Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei — uniformijiet ġodda

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhi s-sitwazzjoni dwar l-uniformijiet ġodda għal ċertu ħaddiema fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika għal liema ħaddiema qed tirreferi.

Rabat – żona tad-Dwejra – tiswija tat-triq

Question

Jista’ l-Ministru jara li jsiru l-arranġamenti meħtieġa biex tissewwa parti minn trejqa fiż-żona tad-Dwejra, limiti tar-Rabat Malta (id-dettalji tal-post eżatt fejn hemm il-ħsara qegħdin jingħataw separatament), fejn waqgħet parti mit-triq u l-ħajt,u hemm ukoll qsim fit-tarmak?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’taħdidiet mal-Kunsilli Lokali kollha biex isir pjan ta’ xogħol infrastrutturali fit-toroq li se jkunu qed isiru f’kull lokalità, fosthom fir-Rabat, matul is-snin li ġejjin. Dawn id-diskussjonijiet għadhom għaddejjin.

Mosta – uffiċċju tas-servizzi soċjali – rinnovar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa prevvist li jitlesta x-xogħol ta’ rinnovar li għaddej bħalissa fl-uffiċċji tas-Servizzi Soċjali fil-Mosta?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nistieden lill-Onor. Interpellanta tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

BCA – persuni responsabbli mill-assessjar ta’ method statements

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni li huma responsabbli mill-assessjar ta’ method statements sottomessi lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u x’inhuma l-kwalifiċi tagħhom?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Persuni li jintbagħtu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex minflok fl-Isptar Mount Carmel

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk ċittadin b’kundizzjoni li ma jkunx irid jidħol fl-Isptar Mount Carmel minħabba raġunijiet personali, għandux dritt jidħol fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex bħalma kien jiġri qabel? Jekk le, tista’ tingħata raġuni għal din il-bidla fil-policy?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma kien hemm l-ebda bidla fil-policy. Il-policy kienet u għadha illi pazjent residenti ġewwa Għawdex jingħata kura fl-isptar ġenerali ta’ Għawdex filwaqt li pazjent residenti Malta jingħata kura fl-isptar Monte Karmeli.

Lands Department – art reġistrata

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm art reġistrata mad-Dipartiment tal-Artijiet?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm total ta' ċirka 187 kilometri kwadri f’Malta u Għawdex ta’ territorju li huwa r-reġistrat mal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet.

Dokument: A policy on inclusive education in schools – route to quality inclusion

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal Kamra d-dokument “A policy on inclusive education in schools – route to quality inclusion”?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6233.

Mosta — Plots Santa Margerita

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4858, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u li issa ġiet riferuta lilu, u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3919, jista’ l-Ministru jgħid meta se jsiru l-kuntratti tal-plots li ngħataw taħt il-Home Ownership Scheme, Issue tal-1987, hekk kif jidher li ċerti plots għadhom mhux esproprjati (Plot fiż-żona ta’ Santa Margerità fil-Mosta li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament)? Jista’ l-Ministru jgħid xi tkun il-pożizzjoni tal-eredi ta’ koppja li jiġu nieqsa mingħajr dan il-kuntratt fis-seħħ?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-imsemmi sit kien ġie akkwistat mill-Gvern u hekk kif kull proċedura tkun lesta, dan is-sit ikun jista' mgħoddi għat-trasferiment lill-Housing Authority.

Skejjel — Fire Drills

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5825 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5119, jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-iskejjel li għamlu dawn il-fire drills?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellat li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Gozo Channel Co. Ltd. – sejħa għall-kiri tar-raba’ vapur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb (xahar u sena) biex terġa’ toħroġ is-sejħa 'FOR THE HIRE OF ONE ROPAX VESSEL UNDER A TIME CHARTER AGREEMENT' (BIMCO ROPAXTIME)' biex jinkera r-raba’ vapur għall-Gozo Channel?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Enemalta – talbiet għal bozoz pubbliċi ġodda mill-Ministeru għal Għawdex

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5718, tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm-il talba għal bozoz pubbliċi ġodda rċeviet l-Enemalta mill-Ministeru għal Għawdex biss mill-bidu tal-2019 sal-lum? Tista’ tgħid kemm minn dawn ġew approvati u kemm ġew rifjutati? Tista’ tgħid fejn huma l-bozoz li ġew approvati u kemm minnhom bdew jiffunzjonaw u kemm minnhom le?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mill-2019 sal-24 ta’ Frar 2023, l-Enemalta installat 302 bozza filwaqt li 6 applikazzjonijiet oħra għadhom pendenti kif murija fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-istatistika li għandha l-Enemalta tinkorpora t-talbiet tal-Ministeru għal Għawdex u tal-Kunsilli Lokali flimkien.

