Legislature:
Category:
Reset
Active:

Diskussjonijiet dwar l-Air Malta mal-Kummissjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu d-diskussjonijiet dwar l-Air Malta mal-Kummissjoni Ewropea?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet u n-negozjati bejn il-Gvern ta’ Malta u l-Kummissjoni Ewropea għadhom għaddejjin.

Awtorità Maltija għat-Turiżmu – spezzjonijiet ta’ infurzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni ta’ infurzar saret mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fis-snin 2021 u 2022? Jista’ jgħid fejn saru dawn l-ispezzjonijiet, żona b’żona?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għat-Turiżmu u Awtorità Maltija għat-Turiżmu — direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders illi ngħataw mill-Ministeru tiegħu u mill-Awtorità Maltija għat-Turiżm (MTA) matul is-sena 2023?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Awtorità Maltija għat-Turiżmu – kuntratti tal-kera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt tal-kera daħlet fih l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) mill-2017 sal-lum, inkluż tiġdid tal-kera, u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istess kuntratt?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-MTA għandha kuntratti tal-kera tas-segwenti postijiet: · Uffiċini fi Smart City, · l-Uffiċju tar-Rabat Għawdex, · Uffiċini fl-Imsida, · Stores tal-Imrieħel, · Warehouse f’Ħal Għaxaq, · Uffiċini f’ibliet barranin – Varsavja, Pariġi, Londra u Ruma, · Tourist Information Offices fl-Imdina, Valletta Cruise Port, MIA, Buġibba, Pjazza Tritoni, Birgu, Mellieħa, M’Xlokk u Mġarr Għawdex. Il-kuntratti huma kummerċjalment sensittivi u għaldaqstant ma jistgħux jingħataw.

Informal caregivers – applikazzjonijiet għal residential respite

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm tibdil fil-kondizzjonijiet sabiex informal caregivers ikunu jistgħu japplikaw għal Respite Residenzjali? Jekk iva, jista’ jgħid meta sar dan it-tibdil u għaliex sar? Jista’ jgħid ukoll kemm kien il-massimu ta’ ġranet li dawn l-informal caregivers setgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz u kif setgħu jieħduh u jgħid ukoll kemm hu l-massimu ta’ ġranet illum li jistgħu jieħdu u kif jista’ jittieħed?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda tibdil fil-kundizzjonijiet sabiex informal caregivers ikunu jistgħu japplikaw għal Respite Residenzjali. Il-massimu tas-servizz huwa ta’ tliet ġimgħat u jkunu jistgħu jagħmlu użu minnu tliet darbiet fis-sena.

Residenza San Vinċenz de Paule – servizz b’xejn ta’ televiżjoni għar-residenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2008, jista’ l-Ministru jgħid jekk jaħsibx illi l-anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paul għandhomx igawdu minn servizz b’xejn tat-televiżjoni kullimkien u mhux fil-common areas tas-swali biss? Jista’ jgħid għaliex l-anzjani għandhom iħallsu huma għal dan is-servizz?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ġo kull sala r-residenti jistgħu jgawdu mis-servizz b’xejn tat-televiżjoni ġol-common areas bħalma kien għal bosta snin. Is-servizz ta’ free to air channels fejn kull sodda huwa provdut mill-kumpanija privata permezz tal-użu tal-antennae fejn dan l-aħħar ġimgħat qed isiru arranġamenti f’kull lokalità biex dan is-servizz ikompli jingħata. Dan qed isir ukoll ġewwa San Vinċenz de Paul (SVP). Barra minn hekk, kull resident jista’ jagħmel ftehim mal-kumpanija li tipprovdi s-servizz ġewwa SVP biex ikollu servizz tat-televiżjoni b’aktar stazzjonijiet ħdejn is-sodda.

Trasport provdut lill-anzjani biex ikunu jistgħu jaċċessaw ir-reverse vending machines

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx il-ftehim bejn BCRS Malta Limited u l-Active Ageing sabiex l-anzjani jiġu pprovduti trasport sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw ir-reverse vending machines u jiddepożitaw il-fliexken tagħhom? Jista’ jgħid meta se jibda jitħaddem dan is-servizz u jagħti dettalji ta’ kif se jibda jopera dan is-servizz?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-taħditiet dwar il-ftehim mal-BCRS Malta Ltd waslu fil-fażi finali. Dan is-servizz jibda jitħaddem hekk kif il-karozzi jkunu disponibbli għand l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Dan is-servizz se jitħaddem billi l-anzjani jittieħdu biex jagħmlu x-xirja tagħhom mis-supermarkets li għandhom il-magna tal-iskema ta’ rifużjoni, biex fl-istess ħin huma jirritornaw il-kontenituri vojta li jkollhom. F’każ li l-ħanut li minnu jixtri l-anzjan/a m’għandux il-magna tar-rifużjoni, l-anzjani jittieħdu fl-eqreb hub ta’ din l-iskema u wara jibqgħu sejrin bihom biex jagħmlu x-xirja tagħhom. Barra milli jaqdu lill-anzjani fl-iskema tar-rifużjoni kif spjegat hawn fuq, il-vetturi sejrin jintużaw għas-servizz normali tas-Silver-T, fuq livell nazzjonali. Dan is-servizz ta’ trasport għall-anzjani, huwa bla ħlas u hu indirizzat sabiex jitnaqqas kull inkonvenjent għall-anzjani nieqsa minn mobilità.

