Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6573 u jgħid kemm hemm persuni li bħalissa qegħdin jistennew post tal-Housing? Kemm minn dawn il-persuni huma barranin li jgħixu Malta?
Response (GALDES, RODERICK)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4233. Minn dawn, 72 huma persuni barranin li jgħixu Malta. Sabiex persuna barranija tkun tista’ tapplika għall-akkomodazzjoni soċjali, irid ikollha status ta’ refuġjat, ġejja minn pajjiż mill-Unjoni Ewropea jew miżżewġa ċittadin/a Malti.
Imġarr — Skola Primarja - Tqassim ta' Frott u ħxejjex
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6571 u jgħid x'inhi r-raġuni li ma tqassamx frott u ħaxix lit-tfal fl-iskola primarja tal-Imġarr? Jista' jgħid jekk iċ-ċirkolari dwar tqassim ta’ frott u ħaxix waslitx għand il-ġenituri tat-tfal li jattendu l-iskola?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sitwazzjoni ġiet solvuta.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6574 u jgħid kemm kien hemm barranin jgħixu f'post tal-Gvern fis-snin 2020, 2021 u 2022?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ma jkollhiex informazzjoni fuq in-nazzjonalità tal-persuna li tkun qed tgħix, jekk ikun il-każ, mal-persuna li tkun allokata l-post wara li jkunu ġew sodisfatti l-kriterji tal-eleġibilità.
Wara li l-Kunsill Lokali bagħat ’il fuq minn 30 email biex jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet konċernati dwar l-istat li fih tinsab Triq il-Kbira, Ħal Balzan, wara xogħol ħażin li sar bħala parti mill-Flood Relief Project, kif anke ġie kkonfermat mill-perit imqabbad mill-Kunsill Lokali stess, jista' l-Ministru jgħid meta dan l-inkonvenjent kbir se jitranġa?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-Gvern jagħmel kawża għal €300 miljun u aktar li tħallsu minn fondi pubbliċi lis-soċjetà Vitals Global Healthcare wara li l-Qorti ordnat li l-kuntratti ġew nulli?
Response (ABELA, ROBERT)
Is-sentenza tal-24/2/2023 għadha m’għaddietx inġudikat, stante li qed jiddekori t-terminu konċess għall-intavolar ta’ appell. Il-Gvern, jekk jiġi intavolat appell, se jitlob illi jinstema’ b’urġenza biex tiġi stabbilità ċertezza u wara li s-sentenza tgħaddi inġudikat, ikun jista’ jesplora t-toroq biex jipproteġi bl-aqwa mod l-interess nazzjonali.
Financial Incentives for the Audiovisual industry — għoti ta' inċentivi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4339, 4896, 5647, 5844, 6251 u 6478 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont dettaljat ta’ kull inċentiv li ngħata taħt il-Financial Incentives for the Audiovisual Industry: Cash Rebate mill-2006 sal-2022 s’issa? Għal kull proġett, jista’ jinkludi l-isem tal-proġett, l-isem tal-kumpanija li bbenefikat mill-cash rebate, l-ammont li ngħata mill-Gvern bħala Cash Rebate, l-ispiża diretta tal-film f’Malta u l-ispiża indiretta (fuq riżorsi jew servizzi mill-UE) li kienet eliġibbli għal cash rebate?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6045, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu, u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5589, peress li l-Ministru qed jgħid li ttieħdu dawn il-miżuri biex in-nies jaqsmu t-triq b'mod aktar sigur, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru inċidenti fi Triq it-Tiġrija fiż-żmien meta t-traffic lights kienu aċċessibbli għall-pubbliku u kemm saru inċidenti fiż-żmien meta t-traffic lights kienu aċċessibbli biss għas-sidien tal-entitajiet kummerċjali, u għal kull każ jgħid kemm weġġgħu jew saħansitra mietu nies u jekk kenux fil-karozza jew pedestrians?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Mtarfa – Skola Primarja – trasferiment tal-istudenti għall-Imsida Hub
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-trasferiment tal-istudenti tal-Iskola Primarja tal-Imtarfa għall-Imsida Hub minħabba l-problemi strutturali tal-binja hijiex miżura temporanja u jekk il-ġenituri ta' dawn l-istudenti jistgħux iserrħu rashom li t-tfal tagħhom ser jibdew is-sena skolastika li jmiss mill-iskola tar-Rabat?
Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar ix-xogħlijiet fi Triq il-Kbira, ir-Rabat, peress li fi ftit ġimgħat se tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Ġużepp fir-Rabat fit-toroq tal-madwar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq l-ewwel fażi hu previst li jkun lest fl-ewwel ġimgħa ta’ Marzu. Intlaħqet deċiżjoni, wara li ġiet diskussa mal-entitajiet kollha kkonċernati, li x-xogħol ser jieqaf għal ħmistax-il ġurnata sabiex ikun jista’ jsir l-armar u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa ta’ San Ġużepp. Ix-xogħol mistenni jitkompla wara t-22 ta’ Marzu.
MFSA – Executive Committee – rapporti mill-pubbliku ta’ kunflitt ta’ interess
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6384, jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kumitat imsemmi fl-istess tweġiba? Jista’ jgħid min għandu aċċess għall-ilmenti li jidħlu mill-website pubbliku tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA)?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-membri tal-Kumitat huma skont it-tabella t'hawn taħt:
GRAD
ISEM
Acting CEO & Chief Officer Enforcement
Ms Michelle Mizzi Buontempo
Chief Officer Supervision
Mr Christopher Buttigieg
General Counsel
Ms Edwina Licari
Chief Officer Strategy, Policy & Innovation
Mr Michael Xuereb
Chief Operations Officer
Mr Ivan Zammit
Secretary
Ms Rosalie Tanti
Id-Dipartiment tal-Komunikazzjoni fi ħdan l-Awtorità għandu aċċess għall-ilmenti li jidħlu mill-websajt pubblika tal-Awtorità. L-ilmenti jingħaddu lil dipartimenti oħra konċernati fi ħdan l-Awtorità, sabiex l-ilment jiġi indirrzzat skont il-każ.
FIAU – Compliance Monitoring Committee – membri li ddikjaraw kunflitt ta’ interess
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6383, jista' l-Ministru jgħid x'verifiki saru biex jiġi assigurat li tali membri tal-Compliance Monitoring Committee fi ħdan il-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) ma kellhomx kunflitt ta' interess?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċjali tal-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) li jipparteċipaw fil-Compliance Monitoring Committee fi ħdan l-FIAU għandhom jiddikjaraw li m’għandhomx kunflitt ta’ interess qabel ma tibda d-diskussjoni.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6671 u jinforma lill-Kamra dwar il-progress tal-wegħda elettorali għall-bini ta' Arkivju Nazzjonali ġdid f’Ta’ Qali - proġett li jinkludi fih il-faċilitajiet moderni meħtieġa għall-preservazzjoni tal-patrimonju arkivistiku ta' pajjiżna? Jista’ jgħid jekk hemmx xi ħjiel dwar meta se jibda jittella’ dan il-bini u meta hemm hu maħsub li jitlesta u jibda jopera?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li proġett ta’ din il-portata jitlob ħafna preparazzjoni. Il-bini ta’ Arkivji Nazzjonali huwa proġett li jsir darba biss u għalhekk huwa importanti li jsiru preparazzjonijiet, kalkoli u tħejjiet kbar u sewwa biex ikollna arkivju nazzjonali li jixraq lil pajjiżna u li jaqdi sewwa l-funzjoni tiegħu.
Informat li sar diġà ħafna xogħol f'dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6644, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm kienet l-ispiża totali għall-akkwist tal-yacht tal-qlugħ "Viva Malta", li tnieda fil-21 ta' Diċembru 2022?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6645, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u ċjoè: Peress li l-yacht tal-qlugħ "Viva Malta" huwa yacht tekniku u kkumplikat ħafna biex jitħaddem, jista' l-Ministru jispjega r-raġuni għall-akkwist ta' yacht tal-qlugħ daqshekk ikkumplikat u tekniku?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
San Ġwann – Ġnien George Zarb bejn Triq il-Ġiżi u Triq is-Sardinell – xogħlijiet infrastrutturali
Question
B’referenza għall-Ġnien George Zarb li jinsab bejn Triq il-Ġiżi u Triq is-Sardinell f’San Ġwann, fejn bħalissa qed isiru xogħlijiet infrastrutturali kif jidher mir-ritratti annessi, jista' l-Ministru jgħid:
a. jekk il-ġnien hux se jitneħħa;
b. jekk hux se jinqalgħu xi siġar u jekk iva, kemm-il siġra u liema siġar ser jitneħħew; u
ċ. x'inhi r-raġuni għal dan?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6803 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
San Ġwann – Ġnien George Zarb bejn Triq il-Ġiżi u Triq is-Sardinell – xogħlijiet infrastrutturali
Question
B’referenza għall-Ġnien George Zarb li jinsab bejn Triq il-Ġiżi u Triq is-Sardinell f’San Ġwann, fejn bħalissa qed isiru xogħlijiet infrastrutturali kif jidher mir-ritratti annessi, jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokalim jgħid:
a. jekk il-ġnien hux se jitneħħa;
b. jekk hux se jinqalgħu xi siġar u jekk iva, kemm-il siġra u liema siġar ser jitneħħew; u
ċ. x'inhi r-raġuni għal dan?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann li ‘Ġnien George Zarb’ kulma kien jikkonsisti qabel inbeda dan il-proġett, huwa f’żewġ wesgħat ta’ ħamrija mdawwra b’żewġ filati ġebel mingħajr ebda faċilitajiet, aċċess, jew karatteristika oħra li jagħmluh ‘ġnien’, apparti t-titlu ta’ ‘ġnien’.
