct Order Michael Attard Ltd. €14,590.97

Segretarjat Privat tal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal — karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karozza hemm fis-Segretarjat Privat tiegħu u x’inhi l-għamla tagħhom? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għall-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu? Jekk ma nħarġet l-ebda tender, jista' jgħid: a) mingħand min inxtraw u kemm ġew jiswew il-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu; jew b) kemm qed jinkrew kuljum il-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu u mingħand min?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Segretarjat Privat tal-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karozza hemm fis-Segretarjat Privat tiegħu u x’inhi l-għamla tagħhom? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għall-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu? Jekk ma nħarġet l-ebda tender, jista' jgħid: a) mingħand min inxtraw u kemm ġew jiswew il-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu; jew b) kemm qed jinkrew kuljum il-karozzi tas-Segretarjat Privat tiegħu u mingħand min?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ż-żewġ karozzi li, skont il-Manwal, jintużaw mis-segretarjat privat tiegħi huma kif jidhru fit-tabella t’hawn taħt. Għamla Mixtrija/Mikrija Data Tender/Direct Order Ditta Prezz (VAT eskluża) hatchback Mixtrija 2016 Direct Order Citroen €16,200.00 hatchback Mixtrija 2021 Tender Toyota €18,111.01