Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ix-Xewkija, Għawdex – Żona industrijali – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ tisbiħ, xogħlijiet infrastrutturali u bini ta’ toroq mill-ġdid saru ġewwa ż-Żona Industrijali fix-Xewkija, Għawdex matul l-2025? Jista’ jgħid ukoll fiex kienu jikkonsistu u kemm intefqu flus?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2025 sar tindif ta’ kuljum f’Ta’ Dbiegi u fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija, apparti żbir ta’ siġar u manutenzjoni.

Ix-Xewkija – Triq ta’ Ħamet – Zebra Crossing

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25009 dwar il-periklu kbir li hemm għal min ikun irid jaqsam Triq Ta’ Ħamet, fix-Xewkija, u għaliex għadha ma saritx zebra crossing kif kien hemm qabel, fejn ġie mwieġeb li “l-Ministeru qiegħed f’taħditiet ma’ Transport Malta fuq din iż-zebra crossing. Dawn it-taħditiet waslu fl-aħħar. Hekk kif jinħareġ il-permess jinbeda x-xogħol fuq iż-zebra crossing.”, peress li għaddew iktar minn sentejn u nofs, jista’ l-Ministru jgħid għaliex din iż-zebra crossing għadha ma saritx u min min-naħa tal-Ministeru se jerfa’ r-responsabbiltà jekk iseħħ inċident?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2025 sar tindif ta’ kuljum f’Ta’ Dbiegi u fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija, apparti żbir ta’ siġar u manutenzjoni.

Ix-Xewkija Għawdex - Korsa taż-Żwiemel Ta’ Xħajma - Bini mill-ġdid tal-istalel

Question

Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar il-bini mill-ġdid tal-istalel taż-żwiemel u manure clamp fil-Korsa taż-Żwiemel Ta’ Xħajma, ix-Xewkija, Għawdex u x’sar f’dawn l-aħħar erba xhur?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għadu qed jistenna l-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Social Assistant 1

Question

B’referenza għas-sejħa mill-Ministeru tiegħu sabiex jiġu ingaġġati ‘Social Assistant 1’ mal-ministeru tiegħu, jista’ l-Ministru jgħid meta nħarġu l-calls, fejn ġew ippubblikati, meta ġew ippublikati, kemm damu miftuħa u x’tip ta’ kwalifiki u esperjenza ried ikollu min japplika? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm persuni li applikaw għal din is-sejħa, kemm minnhom kienu rġiel u kemm minnhom kienu nisa, u kemm minnhom għaddew mill-Interview?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward tal-proċess għas-sejħa għall-pożizzjoni ta' Social Assistant, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar joħroġ vacancy form għal din il-pożizzjoni, u l-proċess ta' identifikazzjoni tal-persuni eliġibbli u li għandhom il-kwalifiki mitluba jiġi mmaniġġjat minn Jobsplus. Eventwalment, il-Jobsplus jidentifika l-applikanti eliġibbli minn fost dawk li jkunu qed jirreġistraw, u dawn jiġu infurmati sabiex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. Wara li jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet, il-kandidati jiġu mistiedna għal intervista. Ir-riżultati tal-intervisti u l-ordni tal-mertu ta' kif ġew il-kandidati jiġu pubblikati pubblikament fuq in-notice board tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. B'kollox, il-Ministeru rċieva 17-il applikazzjoni għal din il-pożizzjoni, u l-applikanti kollha ġew mistiedna għal intervista.

Ta’ Sannat, Għawdex – Kalkara tal-Ġir - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar ix-xogħlijiet ta’ restawr li saru fil-Kalkara tal-Ġir li hemm maġenb l-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali Ta’ Sannat f’dawn l-aħħar ġimgħat u x’xogħol hemm ippjanat li jsir fil-ġimgħat li ġejjin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ta’ Sannat li x-xogħol ta’ restawr jikkonsisti fi bdil ta’ ġebel.  Dan huwa proċess delikat li jrid isir bir-reqqa biex jiġu osservati il-kriterji stabbiliti mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Hu mistenni li dan il-proċess jibqa’ għaddej matul il-ġimgħat li ġejjin.

