Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel tal-Knisja - Għeluq ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk skejjel tal-Knisja humiex intitolati għall-għeluq tat-triq fil-ħin tal-ġbir tal-istudenti wara l-ħin tal-iskola?  Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-proċess sabiex isir tali għeluq tat-triq u liema policy tirregola dan?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-Korp tal-Pulizija joffru dan is-servizz ta’ kull filgħodu u wara nofs inhar mat-tmenin skola tal-gvern madwar Malta u Għawdex. Biex tassisti bi preżenza ta’ uffiċċjali waqt dħul u ħruġ ta’ tfal minn skejjel, il-Pulizija tiġi gwidata mill-uffiċċju tas- Servizzi tat-Trasport fil-Ministeru tal-Edukazzjoni. Dan minkejja dak li jiprovdi l-artikolu 33 (1) (d) ta’ l-Att dwar il-Kunsilli Lokali (Kap.363).

Reserve Police Constables (Musicians) - Ħlas

Question

B’referenza għar-Reserve Police Constables (Musicians) ingaġġati mal-Korp tal-Pulizija ta’ Malta, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn sal-ġurnata li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari għadhom ma tħallsux għall-ħidma li saret matul ix-xahar ta’ Ottubru u Novembru 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fil-mument qed isiru verifiki dwar il-ħlasijiet ta’ Ottubru u kif ikunu lesti jsir il-ħlas. B'differenza minn ta' qablu dan il-Gvern dejjem iħallas lil l-Pulizija ta' xogħlhom. Iktar minn hekk infurmat li mill-1 ta’ Novembru 2025 ġiet installata sistema diġitali ta’ attendenza (Digital Attendance Device) fil-post fejn isiru l-provi tal-Banda tal-Pulizija, li tirreġistra l-attendenza. Din ser tassigura iżjed trasparenza, effiċjenza u tnaqqas ir-riskju ta’ żbalji jew nuqqasijiet relatati mas-sistema manwali preċedenti.

Ir-Rabat, Malta - Barriera fil-limiti ta’ Santa Katerina - Materjal mormi illegalment

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fejn ser jiġi depożitat il-materjal mormi illegalment fil-barriera li tinsab fil-limiti ta’ Santa Katerina fir-Rabat, Malta?  Tista’ tgħid ukoll jekk instabx post alternattiv?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-ammont kbir ta’ materjal li jinsab fil-barriera msemmija huwa materjal li jista’ jiġi riċiklat u allura m’għandux jiġi mormi. L-operatur tal-barriera huwa fl-istadju li jipproċessa dan il-materjal biex ġaladarba dan ikun sar, ikunu jistgħu jiġu stabbiliti l-livelli finali skont in-normi regolari tal-Ippjanar.

Ir-Rabat, Malta - Barriera fil-limiti ta’ Santa Katerina - Materjal mormi illegalment

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jittieħed baseline tal-materjal mormi illegalment fil-barriera li tinsab fil-limiti ta’ Santa Katerina fir-Rabat, Malta?  Tista’ tgħid ukoll jekk ġiex ikkalkulat jew meta ser jiġi kkalkulat kemm-il vjaġġ bit-trakk ser ikun hemm bżonn biex jitneħħa minn dan is-sit għal sit alternattiv?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li din il-materja qiegħda tkun indirizzata mill-Awtorità tal-Ippjanar flimkien mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi peress li fis-sit hemm illegalitajiet kemm ta’ natura ta’ pjanar u dawk ambjentali. L-Awtoritajiet talbu baseline tal-livelli lill-Perit u huwa parti mill-method statement mitlub lill-operatur. Barra minn hekk, sar ukoll drone survey. Ħafna mill-materjal fis-sit huwa materjal li jistà jiġi riċiklat u allura m’għandux jiġi mormi.

Ir-Rabat, Malta - Barriera fil-limiti ta’ Santa Katerina - Materjal illegali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess biex jitneħħa l-materjal illegali li tpoġġa fis-sit tal-barriera li tinsab fil-limiti ta’ Santa Katerina fir-Rabat, Malta? Tista’ tgħid ukoll jekk ġiex maħdum il-work method statement u tqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-method statement għar-restawr tas-sit, sottomess lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, għadu qed jiġi evalwat, anke permezz ta' spezzjonijiet fuq is-sit, biex jiġu verifikati l-livelli tal-art kollha kif proposti fid-dokument. Dan id-dokument jiġi approvat la darba tiġi konkluża din l-evalwazzjoni.

