Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bank of Valletta – garanzija fuq self lil soċjetà

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern tax garanzija għas-self li l-Bank of Valletta ta lis-soċjetà, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u x’tip ta’ garanzija ta? Jista’ jqiegħed id-dokumenti relatati fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari nru 7006.

Għajnuna lill-gazzetti

Question

B’referenza għall-għotja tal-fond ta’ €500,000 f’għajnuna finanzjara lil gazzetti stampati biex isostni l-ħidma tal-ġurnaliżmu stampat, jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-gazzetta li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li hija gazzetta li ilha toħroġ għal divesi snin baqgħet ma ġietx mogħtija din l-għajnuna kif ingħatat lil gazzetti stampati oħrajn? Jista’ l-Ministru jgħid liema gazzetti stampati ġew mogħtija din l-għotja u kemm kienet? Jista’ jgħid x’kienu l-kriterji li fuqhom mexa biex jingħataw dawn il-fondi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-għotja ta’ fondi f’għajnuna finanzjarja lill-gazzetti stampati ġiet ifformulata wara proposta mill-kmamar tal-aħbarijiet ta’ gazzetti stabbiliti u tradizzjonali li jkopru aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti. Għaldaqstant din ma kinitx għotja maħsuba biex sempliċement issostni pubblikazzjonijiet li jiġu stampati. Infurmat li l-kriterji li ttieħdu inkonsiderazzjoni biex ingħataw dawn il-fondi kienu l-frekwenza tal-pubblikazzjoni, in-numru ta’ ħaddiema, in-numru ta’ paġni tal-gazzetti u n-numru ta’ pubblikazzjonijiet differenti ta’ dik il-kamra tal-aħbarijiet partikolari. Intant, rigward liema gazzetti stampati ngħataw din l-għotja nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ingħatat għall-mistoqsija parlamentari bin-numru 5864.

Għajnuna lill-gazzetti – e-mail mhux imwieġba

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li għalkemm nhar l-10 ta’ Awwissu 2022 intbagħtet email mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament f’isem il-gazzetta li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ukoll, fejn din il-persuna għamlet referenza għal ittra li ntbagħtet fit-13 ta’ Ġunju 2022 bit-tema ‘Fond imniedi mill-Gvern biex jittafa l-piż ta’ żieda sostanzjali fil-prezz tal-karta’, ma kien hemm l-ebda tweġiba? Jista’ jagħti r-raġuni għal dan in-nuqqas?

Response (ABELA, ROBERT)

L-email li tagħmel referenza għaliha kienet fil-fatt twieġbet. Għad-dettalji tal-iskema nirreferi għall-istqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni bin-numru PR220678 li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Nirreferi wkoll l-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-Mistoqsijiet Parlamentari numri 2769,5864 u 6650.

Applikazzjonijiet ta’ sanctioning

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4392 dwar bini illegali li ġie sanctioned, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet mill-2013 sal-lum?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija parlamentari se titwieġeb f’seduta oħra.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5153 u jgħid kemm għandu konsulenti fil-Ministeru tiegħu, f’liema entitajiet li jaqgħu taħtu, kemm dawn jitħallsu u x’inhuma l-kwalifiki tagħhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Servizzi professjonali lill-Awtorità tal-Ippjanar/Ministru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-individwi u/jew ditti li jipprovdu servizzi professjonali lill-Awtorità tal-Ippjanar u/jew lill-Ministru? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn id-dokumenti: 1. termini ta’ riferiment għal reviżjoni ta’ servizzi reżi; 2. ftehim/jew kuntratti; 3. invoices u riċevuti in konnessjoni tas-servizzi reżi?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika t-talba tiegħu, kif diġà ġie mitlub fil-mistoqsija parlamentari 4813.

Servizzi professjonali lill-Awtorità tat-Trasport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-individwi u/jew ditti li jipprovdu servizzi professjonali lill-Awtorità tat-Trasport u/jew lill-Ministru? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn id-dokumenti: 1. termini ta’ riferiment għal reviżjoni ta’ servizzi reżi; 2. ftehim/jew kuntratti; 3. invoices u riċevuti in konnessjoni tas-servizzi reżi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu.

