Legislature:
Category:
Reset
Active:

Akkomodazzjoni soċjali - Liftijiet għat-tiswija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm idum biex jissewwa lift f’binja ta’ akkomodazzjoni soċjali, minn meta jiġi rrappurtat?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lil Onorevoli interpellant li d-dewmien għat-tiswijiet tal-lift jiddependi min-natura u l-kumplessità tal-problema. Filwaqt li xi ħsarat jistgħu jiġu solvuti fl-istess jum, oħrajn jistgħu jeħtieġu bejn sitt u tmien ġimgħat, soġġetti għad-disponibbiltà tal-partijiet meħtieġa.

L-Isptar Mater Dei – Medja ta’ infermiera u tobba - shift

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-medja ta’ infermiera u tobba għal kull shift fl-Isptar Mater Dei u fi sptarijiet oħra, u jekk dawn il-livelli hux qed jikkawżaw pressjoni żejda fuq il-ħaddiema?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva - Politika jew linji gwida uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx politika jew guidelines uffiċjali fil-Ministeru dwar il-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-burnout fost il-ħaddiema tas-saħħa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa għandhom għarfien ċar tas-servizzi offruti mill-Employee Support Programme (ESP) u jistgħu jagħmlu użu minn din l-għajnuna jew jiġu riferuti għal dan is-servizz meta jkun meħtieġ.

Ħaddiema tas-Saħħa - Passi biex jitnaqqsu ħinijiet twal ta’ xogħol u overtime eċċessiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu biex jitnaqqsu l-ħinijiet twal ta’ xogħol u l-overtime eċċessiv li jikkontribwixxu għal burnout fost il-ħaddiema tas-saħħa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar sentejn, l-ammont ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa żdied sostanzjalment u b’riżultat t’hekk, bdiet tittaffa l-pressjoni fuq in-numru ta’ sigħat li jaħdmu l-ħaddiema. Infakkar lill-Onor. Interpellant, li f’Settembru 2023, ġie issiġillat ftehim settorjali ġdid għall-infermiera, il-qwiebel u l-ECG technicians li jkopri 4,000 ħaddiem fis-servizz tas-saħħa pubblika. Bis-saħħa ta’ dan il-ftehim ġdid il-ħaddiema qegħdin jieħdu pagi u kundizzjonijiet aħjar. Minbarra hekk, il-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa bdew igawdu wkoll mill-ftehim li sar għall-ħaddiema kollha fis-servizz pubbliku liema ftehim beda jgħodd mill-1 ta’ Jannar 2025.  Il-ħaddiema fis-settur tas-saħħa, bħall-ħaddiema l-oħra fis-settur pubbliku, qed igawdu mit-titjib qawwi fil-kundizzjonijiet tagħhom għall-ewwel darba wara bosta snin b’investiment ta’ €1.27 biljun fuq perjodu ta’ sitt snin.

Professjonijiet tas-Saħħa – Servizzi ta’ appoġġ psikoloġiku u counselling

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx servizzi ta’ appoġġ psikoloġiku u counselling dedikati għall-professjonisti tas-saħħa, u kemm-il ħaddiem għamel użu minnhom fl-aħħar sentejn?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal-PQ 30912.

Studju – burnout fost l-infermiera, tobba u paramediċi fis-servizz tas-saħħa pubblika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju jew survey reċenti dwar il-livelli ta’ burnout fost l-infermiera, it-tobba u l-paramediċi fis-servizz tas-saħħa pubblika?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal-PQ 30912.

Skejjel primarji - Multi-sensory rooms

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31872, 32170, 32290, 32675 u 32898 u jgħid liema huma dawk l-iskejjel f’livell primarju li għandhom multi-sensory room? Jista’ jgħid ukoll liema huma dawk l-iskejjel f’livell primarju li ma għandhomx multi-sensory room?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Fond għall-Kawżi Soċjali - Fondi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32843 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid kemm hemm fondi fil-Fond għall-Kawżi Soċjali preżentement u kemm tqassmu flus minn dawn il-fondi matul l-2024 u l-2025, separatament għal kull sena, u f’kull każ jgħid lil min ingħataw? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-proċedura li biha persuna tista’ tapplika biex tibbenefika minn dawn il-fondi?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill Onor. Interpellanta li fis-seduta 369 fit-23 ta' Lulju 2025 tpoġġa r- rapport awditjat tal- Fond għas-sena 2024. Fir-rigward tar-rapport tal-2025, ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-bidu tas-sena d-dieħla jibda jiġi kkompulat ir-rapport annwali ta’ġestjoni. Ġaladarba jiġi kkompulat ir-rapport, dan jiġi awditjat u jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, kif jiġri kull sena. Il-proċedura biex persuna tista’ tapplika biex tibbenefika minn dawn il-fondi hija billi timla applikazzjoni elettronika fuq dan is-sit: https://opm.gov.mt/en/public-bodies/social-causes-fund/