Infurmat ukoll mill-istess Kunsill li mhux talli dan il-‘ġnien’ mhux ser jitneħħa talli x-xogħol li qed isir illum fuq dan il-ġnien bħala parti mill-proġett mniedi mill-Kunsill Lokali, ser jittrasforma dawn iż-żewġ roqgħat ta’ ħamrija fi ġnien b’aċċessibbiltà inklussiva għal kull min ikun irid iżuru. Tali faċilitajiet infurmat li jinkludu bankijiet, bins, dawl u anke bike stands fost faċilitajiet oħrajn u dan filwaqt li jinżamm il-kunċett ta’ sostenibbiltà u armonija man-natura.
Intant infurmat ukoll li s-siġar eżistenti kważi kollha ser jiġu integrati f’dan il-proġett minbarra tnejn, li qed jikkawżaw ħsarat fl-infrastruttura. Dawn huma siġar tal-‘ficus’.
Fuq nota finali, infurmat li l-motivazzjoni wara dan il-proġett hija li nkomplu noħolqu spazji rikreattivi, ħodor u sostenibbli u b’aċċessibblità inklussiva madwar ir-raħal kollu ta’ San Ġwann. Dan l-impenn ġie kkonfermat ukoll reċentement hekk kif tħabbar li ser ikun qed isir proġett kbir ta’ spazju miftuħ li se jkun qed jitwettaq minn dan il-Gvern fil-lokalità. Tali proġett qed jitnieda bil-permess tal-Awtorità kkonċernata.
FATF – trasparenza u żieda benefiċjarja tal-kumpaniji
Question
F'konformità mal-gwida tal-FATF dwar it-trasparenza u s-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji, jista' l-Ministru jgħid min kienu s-sidien benefiċjarji tal-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, meta ngħataw il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet statali tagħna fl-2016 u jekk kienx hemm xi bidla fis-sjieda benefiċjarja ta’ din il-kumpanija fl-2017?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
FATF – trasparenza u żieda benefiċjarja tal-kumpaniji
Question
F'konformità mal-gwida tal-FATF dwar it-trasparenza u s-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min kienu s-sidien benefiċjarji tal-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, meta ngħataw il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet statali tagħna fl-2016 u jekk kienx hemm xi bidla fis-sjieda benefiċjarja ta’ din il-kumpanija fl-2017?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Awtorità tal-Ippjanar – fondi miġbura minn skemi diversi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandha fondi l-Awtorità tal-Ippjanar li huma miġbura permezz tal-Commuted Parking Payment Scheme (CPPS), id-Development Planning Fund jew xi skemi oħra ta' ġbir ta' fondi mill-istess Awtorità, lokalità lokalità? Kemm minn dawn il-fondi huma committed ma' kunsilli lokali, jew xi għaqdiet volontarji oħra, lokalità lokalità, u f'kull każ għal liema żviluppi huma committed dawn il-fondi, kemm hu l-valur approvat committed u minn liema kunsill lokali jew għaqda saret l-applikazzjoni? Meta ġew approvati u meta ġie ffirmat kull ftehim li għad irid jitħallas?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minħabba n-natura dettaljata tal-PQ ngħarraf li t-tagħrif mitlub se jingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn postijiet li għandhom pulizija ‘fixed point’ magħhom? F’liema lokalitajiet, separatament, jinsabu dawn il-‘fixed points’? Jista’ jgħid ukoll jekk il-pulizija li jkunu ‘fixed point’ fil-fatt jonqsux mill-complement li jkun hemm assenjat għal dik il-lokalità jew inkella jkunux żieda mal-complement tal-għasses?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ postijiet li li għandhom pulizija ‘fixed point’ magħhom bħalissa huma tmienja u għoxrin. Dawn id-doveri jkunu assenjati lill-uffiċjali barra mill-ħinijiet normali tax-xogħol tagħhom u għalhekk l-uffiċjali li jkun hemm, ma jonqsux mill-complement li jkun hemm assenjat għal xi lokalità jew sezzjoni. Mhix il-prassi li tingħata informazzjoni dwar il-lokalitajiet fejn hemm dawn il-fixed points.