Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz free-to-air

Question

Fid-dawl li reċentement il-Gvern stqarr li se jżomm is-servizz free-to-air għal trażmissjoni DTV imma fl-aħħar ġranet kien hemm diversi lmenti minn diversi bnadi ta’ Malta li s-sinjali taċ-channels tat-TV Maltin qed jinqatgħu, u minn risposti li ngħataw lil dawk li ċemplu semmew li kienu ntfew repeaters/transmitters, inkluż f’Għawdex u fin-Naxxar, jista’ l-Ministru jispjega s-sitwazzjoni fuq is-servizz free-to-air li għadhom jużawh madwar 18,000 familja f’pajjiżna u li huwa garantit b’obbligu legali fuq il-Gvern skont il-Liġi Nazzjonali u l-Liġi Ewropea?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Servizz free-to-air

Question

Fid-dawl li reċentement il-Gvern stqarr li se jżomm is-servizz free-to-air għal trażmissjoni DTV imma fl-aħħar ġranet kien hemm diversi lmenti minn diversi bnadi ta’ Malta li s-sinjali taċ-channels tat-TV Maltin qed jinqatgħu, u minn risposti li ngħataw lil dawk li ċemplu semmew li kienu ntfew repeaters/transmitters, inkluż f’Għawdex u fin-Naxxar, jista’ l-Ministru jispjega s-sitwazzjoni fuq is-servizz free-to-air li għadhom jużawh madwar 18,000 familja f’pajjiżna u li huwa garantit b’obbligu legali fuq il-Gvern skont il-Liġi Nazzjonali u l-Liġi Ewropea?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat illi b’effett minn l-ewwel ġimgħa ta’ Marzu, ix-xandiriet tal-GIO fl-area ċentrali ta’ Malta jistgħu jinqabdu permess tat-trasmissjonijiet li qed isiru mill-Imtarfa. Intant tajjeb jiġi rrimarkat illi filwaqt li ma kien hemm l-ebda qtugħ fis-servizz tal-GIO u m’hemm l-ebda terminazzjoni ppjanata, kien hemm tibdil fl-infrastruttura minħabba li s-servizz ta’ trasmissjonijiet min-Naxxar kellu jitwaqqaf bħala parti mid-dikummisjoni tas-sit u t-torri li għal snin twal servew għal dan l-iskop. F’dan ir-rigward, infurmat ukoll li t-trasmissjonijiet mill-Imtarfa ssaħħu fil-qawwa tagħhom sabiex ikunu jistgħu jservu ċ-ċentru ta’ Malta. Fil-fatt, dan ix-xogħol huwa parti minn manutenzjoni kontinwa u pjan fit-tul għat-trasmissjonijiet. Fl-istess waqt it-transmitters l-oħra kollha mifruxa ma' Malta kollha baqgħu mhux mittiefsa. Fuq nota finali, nerġa’ ntenni u nikkonferma li s-servizz free-to-air ser jibqa’ garantit lill-familji Maltin u Għawdxin li jużaw l-aerial u dan propju ghaliex dan il-Gvern iħoss il-polz taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.

MFSA — Executive Committee - Pakkett finanzjarju tal-Membru

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6735 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6290, jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-pakkett finanzjarju għal kull membru tal-Executive Committee tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) u jagħti range tal-pakketti finanzjarji? Jista' jgħid ukoll kemm hu l-pakkett finanzjarju għal kull membru speċifiku u min hu dak il-membru?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità taħdem bi struttura ta’ gradi fejn kull rwol fl-awtorità jaqa’ taħt grad speċifiku. Il-grad tal-eżekuttiv, barra dak taċ-Chief Executive Officer, huwa grad Nru 2 u l-pakkett finanzjarju rispettiv huwa kif indikat hawn taħt. Chief Officer Grad Bracket tal-Pakkett Finanzjarju Chief Executive Officer Grade 1 Post Vakanti General Legal Counsel Grade 2 €91,000 - €109,000 Chief Officer Enforcement Grade 2 €91,000 - €109,000 Chief Officer Supervision Grade 2 €91,000 - €109,000 Chief Operations Officer Grade 2 €91,000 - €109,000 Chief Strategy Policy and Innovation Grade 2 €91,000 - €109,000 Il-membri, bħall-impjegati kollha tal-MFSA, huma wkoll intitolati għall-Performance Bonus skont il-performance tagħhom matul is-sena.

