Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6746, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid x'kienu l-pagamenti kollha li saru lis-soċjetà li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ir-raġuni, id-data ta’ meta saru, kemm kienu, min awtorizzahom, lil liema bank saru, f’liema pajjiż huwa liċenzjat il-bank fejn saru l-pagamenti u f’liema munita saru?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għas-Saħħa ma għamel ebda pagament lill-kumpanija msemmija minnu.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6321 u jgħid għaliex l-iSports Career Development Programme (SCDP) mhuwiex rikonoxxut mill-MATSEC u ma jeżisti l-ebda eżami formali?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kuntrarjament għal dak li ntqal, is-suġġett imsemmi jinkludi eżami formali li jsir b’mod diġitali. Għaddejjin id-diskussjonijiet neċessarji biex dan il-kors jiġi rikonoxxut mill-MATSEC.
Skejjel — Studenti li jagħmlu użu minn servizz ta' trasport - rapporti dwar imġiba mhux xierqa
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6325 u jgħid kemm-il rapport sar fl-aħħar sentejn (2021-22 u 2022-23) minn studenti, ġenituri, xufiera jew membri tal-istaff edukattiv dwar imġiba mhux xierqa ta’ studenti waqt li jużaw is-servizzzi ta’ trasport?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – passi legali kontra konsumaturi
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il każ hemm fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tfittex legalment konsumaturi għall-ħlasijiet ta' ammonti li jitilgħu għal eluf ta' ewro għal konsum ta' ilma li mhuwiex dak li wieħed jikkonsidra normali? Tista' tgħid f'kemm minn dawn il-każijiet il-konsumaturi qed jargumentaw li dan l-użu ma sarx minnhom? Tista' tgħid jekk hemmx każijiet fejn il-konsumaturi qed jargumentaw li dan il-konsum tela' f'perjodu fejn kienu qed isiru xogħlijiet fit-triq minn kuntratturi u possibbilment intlaqtu jew infetħu mains tal-ilma u d-dħul ta' arja jkun affettwa l-meter tagħhom mingħajr ma jkunu kkunsmaw dak l-ilma huma? Jekk hemm każijiet minn dawn pendenti, tista' tgħid kemm hemm minnhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika aħjar x’kategoriji qed jikkunsidra biex jingħata tweġiba korretta.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6331 u jgħid x’saret mill-wegħda ta’ €150 miljun investiment f’laboratorji fl-iskejjel tagħna? Jista’ jgħid liema skejjel ibbenefikaw u x’materjal ingħata jew ġie mibdul? X’fadal x’jiġi investit mis-somma inizjali?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6880 u jgħid liema skejjel tal-Gvern għandhom servizz ta’ interpretu, u fejn hemm tali interpretu, jista’ jgħid minn liema lingwa għal liema lingwa hemm interpretazzjoni?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz ta’ interpretu hu disponibbli għall-iskejjel kollha. Il-lingwi interpretati huma; l-Għarbi, is-Serb, l-Armen, l-Urdu, l-Ukren, ir-Russu u ċ-Ċiniż.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6918, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk fil-binjiet li nbnew wara l gwerra, u li wara li nbnew mill-ġdid kienu nkrew lil dawk li kellhom bżonn residenza, is-sidien ta’ dawk il-postijiet (illum l-eredi taghhom) għadhomx jitħallsu bl-istess rata li kienu jitħallsu meta l-proprjetà nkriet għall-ewwel darba?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sidien baqgħu jitħallsu l-istess kera skont kuntratti ta' pussess u użu jew dominju pubbliku li kienu ffirmati minnhom jew mill-antenati tagħhom. Liema kuntratti kienu ffirmati a tenur tal-Ordinanza dwar l-akkwist ta' artijiet għal skopijiet pubbliċi (Kap. 88 tal-Liġijiet ta' Malta).
Wara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-2022 fir-rigward tar-reġistrar tal-kumpaniji u d-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar l-Ultimate Beneficiary Owners, jista’ l-Ministru jgħid jekk inbidlux ir-rekwiżiti għar-reġistrar tal-kumpaniji f’Malta u x’ġie mibdul fl-aċċessibbiltà tal-pubbliku għar-reġistru tal-kumpaniji?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dispożizzjoni fil-5th Anti-Money Laundering (AMLD) illi r-reġistru tas-sidien benefiċjarji jkun aċċessibbli għall-pubbliku ġiet iddikjarata nulla mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u għaldaqstant id-dispożizzjoni fil-liġi Maltija hija wkoll nulla. Malta ma tistax tinjora sentenza tal-imsemmija Qorti fejn ġiet stabbilit illi l-aċċess jikser drittijiet tal-bniedem. Attwalment, ir-Reġistru tas-sidien benefiċjarji huwa aċċessibbli mill-Awtoritajiet kompetenti u persuni suġġetti, kif definiti fil-Prevention for Money Laundering and Finance Terrorism Regulation.
Infrastructure Malta – tenders, direct orders u konċessjonijiet lil kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4090 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tenders, direct orders u konċessjonijiet oħra li Infrastructure Malta tat lill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament u/jew kumpaniji/joint ventures jew partnership li fiha kien involut (inkluż imma mhux limitat għal dawk mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ukoll)?
