Legislature:
Category:
Reset
Active:

BCA – dewmien fl-għoti ta’ clearances

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7143, jista’ l-Ministru jagħti iżjed informazzjoni dwar x’inhuma dawn ir-regoli stabbiliti li skonthom il-BCA tipproċessa l-Method Statements?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7583 li qed tingħata wkoll fis-seduta tal-lum.

BCA – ħruġ ta’ clearance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-medja tad-dewmien li l-BCA tieħu sabiex toħroġ il-clearance f’każ li l-Method Statement ikun sottomess kif meħtieġ, u allura ma jkunx hemm il-ħtieġa li tintalab reviżjoni?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġaladarba l-Awtorità tikkonferma li l-method statements u dokumenti oħra sottomessi mill-applikant ikunu konformi mal-Liġijiet Sussidjarji 623.06 u 623.08, il-clearance tinħareġ immedjatament. Madanakollu, ikun hemm sitwazzjonijiet fejn xi dokumenti li jkunu ġew sottomessi mill-applikant lill-Awtorità ma jkunux jissodisfaw il-liġijiet imsemmija u għaldaqstant il-proċess jitwal. F’dan il-każ, it-tul ta’ żmien biex tinħareġ il-clearance jiddependi biss minn kemm idumu ma jissottomettu d-dokumenti korretti l-applikanti.

Mtarfa – Triq in-Narċis — dawl

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex Triq in-Narċis fl-Imtarfa għadha mingħajr dawl u ilha bla dawl snin għax minn meta sar l-asfaltar f’din it-triq, il-kuntrattur kien qata’ d-dawl u qatt ma reġa’ tranġa? Tista’ tgħid jekk il-kuntrattur responsabbli mix-xogħlijiet weħilx multa talli wettaq din l-inkonvenjenza u tgħid għaliex l-Enemalta qatt ma ħadet passi biex tirranġa l-ħsarat? Apparti din it-triq jidher li hemm toroq oħrajn li ġew affettwati, fosthom: Triq il-Peprin, Triq il-Ġiżimin u Triq il-Ġilju.

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li mill-verifiki li saru mill-Enemalta, jirriżulta li dan id-dawl u l-infrasturuttura tiegħu mhuwiex tal-Enemalta. Fil-fatt, l-Enemalta ma kellha l-ebda rapport dwaru mill-Kunsill Lokali.

Direttorat għas-Saħħa Ambjentali – uffiċini

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid liema huma l-uffiċċji reġjonali tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ġewwa Malta u Għawdex fejn wieħed jista' jirrapporta nuqqas relatat mas-sanità? Minn fejn qed joperaw? X'inhuma l-ħinijiet tal-ftuħ ta' kull wieħed minn dawn l-uffiċċji?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija Parlamentari numru 6600.

Awtorità tal-Ippjanar — fondi miġburin minn skemi diversi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema linji gwida jintużaw biex l-Awtorità tal-Ippjanar tiddeċiedi li tgħaddi fondi miġbura mid-Development Planning Fund (DPF), mill-Commuted Parking Payment Scheme (CPPS) u fondi oħra li tiġbor, lil xi kunsill lokali jew lil xi entità oħra lokali, għal titjib fil-lokalità? Jista' jgħid ukoll liema dokumenti jkunu jridu jiġu sottomessi għall-konsiderazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar f'dawn l-applikazzjonijiet qabel il-fondi jiġu approvati?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċirkulari tal-Ippjanar numru 1 tas-sena 2022 tagħti linji gwida dwar kif jintużaw fondi tal-Awtorità fl-iskema magħrufa bħala “Locality Funding” tad-Development Planning Fund. Qiegħed inpoġġi kopja taċ-Ċirkulari u d-dokumenti relatati fuq il-Mejda tal-Kamra. Dokumenti li jkunu jridu jiġu sottomessi flimkien mal-applikazzjonijiet għall-fondi ħafna drabi jiddependu min-natura tal-applikazzjoni. F’każ ta’ applikazzjoni għall-fondi “full” tista’ tgħid li dejjem ikunu jinvolvu: Site plan Block Plan Plans, elevations etc. Bills of Quantities Specifications Approved Planning Consent References (eg. PA, DN etc. if relevant) Photographs F’każijiet oħrajn jistgħu jintalbu dokumenti oħra skont il-każ. L-applikazzjonijiet huma standard u jinkisbu minn fuq il-websajt tal-PA.

