Legislature:
Category:
Reset
Active:

Marsaxlokk – statwa tal-Qalb ta’ Ġesu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li statwa ddedikata lill-Qalb ta’ Ġesu li kienet tinsab fil-moll ta’ Marsaxlokk fuq in-naħa tat-triq int u sejjer lejn Birżebbuġa, ġiet imkissra u mormija waqt li kien qiegħed isir ix-xogħol u jekk le, jista’ jassigura li titqiegħed lura f’postha?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istatwa li qed jirreferi għaliha fil-Mistoqsija Parlamentari numru 7419 mhux talli ma ġietx mormija, iżda nqalgħet sabiex ma jiġrilhiex ħsara waqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet, u wara li ġiet irrestawrata, reġgħet tqiegħdet f’postha fis-17 ta’ Marzu.

Ċittadini barranin jaħdmu hawn Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5811, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm hawn ċittadini mill-Kolombja, min-Nepal, mill-Indja u mill-Pakistan li qed jaħdmu hawn Malta?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus hawn taħt isib tabella li turi n-numru ta’ ċittadini mill-Kolombja, min-Nepal, mill-Indja u mill-Pakistan li kienu qed jaħdmu hawn Malta fl-aħħar ta’ Ottubru 2022. Pajjiż Total Kolombja 2,050 Nepal 5,334 Indja 9,527 Pakistan 1,899 L-aħħar ċifri ppubblikati huma ta’ Ottubru 2022.

Mosta – Triq Lorenzo Gafà u Triq l-Indipendenza – rampa biex jaqsmu persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4243 u 5979, li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur rispettivament, u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir rampa għal dawk li jkunu qed jaqsmu t-triq f’Independence Avenue, salib it-toroq ma’ Triq Lorenzo Gafà, peress li dawk il-persuni li jużaw is-siġġu tar-roti, mingħajr din ir-rampa ma jkunux jistgħu jużaw il-bankina?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tingħata f'seduta oħra.

Binja – żvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità kkonfermatx li l-iżvilupp tal-binja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament huwiex earthquake proof? Fid-dawl ta’ numru ieħor ta’ żviluppi high rise, jista' jgħid jekk hemmx xi policy fuq is-sigurtà ta’ dawn il-binjiet fl-eventwalità ta’ terrimot? Jekk le, jista’ jgħid jekk huwiex iż-żmien li nkunu proattivi u jkollna policy/guidelines/regoli fuq dan?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema Awtorità qed jirreferi.

Applikazzjonijiet ta’ sanctioning

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5435 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4392, jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ bini illegali li ġie sanctioned mis-sena 2013 sal-lum? Jista’ jagħti lista ta’ x’kienu dawn l-illegalitajiet?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sanzjonar hu varjat ħafna u l-perjodu indikat jinvolvi mal-kważi 2,000 każ li lkoll huma pubblikament u faċilment aċċessibbli għal kulħadd. Għaldaqstant, ladarba t-talba tiegħu tittratta l-aħħar għaxar snin sħaħ, nitolbu jkun aktar speċifiku.

San Ġiljan – Binja Ta’ Giorni — manutenzjoni

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 5436 jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari fl-intier tagħha u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4393, fejn il-Ministru qal li “ġie mwaqqaf il-Housing Development Fund li fost irwoli oħra se jkun qed joħloq fond biex jitwettqu proġetti ta’ tisbiħ madwar il-binjiet tal-Gvern”, jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa kbir dan il-fond, minn fejn ġejjin dawn il-fondi u liema binjiet se jkunu msebbħa matul l-2023?

Response (GALDES, RODERICK)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jinnota r-risposta mogħtija lilu fil-mistoqsija parlamentari 5436.

Paceville – skwadra speċjali tal-Pulizija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5546, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija oriġinali peress li l-mistoqsija parlamentari ma kinitx fuq dak li kien jiġri qabel l-2013 imma fuq meta ser ikun hemm l-iskwadra speċjali tal-Pulizija għal Paceville?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kontra għal dak li kien jiġri qabel l-2013, dan il-Gvern huwa kommess li jimplimenta l-wegħdiet tal-manifest elettorali tiegħu.

Awtorità tal-Ippjanar –enforcement notices f’San Ġiljan

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5547, jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ enforcement notices li ħarġu f’San Ġiljan fuq bini/żvilupp mhux skont dak li kien approvat u jgħid s’issa x’passi ttieħdu?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-perjodu tat-tagħrif mitlub.