Enemalta — serq u tbagħbis ta' meters

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 6736 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6289 dwar il-kontroll tas-serq tal-elettriku, tista' l-Ministru twieġeb tali mistoqsija għar-rigward tal-każijiet mill-2013 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Transport Malta — parking bays għall-e-scooters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-pjan għall-parking bays tal-escooters u għaliex il-Gvern qed ikaxkar saqajh fuq din il-kwistjoni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għaddejja b'diskussjonijiet mal-kunsilli lokali u l-operaturi maġġuri.

Skejjel tal-Gvern — miżuri dwar studenti barranin

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6725 u jagħti tagħrif dwar x'miżuri partikolari ta' integrazzjoni soċjali qed jittieħdu fl-iskejjel tal-Gvern f'kull livell fejn hemm numru sostanzjali ta' studenti li mhumiex Maltin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskejjel jeżertiċaw inklużjoni wiesgħa u huma sensittivi għall-integrazzjoni soċjali ta’ studenti barranin. Fost il-miżuri meħuda hemm; · Laqgħat mal-ġenituri fil-bidu ta’ kull sena skolastika jew meta jkunu rreġistrati l-istudenti; · Familjarizazzjoni mal-ambjent fiżiku tal-iskola; · Sapport materjali fejn ikun meħtieġ; · Sistema ta’ “buddy” biex jagħtu sapport għall-integrazzjoni; · Lezzjonijiet tal-Malti bħala lingwa barranija; · Attivitajiet li jinvolvu ċelebrazzjoni tal-multikulturiżmu u d-diversità.

Awtorità tal-Ippjanar — fondi miġburin minn skemi diversi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6810 u jgħid kemm għandha fondi l-Awtorità tal-Ippjanar li huma miġburin permezz tal-Commuted Parking Payment Scheme (CPPS), id-Development Planning Fund jew xi skemi oħrajn ta' ġbir ta' fondi mill-istess Awtorità, lokalità lokalità? Kemm minn dawn il-fondi huma committed ma' kunsilli lokali, jew xi għaqdiet volontarji oħra, lokalità lokalità, u f'kull każ għal liema żviluppi huma committed dawn il-fondi, kemm hu l-valur approvat committed u minn liema kunsill lokali jew għaqda saret l-applikazzjoni? Meta ġew approvati u meta ġie ffirmat kull ftehim li għad irid jitħallas?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għall-ewwel sentenza fil-mistoqsija parlamentari 6810 tinsab f’Tabella A li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-istess tabella tagħti wkoll tagħrif kemm fuq id-diversi fondi kif ukoll fuq il-fondi li hemm “committed” imma li għadhom mhux imħallsa. Rigward applikazzjonijiet u kuntratti, l-applikazzjonijiet jitqiesu bħala “appovati” meta jkunu kuntratti. Tabella B turi l-kuntratti bl-ammonti u d-dati tal-kuntratt mill-bidu tat-2017 sal-bidu ta’ Marzu 2023. Tabella C turi l-ħlasijiet li saru fuq l-istess perjodu ta’ żmien.

Kunsilli Lokali u Kumitati Reġjonali – xiri/żvilupp ta’ proprjetà

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6860, dwar liema kunsilli lokali u kumitati reġjonali ngħataw permess dwar xiri u żvilupp ta’ proprjetà fil-lokalità tagħhom, jista’ l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub għal kull sena: 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023 sad-data li fiha qiegħda ssir din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil u li jeħtieġ użu ta' ħafna riżorsi, liema riżorsi jistgħu jintużaw fuq ħidma ħafna aktar produttiva u effettiva b'risq iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Għaldaqstant, infurmat li t-tagħrif mitlub ma jistax jiġi kkompilat u jingħata f’dan l-istadju.

Kunsilli Lokali u Kumitati Reġjonali – talba għal devoluzzjoni ta’ proprjetà

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6861 dwar talba għal devoluzzjoni ta’ proprjetà, jista’ l-Ministru jgħid meta saru t-talbiet għad-devoluzzjoni msemmija fit-tweġiba? F’kull każ, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-site plan taż-żoni li għalihom saret it-talba għad-devoluzzjoni? F’kull każ, fiex wasal il-proċess?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' meta saru t-talbiet għad-devoluzzjoni u fiex wasal il-proċess.

