Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali – karozza uffiċjali
Question
Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, jgħid x'inhi l-għamla tal-karozza uffiċjali kif ukoll tas-second car tagħha? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għall-għażla tal-karozza uffiċjali li tuża hi u min rebaħ dan it-tender? Jekk ma nħareġ l-ebda tender, jista' jgħid:
a. mingħand min inxtrat u kemm ġiet tiswa l-karozza uffiċjali tagħha; u/jew
b. kemm qed tinkera kuljum il-karozza uffiċjali tagħha?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-għamla tal-karozza uffiċjali tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali hijaBMW X3 XDrive 30e Plugin-Hybrid. Ma kienx hemm ħruġ ta’ tender u din il-karozza tinkera mingħand Burmarrad Commercials għal €43 kuljum (VAT mhux inkluż).
Ninfurmak ukoll li s-Segretarju Parlamentari ma tagħmilx użu minn second car.
Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ — karozza uffiċjali u allowance minflok is-second car tiegħu
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6194, ladarba l-Ministru ddikjara li mhux qed juża s-second car, jista’ jgħid kemm hu l-allowance li qed jieħu minflok l-użu ta’ din il-karozza?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba numru 36589 li ngħatat nhar il-25 ta’ Settembru tal-2012 tal-Leġiżlatura XI.
Rapport “The drug situation and responses in Malta 2022”
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport “The drug situation and responses in Malta 2022”?
Response (FALZON, MICHAEL)
Waqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellanta li r-rapporti msemmija huma wkoll aċċessibbli online għal kulħadd fuq is-sit elettroninku tal-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Rapport Nazzjonali - ‘The Drug Situation and Responses in Malta 2022’ kif ukoll kopja tar-Rapport ‘Key Issues Drug Situation in Malta 2022’.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-binja preżenti tal-berġa (community clinic) f’Ħaż-Żebbuġ hux ser tingħalaq u x’ser jiġri mis-servizzi li jingħataw fiha?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-sit attwali qed jiġi ċedut lis-sid. Il-Primary HealthCare qiegħda taħdem biex issib sit alternattiv għall-Klinika tal-Komunità ta’ Ħaż-Żebbuġ. Is-servizzi li jingħataw fiha se jiġu rilokati fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi u fil-Klinika tal-Komunità tas-Siġġiewi, li se tinfetaħ dalwaqt, sakemm jinstab is-sit alternativ.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-binja preżenti tal-għassa tal-pulizija f’Ħaż-Żebbug hux ser tingħalaq u x’ser jiġri mill-għassa tal-pulizija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ bħalissa tintuża minn uffiċjali tal-Pulizija li huma stazzjonati f’dan id-Distrett kif ukoll mill-Pulizija tal-Komunità. Din mhix propjetà tal-Gvern. Bħal dejjem jekk u meta l-mument ikun opportun, tittieħed deċiżjoni fl-aħjar interess tal-korp u l-komunità, dwar dak li jkollu bżonn isir.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi żvilupp ġdid ippjanat fiż-żona ta’ Triq it-Tank fis-Siġġiewi?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar kisbet il-permess għall-bini ta’ blokk ta’ 34 appartament, garaxxijiet u spazji għall-parkeġġ (car spaces) fi Triq it-Tank is-Siġġiewi u nħarġet is-sejħa għall-offerti għall-kostruzzjoni ta’ dan il-blokk.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6666, jista’ l-Ministru jgħid jekk bit-tweġiba tiegħu huwiex qiegħed jikkonferma li sa mill-ġurnata li wieġeb il-mistoqsija parlamentari 3275 ma kien hemm l-ebda żviluppi relatati mal-propost ċentru terapewtiku għall-minuri bi problemi ta’ mġiba fl-Imtarfa?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li f’dan li stadju m'hemmx informazzjoni oħra x’tiġi miżjuda.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6667, peress li l-Ministru rreferieni għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentrari 3275 u din ma twieġeb xejn dwar konsultazzjonijiet li saru rigward dan il-proġett, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija li saritlu u jgħid jekk sarux aktar konsultazzjonijiet dwar il-propost ċentru terapewtiku għall-minuri bi problemi ta’ mġiba fl-Imtarfa wara l-laqgħa li saret mar-residenti tal-Imtarfa f’Awwissu tal-2022?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 6933.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6668, jista’ l-Ministru jgħid mill-artijiet tal-Gvern madwar Malta u Għawdex għalfejn intgħażel is-sit partikolari fl-Imtarfa għall-propost ċentru terapewtiku għall-minuri bi problemi ta’ mġiba, u dan peress illi t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3275 li rreferieni għaliha l-Ministru ma tispjegax ir-raġunijiet wara din l-għażla imma tgħid biss li s-sit fl-Imtarfa ġie kkunsidrat flimkien ma’ siti oħra, li huma wkoll proprjetà tal-Gvern?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-għażla tas-sit tal-Imtarfa saret wara li ttieħdu inkonsiderazzjoni diversi fatturi.
