Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kamra multisensorja fil-Guardian Angel hijiex tintuża u jekk hemmx għalliema speċifikament biex taħdem mat-tfal f'din il-kamra?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi diffikultajiet fil-MOCKS (Year 11) tal-Chemistry tal-iskejjel tal-Istat? Jista’ jgħid jekk jekk hux minnu li l-għalliema rċevew ċirkolari biex ma jinħarġux il-marki u biex il-karti tal-eżamijiet ma jinħadmux fil-klassi? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni u jgħid x'ser ikun qed isir?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Kuntrarjament għal dak li qed jallega l-Onor. Interpellant, ma kien hemm l-ebda diffikultà fil-karta tal-eżami msemmija filwaqt li ċ-ċirkulari msemmija ma teżistix.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx pjan speċifiku biex jibdew jitneħħew il-wires imdendlin mal-arbli fit-toroq interni fil-lokalitajiet tagħna bħalma kien imwiegħed mill-Partit Laburista?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 1097.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6045 u 6775, li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u lill-Prim Ministru rispettivament, u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5589, peress li l-Ministru qed jgħid li ttieħdu dawn il-miżuri biex in-nies jaqsmu t-triq b'mod aktar sigur, jista' l-Ministru jgħid kemm saru inċidenti fi Triq it-Tiġrija fiż-żmien meta t-traffic lights kienu aċċessibbli għall-pubbliku u kemm saru inċidenti fiż-żmien meta t-traffic lights kienu aċċessibbli biss għas-sidien tal-entitajiet kummerċjali, u għal kull każ jgħid kemm weġġgħu jew saħansitra mietu nies u jekk kenux fil-karozza jew pedestrians?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-verifki u dettalji kif mitluba mill-Onor. Interpellant mhux possibbli li jinġabru. Dan minħabba illi l-informazzjoni miġbura fis-sistema tal-Pulizija kif ukoll il-LESA tkopri l-inċidenti li seħħew fi Triq it-Tiġrija fil-Marsa fl-interità tagħha, u mhux xi partijiet minnha. Infurmat illi parti mill-istess triq ingħatat l-isem ta’ Triq Anton Cassar xi żmien ilu.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6770, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu, u ċjoè: Wara li l-Kunsill Lokali bagħat ’il fuq minn 30 email biex jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet konċernati dwar l-istat li fih tinsab Triq il-Kbira, Ħal Balzan, wara xogħol ħażin li sar bħala parti mill-Flood Relief Project, kif anke ġie kkonfermat mill-perit imqabbad mill-Kunsill Lokali stess, jista' l-Ministru jgħid meta dan l-inkonvenjent kbir se jitranġa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan illi wara li saret laqgħa fuq is-sit bejn il-Kunsill Lokali u rappreżentanti tal-entitajiet kkonċernati fejn saru xi testijiet meħtieġa, ġie identifikat li x-xogħol kien sar qabel l-imsemmi Flood Relief Project u ma kienx jorbot ma' dak il-proġett.
Fid-dawl ta' dak li ħareġ mit-testijiet li saru, infurmat li l-Kunsill Lokali kkonċernat talab l-għajnuna tal-entità kkonċernata sabiex isiru t-tiswijiet meħtieġa b-intiża li t-triq terġa' lura għal stat sigur.
Tali tiswijiet, li infurmat li ser iħallas għalihom l-istess Kunsill Lokali, bdew nhar it-Tlieta 7 ta' Marzu 2023.
Financial Incentives for the Audiovisual industry — għoti ta' inċentivi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4339, 4896, 5647, 5844, 6251, 6478 u 6774 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont dettaljat ta’ kull inċentiv li ngħata taħt il-Financial Incentives for the Audiovisual Industry: Cash Rebate mill-2006 sal-2022 s’issa? Għal kull proġett, jista’ jinkludi l-isem tal-proġett, l-isem tal-kumpanija li bbenefikat mill-cash rebate, l-ammont li ngħata mill-Gvern bħala Cash Rebate, l-ispiża diretta tal-film f’Malta u l-ispiża indiretta (fuq riżorsi jew servizzi mill-UE) li kienet eliġibbli għal cash rebate?
Gudja – Vjal l-Avjazzjoni – bus stage fil-waqfa 'Tajjara'
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6733, li oriġinarjament saret lill-Minisru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitlai u li issa ġiet riferuta lilu, u jara li jsir bus stage fil-waqfa ‘Tajjara’, il-Gudja, li tħares fuq Vjal l-Avjazzjoni u li tidher fir-ritratt anness ma' din il-mistoqsija parlamentari, peress li m'hemm imkien fejn persuna tista' tistkenn fil-viċinanzi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Gudja li l-istess Kunsill wera interess u applika mal-Assoċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali sabiex isiru bus stages ġodda fil-lokalità tal-Gudja, fosthom dik li qed jagħmel referenza għaliha l-Onor. Interpellant.
Jista’ l-Ministru jgħid kif qed tiġi infurzata l-liġi li tirrikjedi li l-klieb kollha jkunu micro chipped?
Response (REFALO, ANTON)
Il-liġi “Regolamenti dwar l-identifikazzjoni elettronika tal-klieb (SL 437.101)”, taqa’ taħt id-Direttorat tar-Regolamentazzjoni Veterinarja, però huma l-uffiċjali tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li jamministraw l-infurzar tagħha, skont MOU bejn iż-żewġ Direttorati. F’kull spezzjoni li tinkludi kwalunkwe tip ta’ kelb, tiġi ċċekkjata l-preżenza ta’ microchip.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm instabu klieb minn Jannar 2023 s’issa? Kemm minnhom kienu micro chipped u kemm minnhom ma kinux? X'ġara minn dawk li kienu micro chipped?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni se tingħata f'seduta oħra.
