Strument li jkollu l-forza ta’ liġi f’Malta jew xi dispożizzjoni tiegħu li jmorru kontra l-Kostituzzjoni
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm sentenzi li jiddikjaraw li xi strument li jkollu l-forza ta’ liġi f’Malta jew xi dispożizzjoni tiegħu jmorru kontra xi dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni ta’ Malta jew xi dritt tal-bniedem li ġie mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra skont l-artikolu 242(1) tal-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili? Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba ħa azzjoni biex ineħħi kull inkonsistenza mal-Kostituzzjoni ta’ Malta jew mad-dritt jew libertà fundamentali kif maħsub fl-artikolu 242(2)?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kodiċi tal-Etika tal-Ġudikatura japplikax għall-membri tat-tribunali amministrattivi u l-bordijiet kważi-ġudizzjarji li jaqgħu taħt l-oversight tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Kodiċi tal-Etika li jirregolaw dawn it-tribunali u l-bordijiet?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Bir-rispett kollu lejn l-Onor. Interpellant, għandi nibda billi nikkwalifika din ir-risposta b’referenza għall-Ordni Permanenti Numru 27(5), illi jipprovdi li interpellanza ma għandhiex titlob soluzzjoni ta’ kwistjoni legali astratta, jew ta' propożizzjoni ipotetika. Dan in kwantu li l-interpellanza tinvolvi l-interpretazzjoni tal-liġi li, kif nafu, hija funzjoni li iżjed tirrisjedi naturalment fil-Qrati milli f'din il-Kamra.
Minn qari tas-subartikolu 101A (11) tal-Kostituzzjoni mkien ma jirriżulta li l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja għandha l-funzjoni li toħroġ Kodici ta' Etika għall-membri ta' Tribunali Amministrattivi u Bordijiet li jeżerċitaw funzjonijiet hekk imsejħa "Kważi-Ġudizzjarji", fis-sens illi jiddeċiedu litiġji wara proċedura kontenzjuża ta' smiegħ. Is-subartikolu 110(11) fil-paragrafu (h) jipprovdi illi l-Kummissjoni tista' ukoll tingħata funzjonijiet oħra b'liġi b'żieda ma dawk li jelenka l-istess subartikolu, iżda huwa raġjonevoli li wieħed jippreżumi illi dan jista' jsir sakemm dawk il-funzjoniet ikunu ukoll jinkwadraw fil-qafas ġenerali tal-funzjonijiet attribwiti lill-Kummissjoni mill-Kostituzzjoni.
Il-liġi speċjali dwar it-Tribunali Amministrattivi hija l-Att dwar il-Ġustizzja Amministrativa (Kap. 490 tal-Liġijiet ta’Malta) li telenka l-prinċipji ta’ mġiba amministrattiva tajba u t-tribunali amministrattivi li għalihom huma espressament applikabbli.
Għandu jingħad ukoll illi ħafna drabi l-proċeduri tat-tribunal amministrattivi u r-regoli tas-smigħ xieraq applikabbli għalihom jinstabu ukoll fil-liġijiet li jistabbilixxu dawk it-Tribunali, li xi drabi jissejjħu ukoll ‘Bordijiet’.
Apparti dan, skont is-sentenzi kostanti tal-Qrati, dawn it-tribunali u bordijiet huma marbuta bil-prinċipju tal-legalità u bil-prinċipji tal-ġustizzja naturali li jinkludu l-obbligu tal-indipendenza u tal-imparzjalità li minnu nnifsu jeskludi l-imġiba mhux xierqa u inkompatibbli ma' dawk il-prinċipji.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għal Zambrano permit irċeviet Identity Malta bejn l-2013 u d-data ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, sena b'sena? Jista' jgħid ukoll kemm-il Zambrano permit inħareġ mill-2013 sal-lum, sena b'sena, kif ukoll jindika l-ġeneru tal-benefiċjarju?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li jidher li meta qed jagħmel referenza għal Zambrano qed jirreferi għas-sitwazzjonijiet simili bħal dawk trattati fil-kawża Nru C-34/09 Ruiz Zambrano vs. Office National de l-Emploi. Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull applikazzjoni għall-permess ta’ residenza tiġi eżaminata fuq il-bażi tal-liġijiet u policies nazzjonali u jekk ikun hemm bżonn jittieħdu fil-kunsiderazzjoni l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll dik Maltija. F’dan ir-rigward ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jeżisti ebda permess speċifikament imsejjaħ Zambrano permit.