Infakkar illi dan huwa sit tal-Gvern u dan iċ-ċentru qed isir għal skop pubbliku.
Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn fi Trejqet is-Sagħtar f’Ħad-Dingli qatt ma ġie installat dawl tat-triq u tara li jsiru l-arranġamenti meħtieġa biex din it-triq ikollha d-dawl?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Enemalta m’għandha ebda applikazzjoni pendenti biex jiġi installat dawl fi Trejqet is-Sagħtar f’Ħad-Dingli.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux pjanijiet sabiex il-Bajja tar-Rinella tingħata l-attenzjoni qabel jibda l-istaġun tas-sajf?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1279, ninfurmah li t-tindif min-naħa tad-Dipartiment tat-Tindif u Manutenzjoni jsir matul is-sena kollha.
Jista’ l-Ministru jgħid min hu responsabbli mill-upkeep tal-bankini madwar il-marina tal-Cottonera, għaliex hemm żoni li qed ikunu ta’ periklu u inkonvenjent għal ħafna persuni li jżuru dawn in-naħat?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li hemm aktar minn Marina waħda fil-Kottonera, nitolbu biex jindika għal liema żona qed jirreferi.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6744, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid x'kienu l-pagamenti kollha li saru lis-soċjetà li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ir-raġuni, id-data ta’ meta saru, kemm kienu, min awtorizzahom, lil liema bank saru, f’liema pajjiż huwa liċenzjat il-bank fejn saru l-pagamenti u f’liema munita saru?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pagamenti dovuti lill-kumpanija msemmija minnu saru skont il-konċessjoni ffirmata mal-istess kumpanija. Il-ħlasijiet illi saru kienu kif joħorġu mill-Health Services Delivery Agreement u l-Labour Supply Agreement u jinkludu l-concession fee, pagamenti tal-ħaddiema, ħlas għas-servizz tal-air ambulance, kif ukoll is-subvention tal-Orthotics and Prosthetics Unit.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6745, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid x'kienu l-pagamenti kollha li saru lis-soċjetà li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ir-raġuni, id-data ta’ meta saru, kemm kienu, min awtorizzahom, lil liema bank saru, f’liema pajjiż huwa liċenzjat il-bank fejn saru l-pagamenti u f’liema munita saru?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-pagamenti dovuti lill-kumpanija msemmija minnu saru skont il-konċessjoni ffirmata mal-istess kumpanija. Il-ħlasijiet illi saru kienu kif joħorgu mill-Health Services Delivery Agreement u l-Labour Supply Agreement u jinkludu l-concession fee, pagamenti tal-ħaddiema, ħlas għas-servizz tal-air ambulance, għas-sodod tal-ortopedija u rijabilitazzjoni u l-kirja tal- Medical School ta’ Barts, kif ukoll is-subvention tal-Orthotics and Prosthetics Unit. Sar ukoll ħlas ieħor speċifikament marbut mal-COVID-19 u servizzi addizzjonali meħtieġa għall-pazjenti bil-COVID.