Residenza San Vinċenz de Paul – sample tal-menu tal-ikel

Question

Jista' l-Ministru jippubblika sample ta' menu tal-ikel li ngħata fis-swali ta' San Vinċenz de Paul bejn l-1 u t-28 ta' Frar 2023?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kuljum ir-residenti f’SVP jiġu servuti kolazzjon, ikla ta’ nofsinhar u filgħaxija. Ir-residenti għandhom l-għażla skont ix-xewqat varji, inklużi kulturali, jew il-kundizzjoni medika tagħhom. Kull ikla tikkonsisti f’soppa, għaġin, platt prinċipali u deżerta, kif ukoll ħobż. Barra minn hekk, din hija l-lista ta’ ikel li jingħata fil-kolazzjon - yoghurt normali, light, jew lactose free, sandwich perżut u ġobon, sandwich ġobon biss, crackers u ġobon, bajda mgħollija, poached fruit, fruit puree, bezzun bil-kunserva jew perżut u ġobon, cornflakes, weetabix, qagħqa tal-ħmira jew ottini. Il-booklet bl-informazzjoni kollha qed jitpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.

Rabat – Santa Katerina — barriera

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6616, tista’ l-Ministru tgħid x'azzjonijiet konkreti ttieħdu minn meta ħarġu l-ordnijiet fuq barriera fil-Limiti ta' Santa Katerina r-Rabat biex ma jibqax isir sfreġju ambjentali u jekk kienx hemm viżti fil-post biex jiġi assigurat li qed jimxu mad-direttivi msemmija? Jekk iva, meta saru u x'kien irrappurtat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għal Ambjent u r-Riżorsi ħadet azzjoni konkreta permezz ta’ ħruġ ta’ Ordni ta’ Waqfien u Konformità fuq barriera numru 32 fil-limiti ta’ Santa Katerina, ir-Rabat. L-attivitajiet kolpiti b’din l-Ordni huma rdim u riċiklaġġ ta’ materjal mingħajr permess ambjentali, dħul ta’ skart mhux adegwat għal ġo barriera u ħruq ta’ skart. Din l-Ordni għadha attiva u tiġi monitored b’mod kostanti. Mill-2019 sal-lum saru 13-il spezzjoni mill-ERA u b’mod ġenerali kien innutat li ma kienx hemm attivitajiet oltre dawk imsemmija fl-Ordni li jimmeritaw azzjoni ulterjuri mill-ERA.

Sptar San Luqa — Hydrotherapy pool

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx pjan biex issir hydrotherapy pool oħra barra dik li hemm preżentement fl-Isptar San Luqa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi s-servizzi tal-fiżjoterapija qegħdin kulma jmorru jespandu anke billi qed jingħataw aktar servizzi fil-komunità.

Sptar San Luqa — Hydrotherapy pool – waiting list

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi twila l-waiting list biex persuna tuża l-hydrotherapy pool fl-Isptar San Luqa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żmien ta’ stennija għall-użu tal- hydrotherapy pool huwa ta' madwar xahrejn.

Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet lokali jew internazzjonali ma ġewx imwieġba mill-Ministeru tiegħu, u l-entitajieti/awtoritajiet li jaqgħu taħtu matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar u Frar 2023? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn l-emails bil-mistoqsijiet kollha li ġew mibgħuta mill-online news portals jew media houses, li ma ġewx imwieġba, għall-perjodu msemmi?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala membri tal-Kabinett tal-Ministri norganizzaw b’mod regolari diversi konferenzi tal-aħbarijiet li matulhom mhux biss nispjegaw inizjattivi ġodda u nagħtu dettalji dwar il-kisbiet li jkun qed jagħmel il-pajjiż, iżda nagħtu wkoll opportunità lill-ġurnalisti jistaqsu dwar liema tema jridu. Irrid ngħid li l-ġurnalisti jikkonkorru u d-domandi jkunu diversi. Dan fl-istess ħin li jitwieġbu l-bosta domandi li jintbagħtu lill-Ministeru, liema risposti mbagħad jirrapportaw dwarhom il-mezzi tax-xandir. Isir sforz li sa fejn hu possibbli d-domandi kollha li jidħlu jitwieġbu. Inżid li mhux l-ewwel darba li domandi li jkunu daħlu bil-kitba jkunu eventwalment indirizzati fil-konferenzi tal-aħbarijiet li semmejt qabel.