Kunsilli Lokali u Kumitati Reġjonali – talbiet għall-Project Green

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6861 dwar talba għal devoluzzjoni ta’ proprjetà, billi f'din it-tweġiba hemm referenza għall-Project Green, jista’ l-Ministru jgħid liema kunsilli lokali oħrajn issottomettew talbiet għall-istess Project Green?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Aġenzija Sapport – kollaborazzjoni ma’ Spero

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6865 dwar kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Sapport u Spero, tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar l-indirizz/i tal-faċilità/faċilitajiet tal-koperattiva li qiegħda ssir referenza għalihom fit-tweġiba mogħtija u fejn proprju jsiru laqgħat għall-persuni li jagħmlu użu minn dan is-servizz?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-faċilità tal-Koperattiva tinsab fi Triq l-Iskultur, Ħal Qormi fejn fl-istess faċilità jsiru l-programmi u t-taħriġ skont il-bżonnijiet partikolari li jkollhom bżonn il-persuni li jagħmlu użu minn dan is-servizz.

San Ġwann – Ġnien George Zarb bejn Triq il-Ġiżi u Triq is-Sardinell – xogħlijiet infrastrutturali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6804, fejn il-Ministru stqarr li żewġ siġriet fi Ġnien George Zarb, li jinsab bejn Triq il-Ġiżi u Triq is-Sardinell f’San Ġwann, qed jagħmlu ħsara infrastrutturali u għalhekk se jitneħħew, u peress li dawk iż-żewġ siġriet li qed jirreferi għalihom il-Ministru ilhom hemm snin twal u qatt ma kkaġunaw l-ebda ħsara infrastrutturali, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-ħsarat infrastrutturali li qed isiru minn dawn is-siġar, fuq liema proprjetà qed tiġi kkaġunata u ġentilment jippreżenta rapport tal-periti li jikkonferma dan, u dan biex isir minn kollox biex jinżammu s-siġar limitati li għandna, speċjalment dawk li jieħdu ħafna snin biex jimmaturaw?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann illi rigward il-ħsarat infrastrutturali mill-imsemmija siġar tal-ficus fi Triq George Zarb, tali ħsarat infrastrutturali ma kinux fuq proprjetà privata, iżda fuq l-infrastruttura tal-imsemmi ġnien stess. Infurmat ukoll mill-istess Kunsill Lokali illi dawn il-ħsarat kienu evidenti u għalhekk l-istess Kunsill ma ħassx il-ħtieġa tar-rapport tal-Perit. Madankollu, infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann, illi ser isiru l-arranġamenti kollha neċessarji biex dawn iż-żewġ siġar jiġu wkoll inkorporati f'dan il-ġnien il-ġdid flimkien mas-siġar l-oħrajn kollha u dan filwaqt li l-ġnien msemmi ser jiġi aċċessibbli għal kullħadd b'faċilitajiet li qabel ma kinux eżistenti.

Liġijiet/linji gwida li għandhom jiġu segwiti mis-social workers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6721 u jelenka lista ta' liġijiet u/jew linji gwida uffiċjali li s-Social Workers għandhom isegwu f'każijiet ta' vjolenza domestika li jiltaqgħu magħhom? Jista' jgħid liema huma u fejn jistgħu jinstabu l-linji gwida u/jew proċeduri li s-Social Workers għandhom isegwu meta jiltaqgħu ma’ każijiet ta' vjolenza domestika u kif tali każijiet għandhom jiġu rapportati?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Awtorità li tissorvelja s-saħħa u s-sigurtà fi spazji pubbliċi u playing fields

Question

Tista' l- Ministru tgħid liema hi l-awtorità li tissorvelja s-saħħa u s-sigurtà fl-ispazji pubbliċi, inkluż fil-playing fields, u telenka lista tal-istandards nazzjonali u internazzjonali użati għal dan l-iskop?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabbiltà għas-saħħa u s-sigurtà ta’ spazji pubbliċi taqa’ fuq is-sid ta’ dawn il-postijiet. Speċifikament dwar saħħa u sigurtà ġewwa Playing Fields hemm standard nazzjonali volontarju ppubblikat mill-Istitut tal-Istandards u l-Metroloġija fi ħdan l-MCCAA li jkopri dawn. L-Istitut jipprovdi wkoll servizz ta’ verifika kontra r-rekwiżiti ta’ dan l-istandard fuq bażi volontarja fuq talba ta’ terzi li huma responsabbli għal dawn il-postijiet li f’dan il-każ huma l-Kunsilli Lokali.