Skema Get Qualified - Istituzzjonijiet edukattivi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32613 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u jgħid min jista’ japplika għall-iskema ‘Get Qualified’? Jista’ jgħid ukoll għal liema livelli ta’ edukazzjoni tapplika din l-iskema u liema istituzzjonijiet edukattivi tkopri?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-livelli ta’ edukazzjoni eliġibbli għal din l-iskema huma minn MQF Livell 3 sa MQF Livell 8, kif ukoll korsijiet oħra li mhumiex koperti taħt il-livelli MQF iżda huma meqjusa bħala importanti għall-industrija ta’ pajjiżna. L-istituzzjonijiet edukattivi rreġistrati għal din l-iskema li joffru l-kwalifiki neċessarji huma koperti.

Ħal Qormi - Skola Primarja San Ġorġ - Diskussjonijiet fuq is-sala ż-żgħira

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32810 u 33077 u jgħid jekk kienx hemm diskussjonijiet mal-ġenituri dwar il-fatt li s-sala ż-żgħira tal-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi ma tistax tintuża? Jista’ jassigura lill-ġenituri, lill-edukaturi u lill-għalliema li m’hemmx periklu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 33123.

Ħal Qormi - Skola Primarja San Ġorġ - Kunċert

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32809 u 33076 u jgħid jekk jistgħux isiru arranġamenti biex minflok il-kunċert jiġi rrekordjat u jkun online ikun hemm arranġamenti vis-a-vis l-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi biex dan isir f’post ieħor fejn il-qraba jkunu jistgħu jattendu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-arranġamenti saru u l-ġenituri nfurmati.

Ħal Qormi - Skola Primarja San Ġorġ - Kunċert fis-sala ż-żgħira

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32808 u 33075 u jgħid għalfejn il-ġenituri ġew infurmati permezz ta’ e-mail li din is-sena mhux se jkun possibbli li jsir il-kunċert fis-sala ż-żgħira tal-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi, minħabba li ntqal li s-sala ma tistax tintuża?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li l-email huwa mezz wieħed ta’ kommunikazzjoni li l-iskola msemmija tuża mal-ġenituri.

Ċittadini mhux Maltin - Karozzi rreġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32445 u 32719 u jgħid kemm hawn ċittadini mhux Maltin li għandhom karozza reġistrata f’isimhom fl-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm ċittadini mhux Maltin li kellhom karozza reġistrata f’isimhom bejn l-2013 u l-2024, maqsuma sena b’sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2013 sal-2024, il-medja tal-persentaġġ ta’ ċittadini mhux Maltin li kellhom karozza reġistrata f’isimhom, kien ilaħħaq il-11.38% tal-karozzi reġistrati. Tajjeb li ninfurmah ukoll li dak il-persentaġġ jinkludi kemm ċittadini tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll Third-Country Nationals.

Ħaddiema full-time u part-time skont ir-rata tat-taxxa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32823 u jippreżenta tabella li tindika n-numru ta’: i.   ħaddiema minn pajjiżi terzi (TCNs); ii.  ċittadini tal-Unjoni Ewropea mhux Maltin u iii.  ċittadini Maltin, separati f’żewġ kategoriji: full-time employed u part-time employed? Għal kull kategorija, jista’ wkoll jindika kemm minnhom jaqgħu taħt dawn ir-rati tat-taxxa: i.   0% taxxa; ii.  15% taxxa; iii.  25% taxxa u iv.  35% taxxa?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Distribuzzjoni tal-pagi skont il-grupp ta’ ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32822 u jippreżenta tabella dettaljata li tindika n-numru ta’ ħaddiema full-time li jaqilgħu pagi gross bejn it-€12,000 u l-€150,000, f’inkrementi ta’ €1,000 (eż. €12,000–€13,000; €13,000–€14,000; u hekk sal-€150,000), separati kif ġej: i.  ċittadini Maltin; ii. ċittadini minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u iii. ħaddiema minn pajjiżi terzi (TCNs)? Jista’ wkoll jaqsam din l-informazzjoni f’tabella li tinkludi kolonna separata għal kull kategorija ta’ ħaddiema?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Project Green - Marketing