Servizz ta’ trasport għal min ikun qed iżur ir-Residenza San Vinċenz de Paul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min qiegħed jieħu ħsieb is-servizz ta’ trasport għal min ikun qed iżur ir-Residenza San Vinċenz de Paul sabiex jittieħed minn post għal post fl-istess Residenza? Jista’ jgħid kif jopera dan is-servizz, inkluż kemm jiswa u kemm qed jintużaw vannijiet?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-servizz qed jiġi provdut mill-Kumitat tal-Welfare. Kuljum ġewwa San Vinċenz hemm servizz ta’shuttle service li waqt il-ħinijiet tad-dħul tal-viżitaturi, it-trasport iwassalhom fis-swali rispettivi. Għal dan is-servizz jintuża vann wieħed.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – uffiċjali li ġew misjuba ħatja ta’ xi reat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx uffiċjali jaħdmu fi ħdan il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li kellhom preċedenti penali u li ġew misjuba ħatja ta’ xi reat?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li hemm żewġ uffiċjali li kellhom preċedenti penali u li ġew misjuba ħatja ta’ xi reat li wara ġew impjegati fis-sena 2003.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Impjegati li jiġu skrutinizzati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-proċess li jintuża sabiex jiġi determinat jekk persuni li se jidħlu jaħdmu fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin (CCF) jiġu debitament skrutinizzati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li kull applikant jiġi mitlub jipproduċi l-kondotta tal-Pulizija riċenti li trid tkun maħruġa mhux aktar tard minn xahar (1) mid-data tal-applikazzjoni filwaqt li jsiru ‘checks’ oħrajn.

Pulizija – immigranti ripatrijati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ripatrijati immigranti li daħlu f’Malta mill-2022 sal-lum?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi fis-sena 2022 ġew ritornati 974 persuna lejn il-pajjiż tal-oriġinu jew pajjiż ieħor, filwaqt li mill-1 ta’ Jannar 2023 sa 22 ta’ Marzu 2023 ġew ritornati 186 persuna lejn il-pajjiż tal-oriġinu jew pajjiż ieħor. Dan jinkludi ir-ritorn ta’ persuni li waslu Malta b’mod irregolari u kellhom it-talba tagħhom tal-ażil micħuda, u persuni li kienu qed jirresjedu f’pajjiżna b’mod irregolari.

Dipartiment tal-Edukazzjoni – servizz/għajnuna lill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' servizz/għajnuna qed jagħti d-Dipartiment tal-Edukazzjoni lill-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li r-responsabilità tal-proċess edukattiv fil-Faċilità Korettiva hija f’idejn it-taqsima tal-Kura, Reintegrazzjoni u Edukazzjoni fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi li min-naħa tagħha tikkollabora u taħdem fil-qrib mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ġiet impjegata persuna inkarigata mill-edukazzjoni b’mod speċifiku, dejjem fi ħdan it-taqsima msemmija aktar 'il fuq. Din il-persuna hija għalliema u setgħet taħdem fi ħdan l-Aġenzija wara li sar xogħol bejn iż-żewġ Ministeri rispettivi. Dan l-uffiċjal huwa responsabbli mill-aspett edukattiv tal-priġunieri. Iżda aktar minn hekk l-Aġenzija taħdem fil-qrib ma’ istituzzjonijiet oħrajn bħalma huma l-MCAST, anke grazzi għall-MOU li kien ġie ffirmat fl-2021, fejn mhux biss hemm priġunieri li jmorru jieħdu korsijiet fl-MCAST iżda anke qed jmorru għalliema ta’ suġġetti vokazzjonali u snajja’ differenti sabiex dawk li mhux possibbli joħorġu, xorta waħda jkunu jistgħu jsegwu kors. Pari-passu ma’ dan, it-taqsima tal-Kura, Reintegrazzjoni u Edukazzjoni taħdem ukoll fil-qrib mad- dipartiment tal-Life Long Learning u anke ma’ Jobsplus. Wieħed għandu jifhem li l-kompetenzi edukattivi tal-priġunieri jkunu fuq livelli differenti u għalhekk wara li jkun sar l-assesjar propizju, wieħed jara x’korsijiet ikunu adattati għall-individwu. Bħala regola ġenerali, apparti korsijiet fi snajja’ bħal dawn fl-injam, elettriku u hairdressing jingħataw korsijiet ukoll fl-Ingliż, matematika u anke lingwi oħra skont it-talba. Il-prinċipju ġenerali li jixpruna t-taqsima dejjem ikun dak li l-korsijiet li jiġu segwiti jkunu akkreditati sabiex il-priġunieri jkunu jistgħu jieħdu magħhom ċertifikat li jservihom żgur meta jaslu biex joħorġu mill-faċilità. Jeżistu diversi stejjer ta’ suċċess fosthom persuni li ħadu korsijiet fil-livelli ta’ Masters u anke li taw eżamijiet oħrajn. L-edukazzjoni tibqa’ parti importanti mill-proċess rijabilitattiv u ta’ reintegrazzjoni u huwa għalhekk li l-Aġenziija tpoġġi dan fuq quddiem nett.