PA/03313/21 Location of development: Wied ta’ Xhajma, Triq ta’ Xhajma, Xewkija, Triq ir-Rabat, Nadur; Wied il-Hanaq, Triq ir-Ramla, Xagħra, Triq ir-Ramla, Nadur Description of works: To rehabilitate, clean up valley and carry out other maintenance works

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet għaliex l-applikazzjoni li saret mil-Ministeru tiegħu: ‘PA/03313/21 Location of development: Wied ta’ Xħajma, Triq ta’ Xħajma, Xewkija, Triq ir-Rabat, Nadur; Wied il-Ħanaq, Triq ir-Ramla, Xagħra, Triq ir-Ramla, Nadur Description of works: To rehabilitate, clean up valley and carry out other maintenance works’, ġiet irrakkomandata bħala ‘Refuse Permission’? Jista’ jgħid ukoll jekk f’Settembru tal-2025 kinux diġà bdew xi xogħlijiet ta’ skavar/tindif ta’ materjal mill-Ministeru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-permess għall-applikazzjoni bin-numru PA/03313/21 inħareġ nhar it-2 ta’ Diċembru 2025. F’Settembru tal-2025 x-xogħlijiet ta’ tindif ta’ materjal kienu koperti mill-permess bin-numru ta’ referenza PA/00769/20.

MCAST - Wellness Hub – Ingaġġ ta’ social workers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30755 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24286 dwar jekk is-servizz tal-Wellness Hub fl-MCAST joffrix servizz ta' social work, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proċess biex jiġu ingaġġati żewġ social workers ġiex komplut?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proċess għadu għaddej.

Id-Dwana - Annimali li jagħtu servizz

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30753 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u jgħid kemm hemm annimali li jagħtu s-servizz tagħhom fid-Dwana? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ annimali huma?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa, id-Dipartiment tad-Dwana, fi ħdan l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana, għandu tlett (3) iklieb li jaqdu dmirijiet doganali. Kelb minnhom huwa tar-razza Labrador, filwaqt li ż-żewġt iklieb l-oħra huma tar-razza Springer.

Armi tan-nar - Liċenzji skaduti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30742 u jgħid kemm hawn armi tan-nar li l-liċenzja tagħhom ma ġietx imġedda u għalhekk hija skaduta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-proċess ta’ tiġdid ta’ liċenzjar għas-sena l-ġdida se jibda dalwaqt, u hekk kif dan il-proċess ikun mexa sew tali informazzjoni tkun tista’ tingħata aħjar.

Persuni li qegħdin jirċievu trattament ART - Livell virali soppress

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’perċentwal ta’ persuni fil-gżejjer Maltin li qegħdin jirċievu trattament antiretrovirali (ART) għandhom livell virali soppress?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-perċentwal ta’ persuni fil-gżejjer Maltin li qegħdin jirċievu trattament antiretrovirali (ART) u għandhom livell virali soppress hu ta’ 96.3%.

Persuni bl-HIV - Trattament ART

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’perċentwal ta’ persuni li ġew dijanjostikati bl-HIV fil-gżejjer Maltin qed jirċievu trattament antiretrovirali (ART)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hu maħsub li l-perċentwal ta’ persuni li ġew dijanjostikati bl-HIV fil-gżejjer Maltin u qed jirċievu trattament antiretrovirali (ART) hu ta’ 98.78%.