Ċerimonja tal-għoti tal-warrant lill-Inġiniera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se ssir iċ-ċerimonja tal-għoti tal-warrant lill-Inġiniera peress li l-aħħar waħda li saret kienet fit-30 ta' Ottubru 2024?

Response (BONETT, CHRIS)

Nifhem li l-Onorevoli Interpellant huwa edott mill-fatt li ftit tal-jiem ilu l-Qorti tat l-awtorizzazzjoni sabiex l-istudenti li ggradwaw mill-kors tal-inġinerija tal-MCAST jitħallew jersqu għall-warrants tagħhom. Pożizzjoni li l-Gvern appoġġja mill-ewwel ġurnata. Għaldaqstant ninfurmak li kif jispiċċa l-proċess tal-warrants ta’ dawn l-istudenti issir iċ-ċerimonja li jmiss għall-għoti tal-warrants, li qed naraw issir bejn Jannar u Frar li ġej.

Pembroke – Inċident fatali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid lill-Kamra fiex waslet l-investigazzjoni dwar inċident li seħħ fis-26 ta’ Lulju 2025 ġewwa Pembroke fejn individwu li kien qiegħed isuq mutur tilef ħajtu wara li ntlaqat minn karozza?  Jista’ jgħid jekk ix-xhieda kollha kinux intervistati mill-pulizija, u jekk le, għaliex dan ma sarx? Jista’ jgħid ukoll jekk is-sewwieq tal-karozza involuta fil-ħabta għadux f’pajjiżna u x’miżuri qed jittieħdu biex jibqa’ fil-pajjiż?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u/jew ta' Inkjesti Maġisterjali huma għal kollox indipendenti mill-politiku.

Rapport tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2024 - Popolazzjoni Maltija

Question

Billi l-popolazzjoni Maltija, kif irrappurtata fir-Rapport tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2024, hija ta’ madwar 520,000 ruħ, ferm inqas mill-popolazzjoni attwali, jista’ l-Ministru jgħid kif ser jiġi garantit li l-allokazzjoni lill-kunsilli differenti tiġi kkoreġuta biex tirrifletti l-popolazzjoni preżenti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li bħalissa għaddejja analiżi interna dwar il-formula li tirregola l-allokazzjoni finanzjarja għall-Kunsilli Lokali biex jekk hemm bżonn aġġustamenti, dawn ikunu jistgħu isiru.

Rapport tal-Awditur Ġenerali għas-sena 2024 - Kunsilli Lokali - Supplementary income

Question

Fid-dawl tar-Rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-kunsilli lokali għas-sena 2024 li jelenka lista tas-Supplementary Income, fejn filwaqt li xi kunsilli ħadu ammonti kbar, hemm kunsilli oħra li ma ħadu l-ebda fondi supplimentari, jista’ l-Ministru jagħti spjegazzjoni għal dan, u jgħid għal liema raġuni, f’kull kunsill individwali ingħataw dawn il-fondi supplimentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għal din il-mistoqsija parlamentari għadha qed tinġabar.

Double Taxation Treaties

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru double taxation treaties ġodda, fis-snin 2005 u 2006 u matul l-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u jagħti d-dettalji tagħhom?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi: ·       Fis-sena 2005 ma sar ebda ftehim ta’ double taxation agreement; ·       Fis-sena 2006 saru 3 double taxation agreements.  Dawn saru ma Spanja, San Marino u l-Iżlanda; ·       Fis-sena 2025 sal-ġurnata tal-lum ma sar ebda ftehim ta’ double taxation agreement.

Il-Kappara - Persuni li jirċievu pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32711 u jgħid kemm hemm persuni jgħixu l-Kappara li qed jirċievu pensjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-benefiċċjarji li ġejjin mill-Kappara huma rrapurtati fl-istatistika li ngħatat għal San Ġwann.

Pjazza tal-Mosta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed tiswa lill-Gvern biex tingħalaq il-Pjazza tal-Mosta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għat-Trasport tassisti biss permezz tal-provvista ta’ uffiċjali tal-infurzar sabiex ikun jista’ jitwettaq l-għeluq tal-Pjazza tal-Mosta. Barra minn hekk, l-Awtorità ma għandhiex spejjeż oħra relatati ma’ dan il-proċess.