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 32819 u tagħti rendikont dettaljat tan-nefqa fil-marketing u PR mill-aġenzija Project Green minn meta twaqqfet sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Project Green għaddejja b’xogħol kbir madwar il-pajjiż biex ikollna iktar spazji miftuħa ġodda, fosthom f’postijiet li kienu maħsuba għall-iżvilupp, tirriġenera spazji miftuħa li tħallew mitluqa għal ħafna snin, filwaqt li tieħu ħsieb ukoll il-manutenzjoni tagħhom. Project Green qed tintervjeni wkoll f’postijiet naturali bħal widien biex tgħamilhom iktar aċċessibbli u siguri, kif ukoll nediet skemi biex tagħti opportunità lin-nies jagħmlu l-parti tagħhom, bħal fost oħrajn bit-tħawwil tas-siġar. Fix-xogħol li tagħmel Project Green torganizza wkoll numru ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni pubblika sa minn qabel it-tfassil tal-proġetti. Filwaqt li dan hu evidenti ħafna fil-mod kif qed naħdmu fuq it-tliet proġetti ta’ parks nazzjonali, din hija l-prassi anke fi proġetti oħra fil-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex fejn Project Green organizzat 50 laqgħa ta’ konsultazzjoni. Biex dan ix-xogħol kollu jasal għand il-familji u l-familji jagħmlu tagħhom dawn il-proġetti Project Green tieħu ħsieb li kontinwament tagħmel inizjattivi ta’ informazzjoni, kif ukoll torganizza numru ta’ attivitajiet. Fil-fatt, mill-2023 sa din is-sena Project Green organizzat 21 tip ta’ attività differenti b’uħud minnhom isiru iktar minn darba (normalment fi ġranet differenti, għalkemm kien hemm każi fl-istess jum) għal total ta’ 41 attività. Dawn l-attivitajiet ikunu jirrikjedu loġistika  li f’diversi każi anke tkun offruta b’xejn lil NGOs li jipparteċipaw, kif ukoll is-sehem ta’ artisti jew entertainers professjonali. Ninsab infurmata li fl-2023 Project Green investiet €112,000 fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet u €122,000 f’informazzjoni kemm dwar l-attivitajiet kif ukoll dwar il-proġetti li nistiednu lin-nies iżuru u jgawduhom mal-familji. Fl-2024 Project Green investiet €12,824 fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet u €107,176 f’informazzjoni u din is-sena investiet €180,528 fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet u €92,238 f’informazzjoni. Din l-istrateġija qed tħalli l-frott hekk kif eluf ta’ familji attendew  l-attivitajiet filwaqt li l-parks, inkluż dawk ġodda, qed isiru iktar popolari. Ninforma lill-Onor. Interpellanta, li l-Gvern  jibqa’ determinat li jkompli joħloq iktar spazji miftuħa kif indikat fi tweġiba parlamentari 32727, u kif hu evidenti mill-konsultazzjoni nazzjonali li għaddejja bħalissa dwar parks nazzjonali ġodda, saħansitra f’postijiet li għal snin twal il-pajjiż kien qed jara potenzjal ekonomiku u llum ittieħdet id-deċiżjoni li jkun hemm prijoritajiet soċjali u ambjentali. Fl-istess ħin, Project Green u l-Gvern daqstant ieħor huma kommessi li dawn l-ispazji jkunu iktar magħrufa man-nies li għandhom anke jikkontribwixxu fit-tfassil tagħhom u saħansitra torganizza avvenimenti biex jitgawdew, minn sezzjonijiet differenti tas-soċjetá.

Klabbs sportivi - Titolu ta’ ċens għall-użu ta’ sports

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32180, 32438, 32602 u 32876 u jipprovdi lista ta’ kemm-il klabb sportiv preżentement għandu titolu ta’ ċens għall-użu ta’ sports, matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Skejjel - Għeluq ta’ toroq - Preżenza ta’ uffiċjali tal-infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema skejjel f’Malta u Għawdex, kemm tal-Gvern, privat u anke tal-Knisja għandhom uffiċjal tal-infurzar assenjat fil-ħinijiet tal-ħruġ tat-tfal, u kemm minnhom tingħalaq it-triq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi hemm tmenin (80) skola tal-Gvern fejn ikun hemm uffiċjali tal-Pulizija assenjati fil-ħinijiet ta’dħul u tal-ħruġ tat-tfal, li f’disgħa u sebgħin minnhom tingħalaq it-triq, waqt dawn il-ħinijiet.  Il-Pulizija ma tkoprix skejjel oħra apparti dawk tal-gvern, u tiġi gwidata mit-Taqsima tas-servizzi tat-Trasport fid-Dipartiment tal- Edukazzjoni dwar skejjel li tkopri.

Skejjel tal-Knisja - Għeluq ta’ toroq - Preżenza ta’ uffiċjali tal-infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk skejjel tal-Knisja humiex intitolati għall-preżenza ta’ uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija jew xi uffiċjal tal-infurzar ieħor, sabiex ikun jista’ jgħasses l-għeluq tat-triq tal-iskola fil-ħin tal-ġbir tal-istudenti wara l-ħin tal-iskola?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal tweġiba parlamentari 33115.