Malta Freeport Terminals – irbit tal-vapuri mal-mollijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6716 u jgħid x'inhi l-policy, l-istandard jew il-prattika użata dwar kif (id-direzzjoni) jorbtu l-vapuri mal-mollijiet tal-Malta Freeport Terminals, għaliex ħafna drabi dawn jorbtu bil-poppa u għalhekk il-magni u l-ħsejjes ikunu l-eqreb lejn l-abitant? Hemm possibbiltà li din il-prassi tinbidel b'tali mod li l-ħsejjes ikunu l-aktar 'il bogħod mir-residenti, dejjem jekk l-istandards u r-regoli tal-marittimu u tas-sigurtà jippermettu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Birżebbuġa – Triq il-Port Ħieles – xogħol in-naħa tal-Freeport

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beda u meta ser jitlesta x-xogħol fi Triq il-Port Ħieles Birżebbuġa n-naħa tal-Freeport?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ tħammil beda fl-aħħar xahar tas-sena l-oħra. Peress li dan ix-xogħol ikun affettwat kemm mill-maltemp kif ukoll mill-immanuvrar tal-vapuri li jidħlu fil-Freeport, Infrastructure Malta mhijiex f’pożizzjoni li tati data ta’ meta x-xogħol ser ikun komplut. F’dan ir-rigward, il-prijorità dejjem tingħata lix-xogħol tal-Freeport u mhux lil dak tat-tħammil sabiex l-operat tal-Freeport ikollu l-inqas impatt possibbli. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 1505 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, f'Seduta 100 tat-14 ta' Marzu 2023)

Birżebbuġa – Triq il-Karmnu u Triq Għar Ħasan – xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5501, jista' l-Ministru jgħid fiex waslet il-konsultazzjoni mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), x'kien l-intopp prinċipali u meta se jitlestew ix-xogħlijiet fi Triq il-Karmnu u Triq Għar Ħasan, Birżebbuġa, liema xogħljiet ilhom li bdew mis-sajf li għadda?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsultazzjoni mal-ERA nqasmet f’żewg fażijiet. Il-permess fuq il-parti tat-triq li ma tinsabx fuq Għar Ħasan ħareġ, ix-xogħol għaddej u mistenni jkun lest fiż-żmien li ġej. Dwar il-parti li tinsab fuq Għar Ħasan, qed isiru studji ġeoloġiċi u ġeotekniċi, b’konsultazzjoni mal-ERA. Dan sabiex waqt ix-xogħlijiet nassiguraw ruħna li l-inġenji u l-interventi ma jagħmlu l-ebda ħsara lil dan l-istess Għar.

Wasteserv – tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ ta’ materjal riċiklabbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm naqas id-dħul tal-Wasteserv mill-bejgħ tal-materjal riċiklabbli minn meta bdiet topera s-sistema tal-Beverage Container Refund Scheme sal-lum?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li s-sistema tal-BCRS għadha fl-istadji inizjali tagħha, ġiet osservata bidla fil-materjal tal-borża griża/ ħadra. Ibbażat fuq proġezzjonijiet inizjali, ġie osservat tnaqqis ta' 56% fil-kontenituri tal-plastik u tnaqqis ta' 59% fl-aluminju. Is-suq tal-esportazzjoni tal-iskart riċiklabbli huwa suq volatili u fil-fatt il-prezzijiet attwali li qed jiġu offruti huma f'livell baxx ħafna minħabba fatturi esterni bħal spejjeż għoljin tal-enerġija f'pajjiżi fejn jinsabu l-faċilitajiet finali u żidiet fis-shipping costs. Għalhekk filwaqt li t-tnaqqis fid-dħul stmat ma jistax jiġi kwantifikat, tnaqqis fid-dħul se jkun inevitabbli peress li inqas plastik u aluminju taħt l-ambitu tal-BCRS se jkunu qed isibu triqithom fil-borża griża/ ħadra.