Ix-Xewkija - Triq il-Gidi – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta, bejn wieħed u ieħor, ser jibda x-xogħol ta’ bini u rikostruzzjoni ta’ Triq il-Gidi fix-Xewkija (li taqa’ taħt ir-responsabiltà diretta tal-Ministeru tiegħu), peress li f’dawn l-aħħar disa’ snin u nofs sar ħafna bini fiha u tinsab bla wiċċ, u fi stat ħażin ħafna?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din hija waħda mit-toroq, li huwa ppjanat, li tiġi asfaltata.

Għawdex – Remote work spaces

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il remote work space nfetaħ s’issa f’Għawdex, u kemm jistgħu joqogħdu ħaddiema fihom? Kemm kienet in-nefqa sabiex dawn il-work spaces jitlestew u fejn jinsabu? Jista’ jgħid ukoll kemm sar użu ta’ dawn il-work spaces minn meta nfetħu, maqsuma xahar b’xahar, u jekk hemmx pjanijiet li jinfetħu aktar remote work spaces fil-gżira ta’ Għawdex?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li f’Għawdex infetaħ remote workspace wieħed li jinsab ġewwa l-Gozo Innovation Hub fix-Xewkija u jista' jakkomoda f'daqqa total ta’ 32 Uffiċjal Pubbliku. Din is-sena sa issa ntuża 'l fuq minn 2000 darba. In-nefqa biex tlesta dan ir-remote workspace kienet ta’ €51,103. S’issa m’hemmx pjanijiet li jinfetħu iktar remote workspaces. Dan għaliex it-teknoloġija kompliet dejjem tavvanza u l-idea ta' remote workspace evolviet għal hot desking li jista' jsir f'kull ħin u minn kullimkien.

Ix-Xewkija – Skola tal-Arti – Studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-istudenti li attendew korsijiet fl-Iskola tal-Arti fix-Xewkija matul is-sena skolastika 2023-2024 u 2024-2025, u kemm huwa n-numru tal-istudenti li bdew korsijiet fis-sena skolastika 2025-2026?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru ikkonċernat.

CT2130/2025 - RECONSTRUCTION AND UPGRADING OF SEVERAL ROADS IN QALA AND NADUR, GOZO IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER WHICH CONSIDERS WIDER ENV. IMPACTS INCLUDING THE REPLACEMENT OF BURIED INFRASTRUCTURE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ aġġudikazzjoni tas-sejħa ‘CT2130/2025 - RECONSTRUCTION AND UPGRADING OF SEVERAL ROADS IN QALA AND NADUR, GOZO IN A RESOURCE EFFICIENT MANNER WHICH CONSIDERS WIDER ENV. IMPACTS INCLUDING THE REPLACEMENT OF BURIED INFRASTRUCTURE’ u meta hu maħsub li jingħalaq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din is-sejħa għall-offerti qiegħda fi proċess ta’ evalwazzjoni.

CT3010/2025 TENDER FOR THE RECONSTRUCTION OF RUBBLE WALLS ALONG TRIQ TA’ XURDIN, TRIQ IR-RAMLA L-HAMRA AND TRIQ L-INZUL TAL-FRANCIZI, NADUR, GOZO AND IN OTHER SITES IN GOZO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ aġġudikazzjoni tas-sejħa ‘CT3010/2025 TENDER FOR THE RECONSTRUCTION OF RUBBLE WALLS ALONG TRIQ TA’ XURDIN, TRIQ IR-RAMLA L-HAMRA AND TRIQ L-INZUL TAL-FRANCIZI, NADUR, GOZO AND IN OTHER SITES IN GOZO’ (liema sejħa għalqet fil-5 ta’ Ġunju 2025) u meta hu maħsub li dan jingħalaq? Jista’ jgħid ukoll jekk dan il-proġett huwiex iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u jekk iva mil-liema programm u sakemm hu t-terminu li fih għandu jitlesta dan il-proġett sabiex b’hekk ma jintilfux il-fondi ta’ EU?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din is-sejħa għall-offerti qiegħda fi proċess ta’ evalwazzjoni.