Għawdex – Wied il-Lunzjata u widien oħrajn – ilma ġieri

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'passi qed jittieħdu biex l-ilma ġieri ta' Wied il-Lunzjata u widien oħrajn fil-qrib f'Għawdex ma jibqax jintilef fil-baħar, imma jiġi salvat u utilizzat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li Project Green bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru ta’ Għawdex għaddejja bi preparamenti għal interventi f’Wied tal-Grixti, liema wied jagħmel parti mill-catchment area ta’ Wied il-Lunzjata. Fost l-oħrajn dawn l-interventi se jinvolvu xogħol ta’ tindif ġenerali, tħammil, tneħħija ta’ speċi aljeni u invażivi, tħawwil ta’ siġar u arbuxelli addattati, u restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ. Dawn l-interventi huma ko-finanzjati taħt il-proġett LIFE Integrated Project u bil-għan li jirriabilitaw il-wied, b’mod li jżidu fiż-żamma tal-ilma ġieri u jħarsu l-bijodiversità.

Ministeru għal Għawdex — proġetti ambjentali u infrastrutturali

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5672, jista' l-Ministru jgħid xi proġetti ambjentali saru mill-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2022 f’Kemmuna u kemm ġew jiswew? Jista' jgħid ukoll xi proġetti ambjentali u infrastrutturali hemm ippjanati li jsiru f’Kemmuna matul is-sena 2023 mill-Ministeru tiegħu u fiex jikkonsistu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'iniex infurmat li saru proġetti f’Kemmuna fl-2022 u mhux ser isiru ebda żviluppi din is-sena.

Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati – Marixxalli stazzjonati fil-Qorti ta’ Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-14-il Marixxall li hemm impjegati mal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati huma stazzjonati b'mod permanenti fil-Qorti ta' Għawdex? Jista' jgħid mill-1 ta' Jannar 2023 sal-lum kemm-il ġurnata kien hemm Marixxall fil-Qorti ta' Għawdex u għal kull ġurnata li kien hemm Marixxall, għal kemm-il siegħa kien preżenti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati hija waħda, u għalhekk tieħu ħsieb kemm il-Qrati ta’ Malta kif ukoll dawk ta’ Għawdex. Kif diġà infurmajt lil din il-Kamra fit-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari 1501, 1671 u 5887, l-Aġenzija għandha biżżejjed Marixxalli biex ikopru dawn id-dmirijiet. In-notifiki qed isiru b’mod iktar effiċjenti, irrispettivament mill-ammont ta’ Marixxalli stazzjonati b’mod permanenti fil-Qorti ta’ Għawdex u mis-sigħat li kienu preżenti fil-Qorti ta’ Għawdex.

Chemo Caelyx out of stock

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6481, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma li kien hemm pazjenti li ma ngħatawx il-chemo bl-isem Caelyx f'Jannar u, jew Frar 2023?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pazjenti li bdew fuq din il-kura jew li kienu diġà approvati Caelyx qabel Jannar 2023 inżammu fuq il-kura. Pazjenti ġodda li ġew approvati Caelyx mit-23 ta’ Jannar sa 23 ta’ Frar ġew approvati skont il-prijorità klinika.

Rabat — Triq it-Tiġrija - ħsarat

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6485, jista' l-Ministru jgħid meta rċieva rapporti għaliex il-ħsarat fi Triq it-Tiġrija, Rabat Malta, saru ħafna qabel il-maltemp li għamel reċentement?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm rapporti fuq dan is-suġġett li waslu għand Infrastructure Malta. Dawn il-ħsarat ġew innottati u bdew jiġu investigati wara spezzjonijiet li Infrastructure Malta tagħmel fuq xogħol li tkun wettqet reċentement. L-ewwel indikazzjonijiet juru li dawn il-ħsarat huma kkważati minn nixxija ta’ ilma naturali li hemm fil-viċin.

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema fil-Carpentry Section

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li qed jaħdmu fil-Carpentry Section? Jista’ jgħid kull ħaddiem kemm ilu jaħdem f'din is-sezzjoni? Jista’ jgħid ukoll xi grad hu kull ħaddiem u kemm hemm minnhom tal-iskema u/jew bil-kuntratt?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tabella t'hawn taħt li turi l-gradi tal-ħaddiema kollha. 1 Principal Technical Officer 1 Technical Officer 2 Principals 3 Senior Foreman 6 Foreman 16 Tradesman 1 Supervisor 1 Driver

Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — karozza uffiċjali u allowance fuq is-second car tiegħu

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6196, ladarba l-Ministru ddikjara li mhux qed juża s-second car, jista’ jgħid kemm hu l-allowance li qed jieħu minflok l-użu ta’ din il-karozza?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari nru 36589 li ngħatat nhar il-25 ta’ Settembru tal-2012 tal-Leġiżlatura XI.