Jista' l-Ministru jgħid meta se tinqala' u ssir mill-ġdid Triq il-Kbira f’Ħal Balzan?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’taħdidiet mal-Kunsilli Lokali kollha biex isir pjan ta’ xogħol infrastrutturali f’toroq residenzjali li se jkunu qed isiru f’kull lokalità, inkluż f’Ħal Balzan, matul is-snin li ġejjin. Dawn id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin.
Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni – ħruġ ta’ clearances
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6471, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm fil-maġġor parti tal-każi l-method statement li jiġi pprovdut lill-Awtorità jkun konformi mal-liġi, l-Awtorità xorta qiegħda titlob lill-perit konċernat sabiex jemenda l-method statement?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità titlob lill-perit ikkonċernat sabiex jemenda l-method statement f’dawk il-każi biss meta l-method statement ikun fih informazzjoni nieqsa u/jew ma jkunx formulat skont it-template uffiċjali pprovduta mill-Awtorità. It-template tal-method statement tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità u tista tiġi aċċessata u mniżżla mil-periti bħala word document.
Tista’ l-Ministru tgħid min hu responsabbli mill-manteniment tal-ġonna tal-Buskett li huma proprjetà tal-Gvern? Tista’ tgħid jekk hux jinqata’ l-frott mis-siġar taċ-ċitru li jinsabu f'dawn il-ġonna? Jekk dan il-frott qed jinqata’, x’qed isir minnu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li bħala parti mill-kuntratt tal-GEB għaż-żamma u manutenzjoni tat-tisbiħ f'toroq arterjali u ġonna pubbliċi hemm inkluż ukoll is-siġar taċ-ċitru tal-Buskett. Il-kumplament taż-żoni ġewwa l-ġonna tal-Buskett, eskluż artijiet privati u dawk li għandhom xi forma ta’ titolu mingħand l-Awtorità tal-Artijiet jieħu ħsiebhom id-dipartiment ta’ Ambjent Malta fi ħdan il-Ministeru.
Minn din is-sena ċ-ċitru li ser ikun qiegħed jinqata’ fil-Buskett ser jintuża għal għajnuna filantropika. Dan il-proċess huwa amministrat minn Ambjent Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid kif ser jinħadem il-prezz ta' art agrikola abbażi tal-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att sabiex jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’, Kap. 199"?
Response (REFALO, ANTON)
Infakkar lill-Onor. Interpellant kif fl-aħħar xhur, il-Gvern nieda White Paper għall-konsultazzjoni pubblika maħsuba biex jiġu ggarantiti s-sostenibbilità tal-biedja fejn jaħdmu mas-7,500 bidwi, il-produzzjoni tal-ikel u l-ħarsien tal-ambjent rurali. Din hi riforma bla preċedent fil-qasam tar-raba’, li gvernijiet passati wkoll tefgħu taħt it-tapit, imma qed titwettaq b’kuraġġ mill-amministrazzjoni attwali.
Ir-riforma, bħala parti mill-Politika Nazzjonali għall-Agrikoltura sal-2028, tipproponi t-twaqqif ta’ awtorità li tħares ir-raba’ privat u żżomm reġistru tal-art agrikola, waqt li tara wkoll li l-iżvilupp ta’ żoni agrikoli bil-konfini ta’ artijiet ta’ valur agrikolu, skont il-Pjanijiet Lokali tal-2006, jingħata d-dritt tal-ewwel preferenza lill-bdiewa kerrejja li jixtru art mikrija lilhom.
Hemm ukoll inċentivi finanzjarji li jinkoraġġixxu l-attività u l-investiment fil-qasam tal-biedja. Dan waqt li wkoll ingħatat għajnuna ta’ €3 miljun biex tittaffa ż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni agrikola kawża tal-impatt li qed tħalli l-Gwerra fl-Ukrajna.
Ninforma wkoll lill-Onorevoli interpellant li fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jippubblika Avviż Legali li jiggwida lill-bord kif jistabbilixxi l-prezz ġust tal-art agrikola bl-iskop li tiġi stabbilita il-kirja ġusta.
Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ — Kalkolazzjoni tal-mezzi tal-kerrej
Question
B'referenza għall-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att sabiex jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’, Kap. 199", jista’ l-Ministru jgħid kif se jiġu kkalkulati l-mezzi tal-kerrej?