Response (FARRUGIA, AARON)
Kif jaf l-Onor. Interpellant il-kollegi tiegħu talbu żewġ investigazzjonijiet dwar dak li qed jistaqsi hu. Għalhekk, fid-dawl li l-informazzjoni mitluba issa hi suġġett ta’ din l-investigazzjoni, ma jkunx għaqli li tiġi ppubblikata f’dan l-istadju. Dan fl-interess ukoll tal-investigazzjoni nnifisha.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4091 u ċjoè: B’konnessjoni mal-istudji li ġew ippubblikati fuq il-Metro, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar:
a. il-mod u d-data tal-individwi/ditta/soċjetà/għaqda li ġie/ġew ingaġġati jagħmlu l-istess studju; u
b. il-kopja tat-termini ta’ riferimenti/ingaġġar tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u/jew xi kumpaniji/ditta/individwi hekk ingaġġati?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari 22399 ta' XIII-il Leġiżlatura.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4620 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3866, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju msemmi minnu f’din it-tweġiba? Jista’ jgħid jekk hux informat li biex l-iżvilupp mill-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, iseħħ, l-Awtorità tal-Ippjanar għamlet din il-mina bħala kundizzjoni?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7031 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5153 u jgħid kemm għandu konsulenti fil-Ministeru tiegħu, f’liema entitajiet li jaqgħu taħtu, kemm dawn jitħallsu u x’inhuma l-kwalifiki tagħhom?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Building Construction Agency – periti mqabbda biex jirrevedu l-method statements
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4092 u 5154 u jgħid min huma l-periti u/jew ditti tal-periti li huma mqabbdin mill-Building Construction Authority (BCA) sabiex jirrevedu l-method statements li jiġu sottomessi u jekk humiex imqabbdin permezz ta’ direct orders jew b’mod ieħor, kif ukoll ir-rata ta’ remunerazzjoni tagħhom?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Awtorità tal-Artijiet – kuntratt għal għoti ta’ konċessjoni fil-Bajja ta’ Little Armier
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6641 u l-kuntratti li ġew ippubblikati, jista’ l-Ministru jgħid għaliex qata' barra l-ismijiet minn fuq dawn il-kuntratti pubbliċi? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja mhix redatta tal-kuntratti?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hija prassi li meta jiġu ppubblikati dokumenti simili tinqata' minnhom informazzjoni personali ta' terzi, madanakollu l-istess Onor. Interpellanta hija membru fil-Bord tal-Gvernaturi tal-istess Awtorità u qiegħda tingħata ċ-ċans li tara din l-informazzjoni personalment.
Awtorità tal-Artijiet – kuntratt għal għoti ta’ konċessjoni fil-Bajja ta’ Little Armier
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6641 u l-kuntratti ppubblikati, jista’ l-Ministru jgħid jekk, għal kull konċessjoni, l-Aworità tal-Artijiet tatx il-permess biex il-konċessjoni tiġi trasferita, u jekk iva jagħti d-data ta’ kull permess u jgħid lil min ġiet trasferita?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.
Green Malta – diskussjonijiet ma’ kunsilli/ kumitati reġjonali dwar proġetti ta’ tħaddir
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6879, tista’ l-Ministru tgħid liema kienu dawk l-entitajiet, inkluż kunsilli lokali u għaqdiet mhux governattivi, li ssottomettew proposti lil Project Green? F’kull każ, liema kien/kienu l-proposti li ġew sottomessi? Liema minn dawn il-proposti ġew aċċettati? Liema proposti għadhom qed jiġu kkonsidrati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li bħalissa l-applikazzjonijiet li ġew sottomessi qegħdin jiġu proċessati u evalwati skont il-linji gwida stabbiliti u ppubblikati fuq is-sit project green.
F’dan l-istadju nista’ nikkonferma li ġew sottomessi 58 applikazzjoni minn kunsilli lokali, 4 mill-NGOs ambjentali, u 10 minn entitajiet oħra fosthom għaqdiet sportivi, każini tal-baned, skejjel, fondazzjonijiet u għaqdiet volontarji.
Aktar dettalji dwar dawn l-applikazzjonijiet se jiġu ppubblikati wara li jiġi terminat il-proċess ta’ evalwazzjoni.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5282 u jippubblika l-kuntratt tal-kiri ta’ ambulanzi li qed jintużaw fis-settur pubbliku?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra l-kuntratt mitlub minnu.
Xiri ta’ Uniformi għal xufiera/paramedic aids tal-ambulanzi
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega x'inhi r-raġuni li xufiera/paramedic aids tal-ambulanzi, ingħataw uniformijiet ta' kwalità inferjuri? Jista’ jgħid ukoll min kien responsabbli tax-xiri tagħhom, min ser joħroġ/ħareġ fondi għalihom u x'ser jiġri minnhom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi twaqqaf kull pagament lill-aġent rigward uniformijiet ta’ kwalità inferjuri u qed jintalab ħlas lura ta’ pagamenti li diġà kienu saru. Sadanittant ser joħroġ tender ġdid għall-forniment ta’ dawn l-uniformijiet.
Diviżjoni tax-xogħlijiet – xogħol għall-kunsilli lokali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6862, dwar xogħol għall-kunsilli lokali mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet, jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti li qed jitwettqu bħalissa bil-mod kif indikat fir-risposta, kemm fejn ix-xogħol qed isir kollu mid-dipartiment, kif ukoll fejn il-kunsill qed jipprovdi l-materjal?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Diviżjoni tax-xogħlijiet – xogħol għall-kunsilli lokali
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6862, dwar xogħol għall-kunsilli lokali mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet, jista’ l-Ministru jgħid liema kienu x-xogħlijiet li saru bil-modi indikati fit-tweġiba għas-sena 2022?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.