Fid-dawl li jinstabu klieb mitluqa li huma micro chipped, jiġu ritornati lil sidhom u ftit wara dawn jerġgħu jispiċċaw mitluqin, jista’ l-Ministru jgħid x'qed tkun ir-reazzjoni tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali f'sitwazzjonijiet bħal dawn ma' dawn is-sidien irresponsabbli? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm minn dawn is-sidien li ttellgħu l-Qorti u jekk ġewx ikkastigati hekk kif titlob il-liġi f' dan ir-rigward?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’każijiet fejn is-sidien ikunu irresponsabbli id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jikkonfiska dawn il-klieb u tinħareġ piena amministrattiva. Jekk din ma tiġix imħallsa s-sidien jitressqu l-qorti. Dan l-aħħar, kien hemm żewġ każijiet li s-sidien tressqu l-qorti.
Peress li matul dawn l-aħħar ġranet instabet kelba abbandunata li rriżulta li setgħet ġiet użata bħala 'bait' għal klieb oħrajn li sfortunatament jiġu użati fi ġlied tal-klieb, jista’ l-Ministru jgħid jekk infetħitx investigazzjoni f'dan ir-rigward?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minkejja li sar dak kollu neċessarju mid-Dipartiment biex jiġi traċċat is-sid, dan irriżulta fin-negattiv fin nuqqas li il-klieba ma kienx microchipped.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’servizzi jeżistu sabiex jiġu megħjuna persuni li għandhom problemi ta’ obeżità?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa Mater Dei fid-dipartiment tan-Nutrition & Dietetics hemm 10 Dieticians u dawn kollha huma involuti fir-riferimenti ta’ pazjenti obeżi b’kundizzjonijiet mediċi. Hemm ukoll Dietician mit-tim barjatriku li speċifikament jirrevedi fuq bażi regolari pazjenti b'obeżità li huma eliġibbli għall-kirurġija. Fil-Well-Being Unit f’Mater Dei hemm programm għall-immaniġġar tal-piż għall-obeżità u dan hu offrut lill-istaff kollu.
MTA — infiq fuq il-lokaltajiet ta' Marsaskala u Marsaxlokk
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fil-lokalitajiet ta’ Marsaskala u Marsaxlokk mill-Awtorità tat-Turiżmu fis-sena 2021 u fis-sena 2022? Fuqiex intefqu dawn il-flus?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-snin 2021 u 2022 l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu nefqet €126,921 fil-lokalità ta’ Marsaskala. Dan apparti t-€3.2 miljun b’kofinanzjament minn fondi tal-Unjoni Ewropea biex flimkien mal-Fondazzjoni Wirt Artna jiġi restawrat it-Torri ta’ San Tumas.
Fil-lokalità ta’ Marsaxlokk, l-Awtorità nefqet total ta’ €15,326. Min-naħa tal-Ministeru saru u għadhom għaddejjin xogħlijiet fiż-żona tal-Magħluq f’Marsaxlokk bl-ispiża s’issa telgħet għal aktar minn €130,000. Il-proġett jikkonsisti f’toroq ġodda, bankini ġodda, arranġamenti ġodda tat-traffiku, żona ta’ parkeġġ, uffiċċju tal-Informazzjoni għat-Turisti ġdid fjamant, u faċilitajiet pubbliċi rranġati fost l-oħrajn.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux possibbli li fil-Berġa ta’ Marsaskala jiġi introdott is-servizz ta’ nutritionist bħalma hemm f’ċerti bereġ oħrajn?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-Nutritionists għandhom bażi ġewwa Kliniċi partikolari peress li x-xogħol ta’ Nutritionist jirrekjedi formazzjoni ta’ gruppi ta’ persuni. Dawk interessati jistgħu jiġu referuti mingħand kull professjonista jew billi jċemplu l-Primary HealthCare Client Support Centre fuq 21231231 jew 21222444. Jistgħu japplikaw ukoll fuq sit online - nutritionist.phc@gov.mt
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru ta’ ħaddiema taħt l-Iskema tal-Komunità f’Marsaskala? X’tip ta’ xogħol qed jagħmlu dawn il-ħaddiema f’din il-lokalità? Min hi l-persuna responsabbli minn dawn il-ħaddiema?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala li l-istess Kunsill għandu 12-il ħaddiem fejn dawn jaghmlu xoghol ta’ manutenzjoni, tindif, zebgħa, patching ta' tarmak kif ukoll tindif ta’ ġonna.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-Gvern hux se jonora l-wegħda elettorali tiegħu u l-mediċina Xarelto jagħtiha b'xejn ukoll lil dawk kollha li llum jixtruha u mhux biss lil dawk il-persuni għall-kura tal-kanċer?
Response (FEARNE, CHRIS)
Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 6978, ninformah ukoll illi l-mediċina Rivaroxaban ma tingħatax biss għall-pazjenti li qed ibatu b’kanċer imma wkoll għal kundizzjonijiet oħra.
FATF – trasparenza u żieda benefiċjarja tal-kumpaniji
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6805 u 6806, li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa rispettivament, u ċjoè: F'konformità mal-gwida tal-FATF dwar it-trasparenza u s-sjieda benefiċjarja tal-kumpaniji, jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu s-sidien benefiċjarji tal-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, meta ngħataw il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet statali tagħna fl-2016 u jekk kienx hemm xi bidla fis-sjieda benefiċjarja ta’ din il-kumpanija fl-2017?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.