Paceville/San Ġiljan – persuni mħarka

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista separata ta’ kemm persuni ġew imħarrka minn Jannar 2022 sa Diċembru 2022 f’Paceville/San Ġiljan fuq: a. ġlied; b. vandaliżmu fuq proprjetà pubblika; ċ. vandaliżmu fuq proprjetà privata; d. pickpocketing; e. dagħa fil-pubbliku; u f. jagħmlu awrina fil-pubbliku?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi matul is-sena 2022 f’Paceville/San Ġiljan, kien hemm 87 persuna mħarrka fuq ġlied, 3 persuni mħarrka fuq vandaliżmu fuq propjetà privata u 3 persuni mħarrka fuq dagħa fil-pubbliku.

Lista ta’ stennija tas-saħħa mentali

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hawn persuni fuq il-waiting list jistennew il-kura għas-saħħa mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dawk il-persuni kollha li għandhom bżonn il-kura għas-saħħa mentali diġà għandhom appuntament skedat. Dawk li huma urġenti ngħataw prijorita.

Psikologi jaħdmu ma’ pazjenti b'mard mentali

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm psikologi jaħdmu ma' pazjenti b'mard mentali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 18-il Psychologist, 10 Psychology Practioners u 11 Psychology assistants jaħdmu ma' pazjenti b'mard mentali.

Prevenzjoni mis-suwiċidju

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhu jsir biex ikun hawn aktar prevenzjoni tas-suwiċidju apparti l-helpline li jeżisti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tas-Saħħa għandu timijiet multidixxiplinari mxerrdin f’ċentri ma’ Malta kollha, u b’hekk qed ikun iktar faċli li wieħed jieħu l-għajnuna. Madwar 16-il xahar ilu twaqqaf ukoll Crisis Intervention home Team li qiegħed jagħti servizz immedjat fil-komunità, saħansitra fi djar ta’ individwi li għandhom bżonn kura. Twaqqaf ukoll Helpline 1579 li hu mħaddem minn nies professjonali 24 siegħa kuljum.

Investiment fuq kundizzjonijiet ta’ saħħa

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'investiment qed isir u kif qed jgħin NGOs għal persuni li jbatu minn dawn il-kundizzjonijiet: Parkinson's Disease, Fibromyalgia, Cystic Fibrosis, ALS u Alzheimer's Disease?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għas-Saħħa qiegħed jinvesti f’team ta’ psikjatri u psikoloġisti li joffru servizz imsejjaħ Neurpsychaiatry. Dan huwa bbażat prinċipalment l-Isptar Mater Dei. Dan it-team joffri għajnuna psikjatrika u psikoloġika lil min għandu kundizzjonijiet newroloġiċi u ta’ saħħa mentali u persuni li jbatu minn Parkinson’s, ALS u Alzheimer's Disease jieħdu għajnuna minn dan is-servizz ukoll. Hemm ukoll team simili ta’ Old Age Psychiatry li huwa bbażat iċ-Ċentru tas Saħħa ta’ Ħal Qormi, San Vinċenz u l-Isptar Karen Grech u dan jgħin persuni li jbatu min Alzheimer’s. Filwaqt li persuni li jbatu minn Fibromyalgia u Cystic Fibrosis, jistgħu jirċievu l-għajnuna fejn tidħol is-saħħa mentali mil-Liaison Psychiatry Team li jinsab l-Isptar Mater Dei jew mis-servizzi ta’ timijeit multidixxiplanari li hemm fil-komunità. Il-Ministeru għas-Saħħa qiegħed ukoll f’diskussjonijiet ma’ Dar Bjorn sabiex jipprovdi assistenza klinika meħtieġa fil-qasam tal-kundizzjonijiet respiratorji u newroloġiċi.

Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – laqgħat fl-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ attendejt għal laqgħat fi ħdan l-Unjoni Ewropea u mistenni nattendi għal laqgħat oħra f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena kif jidher hawn taħt: Fl-2023 attendejt għal-laqgħat tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li saru fit-23 ta’ Jannar, l-20 ta’ Frar u l-20 ta’ Marzu, għal dan tal-aħħar ipparteċipajt ukoll fil-Forum Umanitarju Ewropew kif ukoll laqgħa konġunta mal-Ministri tad-Difiża. Barra minn hekk, attendejt ukoll għal-laqgħa tal-Kunsill Ġenerali fil-21 ta’ Marzu. Fid-9 ta’ Jannar 2023 iltqajt għall-ewwel darba mal-Ministru Ġermaniż għall-Ewropa u l-Klima fi ħdan l-Uffiċċju Federali tal-Affarijiet Barranin, l-E.T. Dr. Anna Lührmann, f’Malta. Nhar it-22 ta’ Jannar 2023 iltqajt mal-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Internazzjonali tar-Repubblika tal-Awstrija, E.T. Alexander Schallenberg fil-marġini tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea fi Brussell. Fl-24 ta’ Jannar 2023, żort Ruma għal-laqgħat mal-Ministru Taljan tal-Intrapriżi u Made in Italy, l-Onor. Adolfo Urso kif ukoll mal-Ministru Taljan responsabbli għall-Affarijiet Ewropej, l-E.T. Raffaele Fitto. Fl-25 ta’ Jannar, attendejt laqgħa tal-Ambaxxaturi tal-pajjiżi tal-UE organizzata mill-Ambaxxatur Żvediż għal Malta, E.T. Andres Jato. Din il-laqgħa kienet fil-kuntest tal-presidenza Żvediża tal-Kunsill tal-UE. Fl-1 ta’ Frar, kelli laqgħa mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Rumanija, E.T. Bogdan Aurescu. Fit-8 ta’ Frar, iltqajt mad-Deputat Ministru għall-Finanzi tal-Litwanja, Onor. Mindaugas Liutvinska. Fis-17 ta’ Frar 2023, attendejt għall-Konferenza tas-Sigurtà ġewwa Munich, fejn fost l-oħrajn iltqajt mad-Deputat Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Olanda, l-E.T. Wopke Hoekstra, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Unjoni Ewropea u Kooperazzjoni ta' Spanja, l-E.T. José Manuel Albares Bueno, u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni Internazzjonali tal-Italja, Onor. Antonio Tajani. Fit-23 ta’ Frar, ippresjedejt dibattitu fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda dwar il-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropeja u n-Nazzjonijiet Magħquda. Ir-Rappreżentant Għoli Josep Borrell enfasizza l-impenn tal-Unjoni Ewropeja għal diversi programmi u inizjattivi tal-Ġnus Magħquda. Malta, bhala Membru tal-UE, offriet li tospita dil-laqgħa waqt il-Presidenza Maltija li seħħet fi Frar. Mil-20 sal-21 ta’ Marzu 2023, ipparteċipajt fil-Forum Umanitarju Ewropew li qed jiġi organizzat mill-Kummissjoni Ewropea u l-Iżvezja fejn għamilt intervent. Ġejt ukoll mistieden nagħmel l-intervent ewlieni f’sezzjoni tal-Konferenza bl-isem ta’ “Inżidu l-impenn għat-tfal milquta mill-kunflitti: Ħidma madwar ir-Rabta bejn il-Ħidma Umanitarja, l-Iżvilupp u l-Paċi.” Fit-3 ta’ April se niltaqa’ mal-Kunsillier Federali u Kap tad-Dipartiment Federali tal-Affarijiet Barranin tal-Iżvizzera, E.T. Ignazio Cassis. F’April, f’Mejju u f’Ġunju, mistenni nipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin u tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali. Matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena mistenni li nattendi wkoll għal-Laqgħat tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin fl-24 ta’ April, 22 ta’ Mejju u 26 ta’ Ġunju. Fit-12 ta' Mejju se nattendi wkoll għal-Laqgħa Informali tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin (magħrufa bħala Gymnich) fi Stokkolma.

Ministru għall-Anzjanità Attiva – laqgħat fl-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li attendejt laqgħa f’Stockholm, l-Iżvezja bejn it-13 u l-14 ta’ Frar 2023 organizzata mill-Presidenza Svediża tal-Kunsill tal-UE. Titlu: ‘ High-Level Meeting on Active and Autonomous Ageing’. M’hemmx iktar laqgħat li mistenni nattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena.

Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – laqgħat fl-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-laqgħat li attendejt u mistenni nattendi għalihom huma “TTE Informal Council of Ministers – Stockholm" fi Frar u “TTE Council of Ministers – Luxembourg" f'Ġunju li ġej.

Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar – laqgħat fl-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm laqgħat li kelli nattendi fi ħdan l-Unjoni Ewropea bħala Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar mill-bidu tas-sena sal-lum.

Ministru għat-Turiżmu – laqgħat fl-UE

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din il-leġiżlatura ma kien hemm l-ebda laqgħat Informali Ministerjali dwar it-turiżmu u mhumiex ippjanati laqgħat informali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-turiżmu sal-aħħar tal-Presidenza Svediża.

Imġarr – Triq Sir Harry Luke — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6771, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u li issa ġiet riferuta lilu, u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5905, jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fi Triq Sir Harry Luke, fl-Imġarr, u x'timeframes hemm?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fit-triq imsemmieha huwa propost li jibda fil-ġimgħat li ġejjin. Dewmien fuq dan il-progett gie ikkawzat peress li kellhom isiru arranġamenti sabiex jinteħħew pajpijiet tal-asbestos mill-entita’ rispettiva.