Response (REFALO, ANTON)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi wkoll għat-tweġiba għall-mistoqsija numru 7089, ninformah li l-Bord għall-Kiri tar-Raba’ għandu l-fakultà li jiddetermina u jqis il-mezzi tal-kerrej fil-proċess li jistabbilixxi l-kera ġusta. Qabel ma nbidel l-Att, il-Bord diġà kellu l-fakultà li jqis il-mezzi tal-kerrej fid-deċiżjonijiet tiegħu taħt l-artikolu 4(2).
Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ – kriterji għal kundizzjoni tar-raba’
Question
B'referenza għall-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att sabiex jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’, Kap. 199", jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterju se tiġi stabbilita l-kundizzjoni tar-raba’?
Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’ – bord li jimmaniġġja l-liġi
Question
B'referenza għall-Abbozz ta' Liġi msejjaħ "Att sabiex jemenda l-Att dwar it-Tiġdid ta’ Kiri ta’ Raba’, Kap. 199", jista’ l-Ministru jgħid jekk inħatarx il-Bord li se jkollu l-Awtorità li jimmaniġġa din il-liġi u jekk fl-affermattiv, minn min hu ffurmat dan il-Bord?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Kiri tar-Raba’ jinħatar skont l-artikolu 5 tal-Kap. 199 u dwar il-kompożizzjoni tiegħu għandu jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għall-inċentiva maħruġa minn dan il-Gvern li permezz tagħha llum il-ġurnata t-trasport pubbliku sar b'xejn, peress li huma bosta dawk li għandhom flus maqbuda f’Tallinja card (flus li mhux jintużaw), jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx indikazzjoni ta’ meta ċ-ċittadini ser ikunu qed jirċievu rifużjoni ta' dawn il-flus?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f seduta oħra.
Uffiċċju tal-Prim Ministru — email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet lokali jew internazzjonali ma ġewx imwieġba mill-Uffiċċju tiegħu, u l-entitajieti/awtoritajiet li jaqgħu taħtu matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar u Frar 2023? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn l-emails bil-mistoqsijiet kollha li ġew mibgħuta mill-online news portals jew media houses, li ma ġewx imwieġba, għall-perjodu msemmi?
Response (ABELA, ROBERT)
Bħala membri tal-Kabinett tal-Ministri norganizzaw b’mod regolari diversi konferenzi tal-aħbarijiet li matulhom mhux biss nispjegaw inizjattivi ġodda u nagħtu dettalji dwar il-kisbiet li jkun qed jagħmel il-pajjiż, iżda nagħtu wkoll opportunità lill-ġurnalisti jistaqsu dwar liema tema jridu. Irrid ngħid li l-ġurnalisti jikkonkorru u d-domandi jkunu diversi.
Dan fl-istess ħin li jitwieġbu l-bosta domandi li jintbagħtu lill-Ministeru, liema risposti mbagħad jirrapportaw dwarhom il-mezzi tax-xandir. Isir sforz li sa fejn hu possibbli d-domandi kollha li jidħlu jitwieġbu.
Inżid li mhux l-ewwel darba li domandi li jkunu daħlu bil-kitba jkunu eventwalment indirizzati fil-konferenzi tal-aħbarijiet li semmejt qabel.
Ministeru għas-Saħħa — email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet lokali jew internazzjonali ma ġewx imwieġba mill-Ministeru tiegħu, u l-entitajieti/awtoritajiet li jaqgħu taħtu matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar u Frar 2023? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn l-emails bil-mistoqsijiet kollha li ġew mibgħuta mill-online news portals jew media houses, li ma ġewx imwieġba, għall-perjodu msemmi?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala membri tal-Kabinett tal-Ministri norganizzaw b’mod regolari diversi konferenzi tal-aħbarijiet li matulhom mhux biss nispjegaw inizjattivi ġodda u nagħtu dettalji dwar il-kisbiet li jkun qed jagħmel il-pajjiż, iżda nagħtu wkoll opportunità lill-ġurnalisti jistaqsu dwar liema tema jridu. Irrid ngħid li l-ġurnalisti jikkonkorru u d-domandi jkunu diversi.
Dan fl-istess ħin li jitwieġbu l-bosta domandi li jintbagħtu lill-Ministeru, liema risposti mbagħad jirrapportaw dwarhom il-mezzi tax-xandir. Isir sforz li sa fejn hu possibbli d-domandi kollha li jidħlu jitwieġbu.
Inżid li mhux l-ewwel darba li domandi li jkunu daħlu bil-kitba jkunu eventwalment indirizzati fil-konferenzi tal-aħbarijiet li semmejt qabel.