Ministeru għall-Ġustizzja — email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet lokali jew internazzjonali ma ġewx imwieġba mill-Ministeru tiegħu, u l-entitajieti/awtoritajiet li jaqgħu taħtu matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar u Frar 2023? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn l-emails bil-mistoqsijiet kollha li ġew mibgħuta mill-online news portals jew media houses, li ma ġewx imwieġba, għall-perjodu msemmi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Bħala membri tal-Kabinett tal-Ministri norganizzaw b’mod regolari diversi konferenzi tal-aħbarijiet li matulhom mhux biss nispjegaw inizjattivi ġodda u nagħtu dettalji dwar il-kisbiet li jkun qed jagħmel il-pajjiż, iżda nagħtu wkoll opportunità lill-ġurnalisti jistaqsu dwar liema tema jridu. Irrid ngħid li l-ġurnalisti jikkonkorru u d-domandi jkunu diversi. Dan fl-istess ħin li jitwieġbu l-bosta domandi li jintbagħtu lill-Ministeru, liema risposti mbagħad jirrapportaw dwarhom il-mezzi tax-xandir. Isir sforz li sa fejn hu possibbli d-domandi kollha li jidħlu jitwieġbu. Inżid li mhux l-ewwel darba li domandi li jkunu daħlu bil-kitba jkunu eventwalment indirizzati fil-konferenzi tal-aħbarijiet li semmejt qabel.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il email b’mistoqsijiet mingħand online news portals jew media houses ta’ aħbarijiet lokali jew internazzjonali ma ġewx imwieġba mill-Ministeru tiegħu, u l-entitajieti/awtoritajiet li jaqgħu taħtu matul is-snin 2020, 2021, 2022 u Jannar u Frar 2023? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn l-emails bil-mistoqsijiet kollha li ġew mibgħuta mill-online news portals jew media houses, li ma ġewx imwieġba, għall-perjodu msemmi?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala membri tal-Kabinett tal-Ministri norganizzaw b’mod regolari diversi konferenzi tal-aħbarijiet li matulhom mhux biss nispjegaw inizjattivi ġodda u nagħtu dettalji dwar il-kisbiet li jkun qed jagħmel il-pajjiż, iżda nagħtu wkoll opportunità lill-ġurnalisti jistaqsu dwar liema tema jridu. Irrid ngħid li l-ġurnalisti jikkonkorru u d-domandi jkunu diversi. Dan fl-istess ħin li jitwieġbu l-bosta domandi li jintbagħtu lill-Ministeru, liema risposti mbagħad jirrapportaw dwarhom il-mezzi tax-xandir. Isir sforz li sa fejn hu possibbli d-domandi kollha li jidħlu jitwieġbu. Inżid li mhux l-ewwel darba li domandi li jkunu daħlu bil-kitba jkunu eventwalment indirizzati fil-konferenzi tal-aħbarijiet li semmejt qabel.

BCA – persuni responsabbli mill-assessjar ta’ method statements

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuni li huma responsabbli mill-assessjar ta’ method statements sottomessi lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) humiex periti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-persuni li huma responsabbli mill-assessjar ta’ method statements sottomessi lill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) huma periti.

BCA – dewmien fl-għoti ta’ clearances

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-dewmien fil-ħruġ ta’ clearances mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) huwiex minħabba nuqqas fin-numru ta’ individwi li jagħmlu assessjar tal-method statements?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-BCA tipproċessa l-Method Statements skont regoli stabbiliti. Meta Method Statement ikun sottomess kif meħtieġ, il-clearance jinħareġ mingħajr ma jkun hemm talba għal reviżjoni.

BCA – tender method statements

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) toħroġ tenders biex il-proċess ta’ assessjar tal-method statements sottomessi lill-istess BCA jkun outsourced?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minħabba li l-method statement huwa dokument tekniku magħmul minn perit, dan jirrikjedi persuni tekniċi u kwalifikati (Periti) biex jivverifikaw jekk l-istess dokument jissodisfax ir-rekwiżiti li joħorġu mis-SL 623.06. Għaldaqstant minħabba li l-Awtorità għandha perit wieħed ingaġġat magħha, l-uniku mod kif l-istess Awtorità tista’ taqdi l-funzjoni kif deskritta f’regolament 12(a) u 12(b) ta’ Leġiżlazzjoni Sussidjarja 623.06, b’mod effettiv huwa billi dan il-proċess ikun ‘outsourced’.

Imtarfa – użu mill-binja tal-iskola primarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’se jsir mill-binja li kienet tintuża bħala skola primarja fl-Imtarfa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-istqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Edukazzjoni numru PR230217 nhar il-Ħamis 9 ta’ Frar 2023.

Mediċina Laxotan 3mg out of stock

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm ilha out of stock il-pillola Laxotan 3mg? Jista’ jgħid ukoll x’qed jingħata minflokha, għaliex hija out of stock u meta huwa ppjanat li terġa’ tkun in stock?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-mediċina msemmija minnu mhix out of stock.

FIAU – għoti ta’ multa

Question

B’referenza għal multa li l-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) ta lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, kif imħabbar f'Marzu 2023, jista’ l-Ministru jgħid għaliex mill-compliance visit li wettaq fl-2019 l-istess FIAU dam tant żmien twil sabiex ħa tali deċiżjoni?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija waħda kunfidenzjali, li skont Art. 34 tal-Att Kontra l-Ħasil tal-Flus (il-PMLA), Kap. 373 tal-Liġijiet ta’ Malta, ma tistax tiġi żvelata.