Persuni bl-HIV - Status

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’perċentwal ta’ persuni li jgħixu bl-HIV fil-gżejjer Maltin għandhom għarfien dwar l-istatus tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li mill-informazzjoni li għandna fil-mument, l-istima ta’ hi 86% ta’ dawk il-persuni li jgħixu bl-HIV fil-gżejjer Maltin u għandhom għarfien dwar l-istatus tagħhom. Madankollu għadu għaddej l-eżerċizzju ta’ kemm persuni jgħixu bl-HIV fil-gżejjer Maltin għandhom għarfien dwar l-istatus tagħhom.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali - Fondi u Programmi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32344 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32104 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, jista’ l-Ministru jgħid minn liema fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea bbenefikaw il-Ministeru, id-dipartimenti u l-aġenziji relattivi tul dawn l-aħħar tliet snin u jindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal - Fondi u Programmi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32349 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 32109 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, jista’ l-Ministru jgħid minn liema fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea bbenefikaw il-Ministeru, id-dipartimenti u l-aġenziji relattivi tul dawn l-aħħar tliet snin u jindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu - Fondi u Programmi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32348 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32108 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, jista’ l-Ministru jgħid minn liema fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea bbenefikaw il-Ministeru, id-dipartimenti u l-aġenziji relattivi tul dawn l-aħħar tliet snin u jindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Produzzjonijiet ta’ Films ġodda 2026

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31869 u 32182 u jgħid kemm hemm produzzjonijiet ġodda maħsuba li jinġibdu bħala films f’Malta fl-2026?

Response (BONNICI, OWEN)

Waqt li għadu prematur li jingħataw dettalji speċifiċi ta' numri, kollox qed jindika li din is-sena se tkun sena oħra sabiħa għal dan is-settur.

Kummissarju tal-Films - Safar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31868 u 32181 u jgħid kemm-il safra għamel il-Kummissarju tal-Films fl-2024 u 2025? Jista’ jgħid ukoll għal kemm żmien damet kull safra u kemm ġiet tiswa?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba kif mgħoddija lili. Irrid infakkar li f'dawn l-okkażżjonijiet il-Kummissjoni tkun qed tiltaqa’ ma’ counterparts oħrajn biex tkompli twassal il-pakkett li joffri pajjiżna f’dan is-settur sabiex ikun jista’ jinġieb aktar investiment, produzzjonijiet u films lejn Malta. Minn dan il-ġid u xogħol igawdi kulħadd.

Awtorità tad-Djar - Blokok tal-Gvern - Liftijiet installati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il lift ġie installat fi blokok tal-Gvern mill-Awtorità tad-Djar minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?  Jista’ jgħid ukoll f’liema lokalità jinsabu u kemm minnhom bdew jiffunzjonaw?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lil Onorevoli interpellant li fl-2024, ingħataw total ta’ wieħed u għoxrin lift fil-lokalitajiet tal-Furjana, Birkirkara, Bormla, Ħal Għaxaq, il-Kalkara, il-Mosta, il-Marsa, l-Imtarfa, il-Pietà, Raħal Ġdid, Santa Luċija (2), Ħal Tarxien (2), il-Belt Valletta (3), Ħaż-Żebbuġ (3) u iż-Żurrieq. Fl-2025, ġew mogħtija tnejn u erbgħin lift. Dawn kienu jinsabu fl-Imsida (2), il-Pietà (2), il-Marsa, Birkirkara (6), Santa Luċija (2), il-Belt Valletta (4), Santa Venera (2), Bormla (2), Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, Pembroke, Ħal Luqa (8), iż-Żejtun (2), il-Furjana, l-Isla, Ħal Lija, il-Kalkara, ir-Rabat u Ħaż-Żabbar (2). Barra minn hekk, lift wieħed fil-Marsa, wieħed fir-Rabat, wieħed fis-Siġġiewi u wieħed f’Santa Venera bħalissa qed jistennew iċ-ċertifikazzjoni. Għaddejjin ukoll ix-xogħlijiet fi sittax-il blokka f’ tlettax-il lokalità differenti.

Liftijiet - Ċertifikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il blokka qiegħda tistenna ċ-ċertifikat li lift ikun lest u konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tat-tender u r-regolamenti tal-liftijiet, biex b’hekk ikun ‘placed into service’?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lil Onorevoli interpellant li bħalissa, hemm erba’ liftijiet li għadhom qed jistennew iċ-ċertifikazzjoni u l-ikkummissjonar.