Guardianship Deeds

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 7223 u 6935, li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Ġustizzja u lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal rispettivament, u tgħid għaliex hemm dewmien twil (saħansitra snin sħaħ ta’ dewmien) fl-għotja ta’ Atti ta’ Kurazija (Guardianship deeds) lil NGOs? Fejn qegħdin jeħlu dawn il-proposti? Tista’ tgħid ukoll jekk dan id-dewmien huwiex ġustifikat jew le? Tista’ tiċċara f’isem il-Gvern jekk hemmx jew le r-rieda politika biex ikomplu jingħataw Atti ta’ Kurazija lil NGOs?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tispeċifika għal liema proposti qed tirreferi.

Ta' Qali — Art għall-Bini ta' Arkivju Nazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6727 u jgħid f'liema stadju wasal il-proġett tal-bini ta’ Arkivju Nazzjonali fuq l-art f’Ta' Qali li fit-3 ta’ Ġunju 2019 kienet mgħoddija uffiċjalment lill-Arkivji Nazzjonali għal dan l-iskop u li l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien kien ikkonferma li fuqha ser jinbena l-Arkivji Nazzjonali?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6799 li ngħatat fis-seduta 95 mill-Ministru kkonċernat.

Kumpaniji Barranin – cash rebates

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il cash rebate ġie mħallas lil kumpaniji barranin u kemm tħallsu lil kumpaniji Maltin f’dawn l-aħħar tliet snin, ċjoè mis-sena 2021 s’issa? Jista’ jippreżenta lista ta’ liema huma dawn il-kumpaniji u kemm ħadu kull wieħed?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Cash Rebates – Studju dwar is-sostenibbiltà

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra studju dwar is-sostenibbiltà fit-tul tal-programm tal-cash rebate għas-snin li ġejjin? Kemm hu verament sostenibbli l-cash rebate?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Rimi ta’ batteriji ta’ vetturi elettriċi difettużi u/jew utilizzati għalkollox

Question

Tista' l-Ministru tispjega kif batteriji ta' vetturi elettriċi difettużi u/jew utilizzati għalkollox qed jintremew u fejn qed jintremew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-batteriji ta’ vetturi elettriċi li jispiċċaw skart jittieħdu ġo faċilitajiet li huma awtorizzati mill-ERA għall-immaniġġjar ta’ skart li jikkonsisti fost oħrajn, f’batteriji minn vetturi elettriċi. Dawn jieħdu ħsieb sabiex il-batteriji jiġu esportati lejn Stati Membri oħra għar-riċiklaġġ. Barra minn hekk, il-produtturi ta’ dawn il-batteriji (li jinkludu importaturi) jew partijiet terzi li jaġixxu f’isimhom, huma obbligati li jikkonformaw mal-obbligi estiżi tal-produttur (Extended Producer Responsibility), inkluż l-obbligu li jieħdu lura skart ta’ batteriji minn vetturi elettrici mingħand utenti aħħarin.

Awtorità tal-Artijiet — Tas-Sliema – Fond – encroachment, clearance, title jew ftehim

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x'forma ta’ encroachment, clearance, title jew ftehim ingħata/ingħataw mill-Awtorità tal-Artijiet jew mill-Gvern fuq is-sit li huwa okkupat mill-fond f’Tas-Sliema li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jippreżenta kopja ta’ dawn l-encroachments, ftehimiet jew clearances?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta' l-Artijiet tikkonferma li s-sid ingħata l-kunsens sabiex japplika għal permess ta’ żvilupp ma l-Awtorità tal-Ippjanar, kif inhi l-prassi normali. L-Awtorità tal-Artijiet tkun tista' tagħti Encroachment Concession biss jekk l-Awtorità tal-Ippjanar tapprova l-permessi tagħha.

FATF – trasparenza u żieda benefiċjarja tal-kumpaniji

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7313, peress li l-mistoqsija parlamentari ma kenitx tirrigwardja liema poteri legali kellha jew ma kellhiex il-Malta Business Registry (MBR), jew liema kumpanija kienet qed isservi bħala azzjonista, u peress li l-Gvern huwa ‘on record’ numru ta’ drabi jgħid li għamel due diligence dettaljat qabel ma ngħatat il-konċessjoni, u għalhekk il-Gvern jaf min kienu l-persuni, l-individwu, ossija l-Ultimate Beneficial Owners wara l-kumpaniji li ngħataw il-konċessjoni tal-Isptarijiet u jekk inbidlux jew le matul il-konċessjoni, u peress li l-Gvern għandu d-dover lejn il-poplu Malti u Għawdxi, jista’ l-Ministru jgħid min kienu s-sjieda benefiċjarja tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament meta ngħataw il-konċessjoni tal-Isptarijiet?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpelant li l-MBR ma kenitx involuta fid-due diligence fuq l-imsemmija kumpanija.