Il-Furjana – Dar il-Mistrieħ – anzjani residenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li huma residenti bħalissa f’Dar il-Mistrieħ fil-Floriana u kemm hu n-numru ta’ anzjani li jridu jiġu rilokati sabiex ikunu jistgħu jsiru x-xogħlijiet ta’ rinnovar f’din id-dar residenzjali?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm 36 resident u sabiex ikunu jistgħu jsiru x-xogħlijiet ta’ rinnovar hemm bżonn li jiġu rilokati sa massimu ta’ 15-il resident.

Floriana – Dar il-Mistrieħ – xogħlijiet ta’ rinnovar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkunu qed jibdew ix-xogħlijiet ta’ rinnovar fid-dar residenzjali, Dar il-Mistrieħ fil-Floriana? Jista’ jgħid ukoll meta se jkunu lesti?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ rinnovar diġà beda f’Dar il-Mistrieħ, Floriana u huwa skedat li jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena.

Energy Performance Certificates

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1981, 5572 u 6075 u jgħid kemm ġew irreġistrati, sena b’sena u sakemm qed titwieġeb din il-mistoqsija, Energy Performance Certificates (EPCs) għall-ewwel darba, maqsuma bejn bini jew installazzjonijiet privati, pubbliċi u kummerċjali? Kemm minn dawn skadew? Kemm minn dawk li skadew reġgħu ġew imġedda u kemm minn dawk li skadew għadhom skaduti? Kemm mir-rakkomandazzjonijiet li saru fiċ-ċertifikati li saru fl-ewwel ċertifikat ġew implimentati sakemm saret iċ-ċertifikazzjoni sussegwenti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Infurmat li n-numru ta’ EPCs reġistrati kull sena huma kif ġej: Djar ta’ abitazzjoni: Sena Numru totali ta' EPCs 2023 476 2022 8,900 2021 10,194 2020 9,286 2019 13,131 2018 16,576 2017 10,392 2016 9,035 2015 7,936 2014 1,382 2013 139 2012 238 2011 301 2010 3 Bini ieħor: Sena Numru totali ta' EPCs 2023 10 2022 316 2021 318 2020 331 2019 623 2018 1,044 2017 1,036 2016 689 2015 543 2014 37 Kull EPC huwa validu għal għaxar snin. EPC irid jinħareġ f’każi ta’ bejgħ, kiri jew bini ġdid. Hemm l-obbligu li s-sid jara li hu konformi mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-istess ċertifikat.

Birżebbuġa – ċentru komunitarju ġdid

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6718, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il spazju ta' parkeġġ hemm biswit il-lok magħżul għal Klinika fil-Komunità f'Birżebbuġa, kemm ser ikun l-investiment inizjali, x'ser ikunu s-servizzi li ser ikunu offruti u meta ser ikunu l-ġranet u l-ħinijiet tal-ftuħ? Jista' jgħid liema ser ikunu l-ħinijiet tat-tabib (GP) u jekk hux ser jingħata s-servizz ta' tilqim, speċjalment dak relatat ma’ persuni li jaħdmu ma’ immigranti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xoghol fuq il-Klinika Kommunitarja għas-sahha f’B’Bugia ser jibda fil-gimghat li gejjin wara li aktar kmieni din is-sena instab sit addattat.

Ħal Safi, Imqabba u Ħal Kirkop – ħruġ ta’ permessi għal tined/canopies

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6074 u jgħid kemm inħarġu permessi għal tined/canopies mill-1 ta' Jannar 2022 sal-aħħar ta' Jannar 2023 f'Ħal Safi, fl-Imqabba u f’Ħal Kirkop?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nħarġu l-ebda permessi għal tined f’Ħal Safi, l-Imqabba u Ħal Kirkop bejn l-1 ta’ Jannar 2022 u l-aħħar ta’ Jannar 2023.

Marsaxlokk – port — materjali mormi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7016, tista' l-Ministru tgħid kemm kienet il-kwantità ta' materjali li ġew imħammla mill-Port ta' Marsaxlokk mill-aħħar xahar tas-sena l-oħra sal-lum u fejn ġew mormija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont in-Noti ta’ Kunsinna mogħtija lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, it-tħammil fil-Port ta’ Marsaxlokk bejn Diċembru 2022 u t-22 ta’ Marzu 2023 kellu jammonta għal 25,200 metru kubu ta’ materjal li wara jintrema fl-ispoil ground uffiċjali 'l barra mill-Port il-Kbir.