Skema ta’ €100 fix-xahar għall-istudenti li jikru akkomodazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32610 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u jgħid jekk l-iskema fejn studenti jingħataw €100 fix-xahar meta jikru akkomodazzjoni bejn tliet studenti għadhiex fis-seħħ, u jekk hux ser tibqa’ fis-seħħ fl-2026?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li - kif tħabbar fil-baġit li ġie ppreżentat nhar is-27 ta’ Ottubru li għadda - minn Jannar tas-sena d-dieħla l-iskema ta' sussidju għall-istudenti li jikru akkommodazzjoni se tiġi amalgamata mal-iskema ta' sussidju għall-istudenti. Nixtieq infakkar li fil-preżent, aktar minn 850 student jibbenefikaw minn l-iskema ta' għajnuna għall-istudenti u għaldaqstant jingħtaw €166.66 fix-xahar.  Apparti hekk, madwar 150 minn fost dawn it-850 student jibbenefikaw ukoll sa massimu ta' €100 fix-xahar taħt l-iskema tal-għajnuna għall-akkommodazzjoni.  L-iskema tal-għajnuna għall-akkommodazzjoni se tibqa' fis-seħħ sa Diċembru 2025, biex eventwalment minn Jannar li ġej, tidħol fis-seħħ skema waħda li permezz tagħha l-istudenti kollha - li jammontaw għal aktar minn 850 student - jirċievu s-somma ta’ €280 fix-xahar.

Kuntratt ta’ xiri ta’ proprjetà immobbli - Stamp duty - Ħlas

Question

Meta jsir kuntratt ta’ xiri ta’ proprjetà immobbli, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tat-Taxxa jesiġix li l-ħlas tal-istamp duty tkunx ikkalkulata fuq il-valur tal-proprjetà dakinhar li jsir l-akkwist finali?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor interpellant li l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u Dwana timxi skont il-provedimenti tal Artikolu 32(1) tat-Taxxa Fuq Dokumenti u Trasferimenti (Kap. 364) tal-Liġijiet ta’ Malta, u tar-Regola 3(1) tal-Liġi Sussidjarja 364.06 li jaqraw kif ġej rispettivament: 32.(1) Għandha  titħallas  fuq  kull  dokument  u  fuq  kull sentenza, digriet jew ordni ta’ kull qorti jew awtorità oħra leġittima, li bihom ħaġa immobbli jew xi dritt reali fuq xi immobbli jiġi trasferit lil xi persuna u fuq kull dikjarazzjoni magħmula skont l-artikolu 33, għar-rigward ta’ persuni li minnhom joriġina t-trasferiment causa mortis li mietu fi jew wara t-23 ta’ Novembru,1999, taxxa ta’ ħames euro (5) għal kull mitt euro (100) jew parti minnha tal-ammont jew tal-valur ta’ dak li jingħata bil-ħlas tal-ħaġa trasferita jew tal-valur ta’ dik il-ħaġa, liema jkun l-akbar. 3.(1)  (a)    Il-valur  ta’  kull  proprjetà  soġġetta  għat-taxxa skont l-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti, mgħoddija bi trasferiment inter vivos jew causa mortis, għandu jkun il-valur ta’ dik il-proprjetà fid-data ta’ dak it-trasferiment inter vivos, jew fid-data tal-mewt tal-persuna li minnha jkun oriġina t-trasferiment causa mortis, skont il-każ, (hawnhekk iżjed’il quddiem imsejħa "id-data rilevanti") u dak il-valur għandu jiġi stabbilit skont dawn id-dispożizzjonijiet li ġejjin: Iżda fejn ikun ingħata avviż dwar wegħda ta’bejgħ skont l-artikolu 3(6) tal-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti, u l-wegħda ta’ bejgħ tkun saret għal żmien ta’ mhux aktar  minn sena (1), jew tlett (3) snin f’każ fejn il-proprjetà tikkonsisti f’unità fi proġett akkwistat fuq pjan, id-data rilevanti għandha tkun id-data tal-wegħda ta’ bejgħ: Iżda wkoll f’każ fejn isiru miljoramenti bejn id-data tal-wegħda ta’ bejgħ u d-data ta’ trasferiment, id-data rilevanti għandha tkun id-data tat-trasferiment; (b) Id-dispożizzjonijiet ta’ din is-subregola għandhom japplikaw mill-15 ta’ Ottubru 2019.

Palestine - Public contracts - Careful scrutiny

Question

To ask the Prime Minister if Malta Government has undertaken a careful scrutiny of public contracts with companies that are in violation of international law in Palestine? What mechanisms are in place to ensure that Malta is not complicit, or aiding and assisting in violations of international law, particularly in conflict zones and where there may be a risk of genocide and/or allegations of atrocity crimes including apartheid?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.