Sptar Mater Dei – apparat fis-Sleep Lab

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7416, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jaġġorna l-Kamra dwar l-eżitu tat-tender għad-Dipartiment tal-iSleep Lab?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-rapport ta’ evalwazzjoni qed jiġi ffinalizzat u se jintbagħat lid-Dipartiment tal-Kuntratti bir-rakkomandazzjonijiet mill-bord.

Paceville – investigazzjonijiet fuq ġlied

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet dwar ġlieda li seħħet fil-bidu tas-sena (Jannar) 2021 f’Paceville bejn 50 persuna? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu, ta’ liema nazzjonalità kienu l-persuni u jekk tressqux il-Qorti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li hemm żewġ persuni ta' nazzjonalità Sirjana u Bulgara bi proċeduri pendenti quddiem il-Qorti.

Eco-Tax

Question

Jista’ l-Ministru jelenka d-dħul minn meta ġiet introdotta l-Eco-Tax jew bed-tax, jiġifieri dak li t-turisti jridu jħallsu għal kull lejl li jagħmlu f’Malta, sena b’sena? Jista’ jgħid min hu l-kumitat jew l-entità li tieħu ħsieb dan il-fond? Jista’ jgħid kif dawn intużaw sena b’sena u min ibbenefika minn dan il-fond?

Response (CARUANA, CLYDE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex għas-snin 2016-2021 jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-PQ 670. Id-dħul għas-sena 2022 kien ta’ €2,952,989.05. Rigward it-tieni u tielet parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Imqabba – Triq il-Parroċċa u Triq it-Torri Vincenti — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-valur tax-xogħlijiet li saru fil-bini ta’ mogħdija bejn Triq il-Parroċċa u Triq it-Torri Vincenti fl-Imqabba, min huma l-kuntratturi li għamlu x-xogħlijiet u kemm-il darba sar xogħol ta’ tiswija wara li nbniet it-triq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta m’għamlitx xogħol fil-mogħdija li qed tiġi riferuta għaliha fil-Mistoqsija Parlamentari numru 7060.

San Ġiljan – Triq Mikiel Anton Vassalli u Triq San Ġorġ – soft areas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu responsabbli għaż-żamma tas-soft areas li hemm fid-dħul għal Paceville ħdejn il-lights, li parti minnhom huma fi Triq Mikiel Anton Vassalli u parti oħra huma fi Triq San Ġorġ?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Short lets u appartamenti Airbnb – skeda tal-ġbir tal-iskart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan tiegħu biex ix-short lets u appartamenti mikrijin bħala Airbnb josservaw l-iskeda tal-ġbir tal-iskart, fid-dawl li wħud minnhom dan ma jagħmluhx u fix-xhur li ġejjin din se tkun problema kbira?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala parti minn kampanja nazzjonali ta’ informazzjoni dwar l-iskeda l-ġdida tal-ġbir tal-iskart, dan il-Ministeru qed iqassam stickers u materjal informattiv f’diversi lingwi lis-sidien kollha reġistrati tal-kondominji u dan fost għadd ta’ miżuri oħrajn. Intant ser inkunu qed nikkordinaw ukoll mal-Ministeru kkonċernat sabiex jintlaħqu wkoll l-operaturi tal-Airbnb u, fost oħrajn, jintbagħtulhom ukoll l-istickers u l-materjal informattiv imsemmi.

Żoni turistiċi – ħruġ ta’ skart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pjan biex f’żoni turistiċi ma jsirx ħruġ ta’ skart barra mill-ħinijiet li suppost, fid-dawl li dan mhuwiex riklam tajjeb għall-isforzi li qegħdin isiru biex jinġieb it-turiżmu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat, ninfurmah li min-naħa tad-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni, flimkien mal-awtoritajiet ikkonċernati, matul ix-xhur meqjusa li l-iktar li jkun hemm influss ta’ nies fiż-żoni turistiċi, ser ikun qed isir eżerċizzju ta’ infurzar sabiex isir monitoraġġ ta’ ħruġ ta’ skart skont l-iskeda nazzjonali.

Investiment fuq kundizzjonijiet ta’ saħħa

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhu jsir biex tiġi mħarsa s-saħħa mentali ta' persuni li jbatu minn dawn il-kundizzjonijiet: Parkinson's Disease, Fibromyalgia, Cystic Fibrosis, ALS u Alzheimer's Disease?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 7173.